Malta Għandha Bżonn Aktar Toroq jew Aktar Mobilità?

Minn Osservatur Politiku

Meta nitkellmu dwar it-traffiku f’Malta, ħafna drabi nibdew mill-istess mistoqsija: fejn se nagħmlu triq oħra? Meta triq tkun konġestjonata, nipproponu widening. Meta junction tkun mimlija, nikkunsidraw flyover. Meta l-karozzi jkunu qed jagħmlu kju, nistaqsu jekk għandniex bżonn korsija oħra.

Imma forsi qed nibdew mill-mistoqsija żbaljata. Il-mistoqsija li għandna nagħmlu mhijiex kemm għandna bżonn aktar toroq. Hija kemm għandna bżonn aktar mobilita’. Id-differenza tista’ tidher żgħira, imma fil-verita’ hija fundamentali.

Triq hija infrastruttura. Il-mobilita’ hija l-possibbilta’ li persuna tasal fejn għandha bżonn tasal, fil-ħin li għandha bżonn tasal, b’mod sigur, affordabbli u effiċjenti. Jekk nibnu aktar toroq iżda nibqgħu nqattgħu siegħat fit-traffiku, ma nkunux solvejna l-problema. Inkunu sempliċement bnejna aktar spazju għall-karozzi.

Malta hija pajjiż żgħir. L-ispazju tagħna huwa limitat, iżda d-domanda għall-mobilita’ qed tikber. Aktar nies qed jgħixu u jaħdmu f’Malta, aktar familji għandhom karozzi, u ħafna nies għadhom jiddependu fuq il-karozza privata biex imorru għax-xogħol, l-iskola, l-isptar jew għax-xiri. Għalhekk ma nistgħux nibqgħu naħsbu fit-trasport bħala problema ta’ toroq biss. Irridu nibdew naħsbu fis-sistema kollha.

L-ewwel prinċipju għandu jkun sempliċi: persuna m’għandhiex tkun sfurzata tuża karozza biex tgħix ħajjitha. Jekk persuna trid tmur ix-xogħol, għandha jkollha għażla realistika li tuża t-trasport pubbliku. Jekk student irid imur l-iskola jew l-universita’, għandu jkollu rotta sigura u effiċjenti. Jekk persuna anzjana għandha bżonn tmur għand it-tabib, m’għandhiex tkun tiddependi dejjem fuq membru tal-familja biex jeħodha. U jekk xi ħadd irid jimxi jew juża r-rota, għandu jkun jista’ jagħmel dan mingħajr ma jpoġġi ħajtu f’riskju. Din hija mobilita’.

Il-karozza tibqa’ parti importanti mill-ħajja tagħna. Ma naħsibx li nistgħu, jew għandna, nippretendu li nistgħu nneħħuha mill-ekwazzjoni.

Malta għandha ekonomija li tiddependi fuq il-mobbilta’ tan-nies u tal-merkanzija. Hemm nies li għandhom bżonn il-karozza għax-xogħol tagħhom. Hemm familji li jgħixu f’żoni fejn l-alternattivi għadhom limitati.
Għalhekk il-politika m’għandhiex tkun gwerra kontra l-karozza. Għandha tkun politika li tagħti lin-nies aktar għażliet. U dan jitlob li nħarsu lejn it-trasport pubbliku b’mod differenti.

Għal ħafna snin tkellimna dwar kemm huwa importanti li aktar nies jużaw it-trasport pubbliku. Imma ma nistgħux nistennew li n-nies jitilqu l-karozza jekk l-alternattiva ma tkunx affidabbli. It-trasport pubbliku għandu jkun puntwali, frekwenti, komdu u aċċessibbli. Għandu jkun possibbli li persuna tippjana l-ġurnata tagħha billi taf li l-karozza tal-linja se tasal fil-ħin. U mhux biżżejjed li jkollna servizz tajjeb bejn il-lokalitajiet ewlenin. Irridu sistema li taħdem ukoll għall-aħħar kilometru.

Persuna tista’ tasal bil-karozza tal-linja qrib id-destinazzjoni tagħha, imma jekk imbagħad ikollha timxi f’triq perikoluża jew mingħajr bankina, il-vjaġġ jibqa’ problema. Għalhekk il-mobilita’ trid tkun integrata.

It-trasport pubbliku, il-mixi, ir-roti, il-karozzi u anke forom ġodda ta’ trasport għandhom jitqiesu bħala partijiet mill-istess sistema. Dan iwassalna għall-ippjanar. Ma nistgħux nibnu residenzi, uffiċini, skejjel u kummerċjalizzazzjoni f’żona u mbagħad nistaqsu kif se jaslu n-nies hemmhekk. It-trasport għandu jkun parti mill-ippjanar mill-bidu.

Jekk nibnu eluf ta’ appartamenti f’żona mingħajr infrastruttura tat-trasport adegwata, inkunu qed noħolqu problema li mbagħad nippruvaw insolvu b’aktar toroq. Jekk nagħmlu żvilupp kummerċjali kbir mingħajr ma nikkunsidraw il-flussi tat-traffiku, inkunu qed nikkreaw konġestjoni qabel ma niftħu l-bieb. Għalhekk l-ippjanar tal-art u l-politika tat-trasport għandhom jimxu flimkien.

Imma hemm ukoll kwistjoni ta’ ħin. Ħin fit-traffiku huwa spiża ekonomika. Meta persuna tqatta’ siegħa filgħodu u siegħa filgħaxija fil-karozza, dawk huma sagħtejn li ma jistgħux jintużaw għall-familja, għall-mistrieħ jew għal attivita’ produttiva. Għal eluf ta’ persuni kuljum, dan isir spiża kbira għall-ekonomija kollha.

Il-konġestjoni żżid ukoll il-konsum tal-fjuwil, it-tniġġis u l-istress. Għalhekk it-traffiku mhuwiex sempliċement inkonvenjent. Huwa problema ekonomika, soċjali u ambjentali.

Hawnhekk irridu nitkellmu wkoll dwar il-parkeġġ. Għal ħafna nies, il-vjaġġ bil-karozza jibda qabel ma joħorġu mid-dar u jispiċċa biss meta jsibu post fejn jipparkjaw. Jekk il-politika tat-trasport ma tinkludix politika serja dwar il-parkeġġ, inkunu qed ninjoraw parti kbira mill-problema. Park and ride, parkeġġi periferali u sistemi ta’ trasport li jgħaqqdu dawn il-faċilitajiet maċ-ċentri urbani jistgħu jgħinu biex inaqqsu l-karozzi li jidħlu fiż-żoni l-aktar konġestjonati.

Imma l-mira m’għandhiex tkun biss li nnaqqsu l-karozzi fiċ-ċentru. Il-mira għandha tkun li nagħmlu l-vjaġġ kollu aktar effiċjenti. Dan ifisser ukoll li rridu nużaw it-teknoloġija.

Informazzjoni f’ħin reali, sistemi intelliġenti ta’ traffic management, data dwar il-flussi tat-traffiku u sistemi aħjar ta’ ħlas u informazzjoni jistgħu jgħinu biex nużaw l-infrastruttura li diġa’ għandna b’mod aktar effiċjenti.

Ma nistgħux nibqgħu naħsbu li l-unika soluzzjoni hija aktar konkos. Kultant is-soluzzjoni tkun teknoloġija. Kultant tkun organizzazzjoni aħjar. Kultant tkun trasport pubbliku aktar effiċjenti. U kultant tkun deċiżjoni ta’ ppjanar li tipprevjeni l-problema qabel ma tinħoloq.

Hemm ukoll dimensjoni importanti ħafna: il-kwalita’ tal-ħajja. Triq mhijiex biss spazju għall-karozzi. Hija parti mill-komunita’. Jekk triq issir tant traffikuża li t-tfal ma jistgħux jimxu b’mod sigur, l-anzjani jibżgħu jaqsmu, u r-residenti ma jistgħux jużaw l-ispazju pubbliku, inkunu qed nitilfu xi ħaġa importanti.

Irridu toroq li jaqdu n-nies, mhux biss il-vetturi. Dan ma jfissirx li kull triq għandha ssir pedestrianised jew li kull karozza għandha titneħħa. Ifisser li fil-politika tagħna rridu nsibu bilanċ bejn il-ħtiġijiet differenti. U rridu nibdew nippjanaw għall-futur.

Il-popolazzjoni ta’ Malta nbidlet. Il-mod kif naħdmu qed jinbidel. It-teknoloġija qed tinbidel. Il-vetturi elettriċi qed jiżdiedu. Il-mod kif il-ġenerazzjonijiet iżgħar jaħsbu dwar iż-żieda tal-karozzi jista’ jkun differenti minn dak tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom.

Għalhekk ma nistgħux nibnu sistema tat-trasport għall-Malta tal-passat. Irridu nibnuha għall-Malta li se jkollna fl-2035, fl-2050 u lil hinn. Dan jitlob viżjoni.

Jiena nemmen li Malta għandha bżonn bidla fil-mod kif tkejjel is-suċċess tal-politika tat-trasport. M’għandniex nistaqsu biss kemm-il kilometru ta’ triq ġdida bnejna. Għandna nistaqsu kemm damet persuna biex tasal. Kemm nies setgħu jużaw it-trasport pubbliku. Kemm tnaqqsu l-inċidenti. Kemm sar aktar faċli li wieħed jimxi. Kemm tnaqqas il-ħin mitluf fit-traffiku. U kemm saret aħjar il-kwalita’ tal-ħajja. Dawn huma l-indikaturi li għandhom jinteressawna.

Għax fl-aħħar mill-aħħar, il-mira tat-trasport mhijiex li jkollna aktar toroq. Il-mira hija li n-nies ikunu jistgħu jiċċaqilqu.

Malta m’għandhiex bżonn biss aktar infrastruttura. Għandha bżonn sistema ta’ mobilita’ li taħdem. Sistema li tgħaqqad it-trasport pubbliku ma’ infrastruttura għall-mixi u r-roti, li tuża t-teknoloġija, li tippjana l-parkeġġ, li torbot l-iżvilupp mal-infrastruttura u li tagħti lin-nies għażliet reali.

Jekk nagħmlu dan, inkunu qed nagħmlu aktar minn sempliċement insolvu t-traffiku. Inkunu qed nibnu pajjiż fejn il-ħin tan-nies jingħata valur. Fejn persuna m’għandhiex għalfejn tqatta’ parti kbira minn ħajjitha fil-karozza. Fejn anzjan jista’ jiċċaqlaq b’indipendenza. Fejn tifel jista’ jimxi b’mod sigur. Fejn ħaddiem jista’ jasal għax-xogħol mingħajr ma jibda l-ġurnata tiegħu f’konġestjoni. U fejn l-ekonomija tista’ taħdem b’mod aktar effiċjenti.
Għalhekk, meta nistaqsu “aktar toroq jew aktar mobilita’?”, nemmen li t-tweġiba għandha tkun ċara. Irridu infrastruttura fejn hemm bżonnha. Imma fuq kollox irridu mobilita’.

Għax triq tista’ twasslek minn post għal ieħor. Sistema tajba ta’ mobilita’ tagħtik il-liberta’ li tasal fejn trid.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading