BULLYING FIL-KUNVENTI!!
Minn Reliġjuż Imħasseb

Ħafna drabi nisimgħu ħafna dwar il-“bullying” fost l-istudenti, bejn il-ħbieb u fil-qasam tax-xogħol, iżda ftit nisimgħu dwar il-“bullying” fil-kunventi.
Kif serja hija s-sitwazzjoni fl-ambjenti li s-soltu nisimgħu dwarhom, hekk ukoll hija serja s-sitwazzjoni ta’ għadd ta’ reliġjużi li jgħaddu minn abbużi serji ta’ “bullying” mis-Superjuri tagħhom jew minn reliġjużi oħra bħalhom.
Issib reliġjużi li jaqgħu fl-omertà, jiġifieri jibżgħu jitkellmu u jieħdu passi kontra s-Superjuri tagħhom jew kontra sħabhom stess, għax jafu li se jiġu ppersegwitati aktar, u b’hekk ħajjithom issir infern ta’ tbatija u miżerja.
Filmat li nġibed f’Malta u li dan l-aħħar intwera fuq l-internet, mara semmiet kif zijitha, li kienet soru u kienet ħarġet mill-ħajja reliġjuża minħabba l-abbuż ta’ “bullying” li kienet qed issofri, għax is-Superjura tagħha kienet qabdet magħha. Tant kienet gravi s-sitwazzjoni li din is-soru kienet sa waslet biex taħseb fis-suwiċidju!
Iżda kellha l-kuraġġ titlaq mill-ħajja reliġjuża.
Din ir-realtà mhijiex xi ħaġa li tappartjeni biss għall-passat fil-ħajja reliġjuża. Anke llum, fis-seklu tagħna, fi żminijietna, din l-għamla ta’ mġiba abbużiva għadha teżisti. Hawn reliġjużi li qed jiġu abbużati serjament mis-Superjuri tagħhom, li għamlulhom ħajjithom infern!!
Superjuri li jippreżentaw ruħhom bħala qaddisin, kollhom spiritwalità, retti “taparsi” fil-ħarsien tal-Kostituzzjonijiet u tar-Regola tal-Ordni rispettivi tagħhom, iżda fir-realtà n-narċiżiżmu tagħhom iwassal għal ħafna tbatija fis-sudditi tagħhom.
Li Superjur jikkoreġi lil dawk li jkunu naqsu huwa dmir, iżda hemm mod u mod kif tikkoreġi.
Mhijiex korrezzjoni fraterna li tgħajjat u ssabbat!
Mhijiex korrezzjoni fraterna li tgħajjar u titfa’ akkużi mhux fondati fuq dak li jkun.
Mhijiex korrezzjoni fraterna li, minflok ma tiġi maħfur, tiġi mċanfar u tintalab titlob maħfra b’mod umiljanti!
Mhijiex korrezzjoni fraterna li ġġib fix-xejn lis-sudditu u thedddu li jitkeċċa meta dak li jkun ma jkun għamel xejn gravi!
Dan huwa abbuż serju ħafna ta’ bullying, abbuż ta’ awtorità u vjolenza mentali, li jmur lil hinn mill-ħsieb Nisrani u li jmur lil hinn minn kull spirtu tal-Fundaturi tal-Ordnijiet Reliġjużi.
Tali mġiba diżordinata għandha tiġi rrappurtata lill-Kurja u anke lill-Pulizija, għax dan huwa ksur fundamentali tad-dinjità tal-bniedem!! Iżda nistaqsi jien: kemm jittieħdu bis-serjetà dawn il-każijiet? Ħafna drabi jippruvaw is-Superjuri jitfu kollox taħt it-tapit.
Din l-imġiba mill-aktar inumana wasslet lil xi reliġjużi biex jikkontemplaw il-ħsieb tas-suwiċidju; oħrajn telqu mill-ħajja reliġjuża, filwaqt li oħrajn baqgħu jsofru fis-skiet.
Mhux biss dan. Hemm ukoll min, fost dawk li għandhom awtorità, għadu jaħbi abbużi, anke sesswali, bejn reliġjużi stess u ma’ lajċi, u għal raġuni jew oħra jħalli kollox mistur!! U jittrattaw kollox huma stess u ma jirrappurtawx lil min għandhom jirrappurtaw.
It-tbatija mentali u fiżika li dan il-bullying fil-ħajja reliġjuża jġib miegħu hija ħaġa serja ħafna. Dan jaffettwa mhux biss lir-reliġjuż/a, iżda wkoll lill-familjari tagħhom u lil-lajċi, għax ibatu magħhom.
Din hija qagħda serja fil-ħajja reliġjuża u hemm bżonn li l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi jieħdu passi. Kif tista’ l-ħajja reliġjuża tieħu r-ruħ meta fil-qalba tal-kunventi hemm tali abbużi, li minflok ma jġibu l-ħajja, iġibu l-mewt fil-ħajja reliġjuża?
L-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi għandhom id-dmir li jieħdu azzjoni meta jiġu rrappurtati lilhom każijiet ta’ bullying u każijiet serji ta’ abbużi fil-ħajja reliġjuża!
Ir-reliġjuż/a għandu/għandha d-dmirijiet tiegħu/tagħha, iżda għandu/għandha wkoll id-dritt li jgħix/għixha ħajja dinjituża, mingħajr ma tiġi kalpestata d-dinjità tiegħu/tagħha.
Ir-reliġjuż/a mhuwiex/mhijiex xi proprjetà ta’ xi Superjur/a li jagħmel/jagħmel li jrid biha.
Kull reliġjuż/a għandu/għandha d-dritt għall-ġustizzja. Jekk ma jsirx hekk, mhux talli ma jkunx hemm aktar vokazzjonijiet, talli jispiċċaw fix-xejn l-istess Ordnijiet. Kif kien jgħid Qaddis lill-Patrijiet tiegħu: “Jekk intom ma tgħixux dak li temmnu, id-dinja toqtolkom bil-ġuħ!”, jiġifieri twarrabkom!
