Il-bżonn ta’ bilanċ fiż-żoni ta’ konservazzjoni fil-qasam tas-sajd.
Minn Sajjied.
Ftit tal-jiem ilu, dan is-sit tella’ artiklu tajjeb ħafna dwar aħbar li dehret fil-ġurnal Ingliż, The Daily Telegraph. Dan il-ġurnal tkellem dwar il-granċ ta’ kulur blu li llum jinsab fl-ibħfa Taljani. Dawn mhux ta’ oriġini Mediterranea imma jinsabu fl-Atlantiku. L-artiklu qal li dawn il-granċijiet issa jinsabu anki fl-ibħra tat-Tuneżija.
Bħala sajjied nista’ nikkonferma li dawn il-granċijiet jinsabu fl-ibħra tagħna. Jien ġieli qbadt minnhom u verament tajbin biex jittieklu. Nista’ nżid li dan mhux l-uniku granċ li jinsab fl-ibħra tagħna li mhux ta’ oriġini indiġena, jiġifieri Mediterranea. Fl-ibħra tagħna għandna granċ ieħor li mhux Mediterraneu. Oriġinarjament, dan hu granċ tal-Paċifiku Indjan imma llum jinsab fil-Mediterranean u daħal permezz tas-Suez Kanal. L-isem tiegħu huwa dak ta’ spider crab. Iż-żoni baxxi madwar il-kosta tagħna huma mimlija bih. Imma jrid jingħad li dan ma jagħmilx ħsara lill-fawna preżenti tagħna.
Imma dak li jolqtok f’dan l-artiklu ta’ The Telegraph huwa l-fatt li l-gvern Taljan ivvota fuq 2 miljuni ewro biex isiru studji rigward dan il-granċ mill-Atlantiku li qed joqtol il-molluski indiġini li hemm mal-kosta Taljana u aħna f’Malta prattikament ma għamilna xejn. Anzi kien grazzi għal dawn l-artikli f’dan is-sit li ttieħdet azzjoni fuq ir-rizzi anki jekk naħseb li hu tard wisq. Illum l-iSqallin bħal ma juri dan ir-ritratt qed jiftaħru bir-rizzi li għandhom. Aħna kellna dan kollu u tajnieh bis-sieq.

Aħna għandna żoni protetti u ż-żona ta’ konservazjoni. Il-mistoqsija tiġi waħidha. X’ġara biż-żona ta’ konservazzjoni? Għandna biżżejjed kosta sabiex is-sajd jibqa’ sostenibbli? Nibdew bil-kobor tal-kosta li għandu pajjiżna. Kemm verament ħadna ħsiebha? Illum jekk wieħed jogħdos isib li l-kosta ġiet imfarrka bl-imrietel pnowmatiċi biex jinqabad it-tamal li jikber fil-blat. Xi ħadd ħa xi azzjoni? Xejn.
L-istess ġara fil-każ tax-xwabel jew iċ–ċintorini. Anki s-sajd bil-parit ħarab mill-kontroll tal-awtoritajiet tas-sajd. Nistieden lill-awtoritajiet jistaqsu waħda lis-sajjieda x’ġara mis-sargi u xrieġen f’dawn l-aħħar snin fejn il-qbid tagħhom naqas drastikament. Tkisser iċ-ċiklu alimentari għaliex ir-rizzi waslu f’xifer l-estinzjoni li ġibnieha aħna għaliex ma għamilna xejn.
Fuq kollox, waqt li wieħed jaqbel maż-żoni ta’ konservazzjoni u żoni protetti, wieħed irid jara li speċi partikolari, per eżempju dan il-granċ tal-Atlantiku, ma jinvadix din iż-żona għad-detriment ta’ speċi oħra. Dan hu dak li qed jiġri bħalissa madwar Filfla. Mela dak li hemm bżonn huwa bilanċ, għaliex aħna għandna tendenza f’dan il-pajjiż li mmorru minn estrem għall-ieħor.
