Is-Saħħa Mentali

Minn Osservatur Politiku
Meta nitkellmu dwar is-saħħa, ħafna drabi l-ewwel ħaġa li tiġi f’moħħna hija l-ġisem. Naħsbu fl-eżerċizzju, fl-ikel tajjeb, fil-mediċini u fl-isptarijiet. Iżda s-saħħa mhijiex biss fiżika. Hemm aspett ieħor daqstant importanti li għal ħafna snin baqa’ jingħata inqas attenzjoni: is-saħħa mentali.
Illum, fortunatament, din il-mentalita’ qed tinbidel. Qed nifhmu dejjem aktar li moħħ b’saħħtu huwa importanti daqs ġisem b’saħħtu. Persuna tista’ tidher perfettament tajba minn barra, iżda minn ġewwa tkun qed tgħix ansjeta’, dipressjoni, stress jew sens profond ta’ solitudni. Dawn huma realtajiet li ma jidhrux b’għajn mikxufa, iżda jistgħu jkunu ta’ piż kbir fuq il-ħajja ta’ min jgħixhom.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ilha tisħaq li s-saħħa mentali mhijiex sempliċement in-nuqqas ta’ mard mentali. Hija stat ta’ benesseri li fih il-persuna tkun kapaċi tlaħħaq mal-isfidi tal-ħajja, taħdem b’mod produttiv, tibni relazzjonijiet b’saħħithom u tikkontribwixxi lis-soċjeta’.
Dan ifisser li s-saħħa mentali tolqot lil kulħadd. Mhijiex kwistjoni li tikkonċerna biss lil min ikun ġie djanjostikat b’xi kundizzjoni partikolari. Kull wieħed u waħda minna jista’ jgħaddi minn perjodi ta’ pressjoni, tħassib jew diffikultajiet emozzjonali.
Il-ħajja moderna qed toħloq sfidi ġodda. Il-pass mgħaġġel tal-ħajja, il-pressjoni fuq il-post tax-xogħol, l-għoli tal-ħajja, il-bilanċ bejn il-familja u l-karriera, il-midja soċjali u l-inċertezza dwar il-futur kollha jistgħu jħallu impatt fuq il-benesseri psikoloġiku tagħna.
Żgħażagħ illum qed jikbru f’dinja differenti ħafna minn dik li kibru fiha l-ġenituri tagħhom. Huma kontinwament esposti għal paragun ma’ oħrajn permezz tal-midja soċjali. Jaraw biss il-“ħajja perfetta” ta’ ħaddieħor, filwaqt li ftit li xejn jaraw il-problemi u l-isfidi reali li kulħadd ikollu. Dan jista’ joħloq sens ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon, ansjeta’ u pressjoni kontinwa biex wieħed jidher dejjem perfett.
Min-naħa l-oħra, l-anzjani ħafna drabi jiffaċċjaw sfidi differenti. Is-solitudni, it-telf ta’ persuni għeżież, problemi ta’ saħħa u sens ta’ iżolament jistgħu jħallu effett profond fuq is-saħħa mentali tagħhom.
Għalhekk il-protezzjoni tas-saħħa mentali trid tkun prijorita’ tul il-ħajja kollha.
Wieħed mill-akbar ostakli jibqa’ l-istigma. Għalkemm illum nitkellmu aktar dwar is-saħħa mentali milli konna nagħmlu snin ilu, għad hemm min jibża’ jitlob l-għajnuna. Xi wħud jibżgħu li jiġu ġġudikati. Oħrajn jaħsbu li għandhom “jifilħu waħedhom”. Oħrajn jemmnu li jekk jammettu li qed ibatu, ikunu qed juru dgħufija. Fir-realta’ jiġri l-oppost.
Li tagħraf li għandek bżonn l-għajnuna huwa sinjal ta’ maturita’ u kuraġġ. L-istess kif ma noqogħdux lura milli mmorru għand tabib meta nweġġgħu sieqna jew ikollna deni, lanqas m’għandna noqogħdu lura milli nfittxu appoġġ meta l-piż emozzjonali jsir kbir wisq.
Il-prevenzjoni għandha rwol kruċjali. Mhux kull problema tas-saħħa mentali tista’ tiġi evitata, iżda ħafna minnhom jistgħu jiġu indirizzati kmieni jekk inkunu attenti għas-sinjali. Bidliet fl-imġiba, diffikulta’ biex torqod, nuqqas ta’ aptit, iżolament, ansjeta’ persistenti jew telf ta’ interess fl-affarijiet li qabel kienu jagħtu pjaċir jistgħu jkunu sinjali li persuna għandha bżonn l-għajnuna.
Hawnhekk il-familja għandha rwol essenzjali. Familja li titkellem, li tisma’ u li tappoġġja tista’ tagħmel differenza kbira. Xi kultant konversazzjoni sinċiera, mingħajr ġudizzju, tkun l-ewwel pass lejn il-fejqan.
L-iskejjel ukoll għandhom responsabbilta’ importanti. L-edukazzjoni m’għandhiex tiffoka biss fuq il-matematika, ix-xjenza jew il-lingwi. Għandha tgħallem ukoll ir-reżiljenza, il-ġestjoni tal-emozzjonijiet, il-komunikazzjoni u kif wieħed jitlob l-għajnuna meta jkollu bżonnha. Student li jkun f’saħħtu mentalment jitgħallem aħjar, jibni relazzjonijiet aktar b’saħħithom u jkun aktar ippreparat għall-isfidi tal-ħajja adulta.
L-istess jgħodd għall-post tax-xogħol. Impjegat li jkun taħt stress kontinwu jew li jħossu abbandunat diffiċli jagħti l-aħjar tiegħu. Min-naħa l-oħra, ambjent tax-xogħol li joffri rispett, bilanċ u appoġġ mhux biss itejjeb il-benesseri tal-ħaddiema, iżda jżid ukoll il-produttivita’.
Dan mhux biss argument soċjali, iżda wkoll ekonomiku. Assenteiżmu, burnout u problemi ta’ saħħa mentali jiswew miljuni lill-ekonomiji madwar id-dinja. Investiment fis-saħħa mentali mhuwiex spiża. Huwa investiment fil-kapital uman tal-pajjiż.
Importanti wkoll li niftakru li s-saħħa mentali ma tiddependix biss mis-servizzi mediċi. Tiddependi wkoll mill-istil ta’ ħajja tagħna. L-eżerċizzju regolari, irqad biżżejjed, dieta bilanċjata, kuntatt man-natura u relazzjonijiet soċjali b’saħħithom kollha jgħinu biex inżommu moħħna aktar b’saħħtu. Anke affarijiet sempliċi bħal mixja ta’ kuljum, ftit ħin mal-familja jew mal-ħbieb, jew il-prattika ta’ xi passatemp jistgħu jkunu ta’ benefiċċju kbir.
F’Malta qed naraw aktar għarfien dwar dawn il-kwistjonijiet, iżda għad hemm triq twila x’nimxu. Jeħtieġ li nkomplu ninvestu fis-servizzi tas-saħħa mentali, innaqqsu l-ħinijiet ta’ stennija, insaħħu s-servizzi fil-komunita’ u niżguraw li kull min għandu bżonn l-għajnuna jkun jista’ jsibha fil-ħin.
Fl-istess ħin irridu nibnu kultura li fiha huwa normali li nitkellmu dwar kif inħossuna. Kultura fejn il-frażi “Kif int?” ma tkunx mistoqsija ta’ korteżija biss, iżda stedina sinċiera biex nisimgħu lil xulxin.
Soċjeta’ b’saħħitha mhijiex dik li fiha ħadd ma jbati. Hija dik li fiha min ikun qed ibati ma jitħalliex waħdu.
Is-saħħa mentali hija wkoll marbuta mal-mod kif ngħixu bħala komunita’. Meta nsaħħu r-rabtiet bejn il-ġirien, nagħtu spazju lill-volontarjat, nappoġġjaw il-familji u noħolqu komunitajiet fejn in-nies iħossuhom milqugħa, inkunu qed nipproteġu wkoll il-benesseri psikoloġiku tagħhom.
Forsi wasal iż-żmien li nibdlu l-mod kif inħarsu lejn is-suċċess. Mhux biss kemm naħdmu, kemm naqilgħu jew kemm niksbu affarijiet materjali, iżda wkoll kemm inħossuna f’paċi magħna nfusna, kemm għandna relazzjonijiet b’saħħithom u kemm kapaċi ngħixu ħajja bilanċjata.
Għax is-saħħa mentali mhijiex lussu u lanqas kwistjoni sekondarja. Hija l-pedament li fuqu nibnu kull aspett ieħor ta’ ħajjitna.
Meta nieħdu ħsieb il-moħħ tagħna, inkunu qed nieħdu ħsieb il-familji tagħna, il-postijiet tax-xogħol tagħna u s-soċjeta’ kollha.
U forsi din hija l-akbar lezzjoni: li l-benesseri mentali mhuwiex responsabbilta’ tal-individwu biss. Huwa responsabbilta’ kollettiva. Kull wieħed u waħda minna għandu sehem x’jagħti biex nibnu pajjiż fejn il-kura, il-kompassjoni u l-fehim ikunu daqstant importanti daqs il-progress ekonomiku.
Għax pajjiż li jieħu ħsieb is-saħħa mentali tan-nies tiegħu huwa pajjiż li qed jinvesti fl-aktar riżorsa prezzjuża li għandu: il-bniedem.
