Ser Jittieħdu Passi Mill-Istat Kontra Min Instiga l-Arresti tal-Ġurija Abażi ta’ Allegazzjonijiet Foloz?

Minn Osservatur Politiku

Meta proċess jibda, min jidħol fih bħala ċittadin ma jistax ikun jaf minn qabel fejn se jwasslu l-affarijiet. Dan japplika wkoll għall-ġurati. Huma nies ordinarji li jiġu msejħa biex iwettqu dmir pubbliku straordinarju: joqogħdu jisimgħu x-xhieda, jeżaminaw il-provi u jaslu għal verdett skont dak li jkunu semgħu fil-qorti.

Fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech, disa’ persuni kellhom dan ir-rwol. Għal 55 jum kienu parti minn wieħed mill-aktar proċessi sensittivi u segwiti li qatt saru f’pajjiżna. Fl-aħħar, il-ġurija tat verdett ta’ mhux ħati b’vot ta’ tmienja kontra wieħed fuq iż-żewġ akkużi. Wara dan, madankollu, l-istorja ma waqfitx hemm.

Ftit wara, diversi ġurati ġew arrestati u interrogati mill-Pulizija. Il-Pulizija spjegat li l-investigazzjoni kienet marbuta mal-ġurament li kienu ħadu qabel beda l-ġuri, b’mod partikolari ma’ kummenti pubbliċi li wħud minnhom allegatament kienu għamlu qabel il-proċess. Il-Pulizija kienet ukoll appellat għall-kawtela u l-prudenza fir-rappurtaġġ.

Issa sirna nafu li tal-inqas tliet ġurati ġew infurmati li mhux se jitressqu akkużi kontrihom u li l-investigazzjoni fil-konfront tagħhom ingħalqet. Dan ma jfissirx li m’għandux ikun hemm investigazzjonijiet meta jkun hemm suspett raġonevoli ta’ ksur tal-liġi. L-ebda ċittadin, inkluż ġurat, m’għandu jkun ’il fuq mil-liġi.

Imma proprju għalhekk irridu nitkellmu dwar il-proporzjonalita’, ir-responsabbilta’ u l-konsegwenzi ta’ dak li jiġri meta persuna tiġi arrestata u interrogata.

Għax wara li persuna tkun għaddiet minn dak il-proċess, u mbagħad tiġi infurmata li mhux se tiġi akkużata, ma nistgħux nippretendu li ma ġara xejn.

Ma nistgħux inħarsu biss lejn il-folja tal-akkużi u ngħidu: ma tressqux, allura kollox spiċċa. Hemm bniedem wara kull investigazzjoni. Hemm familja. Hemm reputazzjoni. Hemm xogħol. Hemm ġirien, ħbieb u kollegi li jkunu jafu li dak il-bniedem ġie arrestat b’rabta ma’ wieħed mill-aktar każijiet notorji f’Malta.

Il-ġurati ma kinux nies li għażlu huma stess li jsiru parti minn din l-istorja. Ġew magħżula biex jaqdu dmir ċiviku. U dak id-dmir, skont is-sistema tagħna, huwa wieħed serju ħafna. Għalhekk kull intervent tal-Istat kontrihom għandu jkun meqjus b’attenzjoni kbira.

Il-mistoqsija li rridu nagħmlu mhijiex jekk il-Pulizija għandhiex tinvestiga. Il-mistoqsija hija kif wasalna għal sitwazzjoni fejn persuni li kienu għadhom kemm temmew ġuri ta’ 55 jum spiċċaw arrestati u interrogati, biex imbagħad, fil-każ ta’ tal-inqas tlieta minnhom, ma ġewx akkużati. Min kien il-kaġun ta’ dawn l-investigazzjoni ser jgħaddiha franka.

Min ħa d-deċiżjonijiet wara dawn l-arresti ser jgħaddiha qiesu ma ġara xejn? Fuq liema informazzjoni ttieħdu d-deċiżjonijiet? Kien hemm valutazzjoni tal-proporzjonalita’? U min se jerfa’ r-responsabbilta’ jekk fl-aħħar mill-aħħar ma kien hemm ebda bażi biex jitressqu dawn il-persuni?

Dawn mhumiex mistoqsijiet kontra l-Pulizija bħala istituzzjoni. Huma mistoqsijiet dwar l-istat tad-dritt u dwar kif istituzzjonijiet pubbliċi jeżerċitaw is-setgħa tagħhom.

Fuq kollox, issa, meta l-awtoritajiet infurmaw lil tal-inqas tliet ġurati li mhux se jitressqu, għandna dritt nistennew spjegazzjoni ċara dwar dak li ġara.

Ma nistgħux nitolbu ċ-ċittadin jirrispetta l-istituzzjonijiet jekk l-istituzzjonijiet ma jurux li huma stess jirrispettaw liċ-ċittadin.

U forsi l-aktar mistoqsija importanti hija din: min jipproteġi liċ-ċittadin meta l-magna tal-Istat tibda taħdem kontra tagħhom? Min jikkunsidra l-ħsara li tista’ ssir lir-reputazzjoni u lill-ħajja personali? Dawn huma mistoqsijiet leġittimi li ma għandhomx jiġu mwarrba sempliċement għax l-investigazzjoni għalqet.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading