“Jissikka ċ-Ċinturin: Wasal iż-Żmien li l-Gvern Jispjega Fejn Qed Jintefqu l-Flus Tagħna”

Minn Osservatur Politiku
Għal snin sħaħ il-poplu Malti sema’ messaġġ wieħed mingħand il-Gvern: l-ekonomija sejra tajjeb, id-dħul qed jiżdied, l-impjiegi qegħdin fl-ogħla livelli u l-finanzi tal-pajjiż jinsabu taħt kontroll. Illum, però, qed nisimgħu messaġġ differenti. Il-Ministru għall-Finanzi qed jitkellem dwar prijoritizzazzjoni tan-nefqa, dwar il-ħtieġa li jkun hemm aktar flessibbiltà u dwar il-fatt li xi ħaġa trid tissagrifika ruħha.
Din mhijiex sempliċement kwistjoni ta’ kliem. Hija bidla sinifikanti fil-konversazzjoni dwar il-finanzi pubbliċi.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, il-Ministru għall-Finanzi ammetta li ż-żieda fl-ispiża fuq is-sussidji tal-enerġija u l-fjuwil qed tpoġġi pressjoni akbar fuq il-finanzi tal-pajjiż. MaltaToday irrapportat li s-sussidju fuq id-diesel waħdu kien tela’ minn tbassir ta’ madwar €30 miljun għal madwar €75 miljun, filwaqt li l-Gvern qed jistenna li l-ispiża totali fuq is-sussidji tal-enerġija fl-2026 tista’ tilħaq madwar €400 miljun.
Il-Ministru qal ukoll li, jekk ikun meħtieġ, ikollu jagħti ħarsa aktar mill-qrib lejn oqsma oħra tan-nefqa tal-Gvern. Ftit jiem wara, rapporti oħra indikaw li l-awtoritajiet u l-entitajiet tal-Gvern kienu qed jintalbu jiffriżaw nefqa mhux meħtieġa u li proġetti għaljin jistgħu jiġu posposti.
Mela issa għandna sitwazzjoni fejn il-poplu qed jibda jisma’ l-kliem li normalment jintuża meta l-finanzi ma jibqgħux jippermettu li kollox jibqa’ għaddej bl-istess ritmu.
Jissikka ċ-ċinturin. Imma hawn irridu nistaqsu: għaliex wasalna s’hawn?
Mhux biżżejjed li ngħidu li żdiedu l-prezzijiet tal-enerġija internazzjonalment. Dan huwa fatt li ma jiddependix minn Malta. Imma l-mod kif pajjiż jippjana l-finanzi tiegħu quddiem riskji mhux mistennija huwa responsabbilta’ tal-Gvern. U din hija l-kwistjoni fundamentali.
Gvern ma jistax jibni l-politika fiskali tiegħu fuq l-idea li kull sena se jkun hemm aktar dħul, aktar tkabbir u aktar spazju biex jonfoq. Għax jasal mument meta d-dħul ma jibqax jikber bl-istess rata, meta l-ispejjeż jiżdiedu u meta l-marġni ta’ manuvra jibda jisparixxi. Dan huwa eżattament dak li għandna neżaminaw illum.
Il-Malta Fiscal Advisory Council diġà wissiet f’Settembru li n-nefqa kienet żdiedet b’mod qawwi matul l-ewwel nofs tal-2026 u li kien hemm spazju dejjem aktar limitat għal aktar tkabbir fin-nefqa jekk il-projezzjonijiet annwali kellhom jiġu rispettati. Il-Kunsill irrakkomanda li inizjattivi ġodda, kemm jista’ jkun, jiġu akkomodati fi ħdan l-allokazzjonijiet eżistenti u jkollhom finanzjament jew miżuri ta’ kumpens identifikati b’mod ċar.
Din mhijiex kwistjoni ta’ politika partiġġjana. Hija kwistjoni ta’ matematika. Jekk id-dħul huwa limitat u l-impenji qed jiżdiedu, ma tistax tibqa’ tonfoq mingħajr ma xi mkien tħallas il-prezz. U hawn jidħol il-kliem “jissikka ċ-ċinturin”.
Meta familja Maltija tisma’ dan il-kliem, taf eżatt xi jfisser. Tfisser li trid tagħżel. Tnaqqas xi ħaġa. Tħalli xirja għal aktar tard. Tħares aktar lejn kull kont. Tiddistingwi bejn dak li hu meħtieġ u dak li jista’ jistenna. Jekk irridu nissikkaw iċ-ċinturin, irridu nkunu nafu x’qed innaqqsu. Irridu nkunu nafu wkoll x’qed nipproteġu.
Il-Gvern qed jgħid li s-sussidji tal-enerġija se jibqgħu prijorita’. Il-Ministru qal li dawn se jinżammu “come what may”, filwaqt li fl-istess waqt indika li hemm bżonn li n-nefqa tiġi prijoritizzata x’imkien ieħor. Din hija għażla politika leġittima. Imma għażla politika trid tiġi spjegata.
Jekk mijiet ta’ miljuni qed jintefqu biex jinżammu l-prezzijiet tal-enerġija stabbli, irridu nkunu nafu x’inhuma l-konsegwenzi fuq oqsma oħra. X’se jiġri mill-investiment? X’se jiġri mill-infrastruttura? X’se jiġri mill-edukazzjoni, is-saħħa, it-trasport u servizzi oħra? U fuq kollox, x’se jiġri jekk dawn l-ispejjeż għoljin jibqgħu għal aktar minn sena?
Il-problema mhijiex li wieħed jgħin lill-familji. Il-problema tkun jekk il-Gvern ma jkollux pjan kredibbli biex dik l-għajnuna tibqa’ finanzjarjament sostenibbli. Għax pajjiż responsabbli ma jistax jgħix biss mill-ġurnata għal għada.
Jekk il-Gvern illum qed jgħidilna li l-finanzi jeħtieġu aktar dixxiplina, allura għandu jkun ukoll trasparenti dwar kif wasalna għal din is-sitwazzjoni. Il-poplu għandu d-dritt ikun jaf kemm hemm spazju finanzjarju, kemm qed jiswa d-dejn, kemm qed tonfoq il-Gvern fuq nefqa rikorrenti u kemm qed imur għal investiment li joħloq valur ekonomiku fit-tul.
Ma nistgħux nibqgħu nkejlu s-suċċess biss bil-fatt li għandna ekonomija li qed tikber. Il-mistoqsija vera hija jekk din it-tkabbir hux qed joħloq biżżejjed kapaċita’ ekonomika biex isostni l-impenji li qed nieħdu.
Jekk wasal iż-żmien li nissikkaw iċ-ċinturin, irridu nkunu nafu għaliex. U jekk irridu nissikkaw iċ-ċinturin, għandna nibdew mill-ewwel billi nistaqsu fejn qed jonfqu l-flus tagħna, kemm qed niksbu lura għal kull ewro li nonfqu u x’pajjiż se nkunu qed inħallu warajna.
Għax il-vera dixxiplina fiskali mhijiex li tgħid lill-poplu biex jonfoq inqas. Hija li l-Gvern innifsu jitgħallem jonfoq aħjar.
