Il-Ħin: L-Akbar Ġid li Għandna

Minn Osservatur Politiku

Hemm riżorsa waħda li għandna lkoll fl-istess ammont, li ma nistgħux nixtru aktar minnha u li, meta tgħaddi, ma nistgħux nerġgħu niksbuha. Dik ir-riżorsa hija l-ħin.
Flus jistgħu jintilfu u jerġgħu jinkisbu. Opportunita’ tista’ tintilef u xi darba terġa’ tidher. Iżda siegħa li għaddiet ma terġax lura.

Minkejja dan, ngħixu f’soċjeta’ li ħafna drabi tittratta l-ħin bħala jekk ma jiswiex. Nitkellmu dwar il-produttivita’, l-effiċjenza u t-tkabbir ekonomiku, iżda ftit wisq nitkellmu dwar kemm mill-ħajja tan-nies qed jittiekel minn dewmien, burokrazija, traffiku, kjuwijiet u sistemi li ma jaħdmux kif suppost.

Jiena nemmen li l-ħin għandu jibda jitqies bħala wieħed mill-aktar indikaturi importanti tal-kwalita’ tal-ħajja. Meta persuna tqatta’ siegħa fit-traffiku biex tmur għax-xogħol u siegħa oħra biex tirritorna d-dar, dik mhijiex biss problema tat-trasport. Hija sagħtejn mill-ħajja tagħha. Meta ċittadin irid iqatta’ nofs ġurnata biex jikseb servizz mingħand l-Istat, dik mhijiex biss ineffiċjenza amministrattiva. Huwa ħin li ttieħed mingħandu. Meta familja tqatta’ sigħat tistenna għal servizz, appuntament jew proċedura li setgħet issir b’mod aktar sempliċi, l-ispiża mhijiex biss finanzjarja. Hija umana.
Għalhekk il-mistoqsija għandha tkun: kemm qed nagħtu valur lill-ħin tan-nies? Din hija kwistjoni ekonomika wkoll.

Il-ħin huwa parti mill-produttivita’. Ħaddiem li jqatta’ siegħa jew tnejn kuljum fil-konġestjoni tat-traffiku jibda l-ġurnata tiegħu aktar għajjien u għandu inqas ħin għall-familja, għall-mistrieħ u għall-ħajja personali. Bl-istess mod, negozju li jkollu impjegati jqattgħu ħafna ħin jistennew, jimlew formoli jew jittrattaw proċeduri burokratiċi jkun qed iħallas spiża li mhux dejjem tidher fil-kontijiet tiegħu. Għalhekk, meta nitkellmu dwar produttivita’, m’għandniex inħarsu biss lejn kemm nipproduċu. Irridu nħarsu wkoll lejn kemm ħin qed naħlu biex nipproduċu.

Hawnhekk tidħol it-teknoloġija. Id-diġitalizzazzjoni tista’ tagħmel differenza enormi fil-ħajja taċ-ċittadini. Jekk servizz jista’ jsir online fi ftit minuti minflok persuna jkollha tmur f’uffiċċju, tieħu numru u tistenna, inkunu qed nirritornaw il-ħin lill-persuna.

Dan għandu jkun wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-gvern diġitali. Imma d-diġitalizzazzjoni m’għandhiex tkun sempliċement li nieħdu formola tal-karta u nitfgħuha online. Is-servizz innifsu għandu jiġi mfassal mill-ġdid.
Irridu nistaqsu: għaliex qed nitolbu din l-informazzjoni?

Għaliex il-persuna trid timla dan id-dokument? Għaliex trid tmur personalment? Għaliex qed tintalab informazzjoni li l-Istat diġa’ għandu? Jekk għandna t-teknoloġija iżda nżommu l-istess proċeduri qodma, inkunu qed niddiġitalizzaw il-burokrazija minflok inneħħuha.

Il-ħin għandu jkun ukoll parti mill-kejl tal-prestazzjoni tal-istituzzjonijiet. Ħafna drabi nistaqsu kemm intefqu flus, kemm ġew impjegati nies jew kemm ġew ipproċessati applikazzjonijiet. Għandna nistaqsu wkoll kemm damet biex tingħata risposta. Kemm damet biex tingħata liċenzja. Kemm damet biex persuna tikseb servizz. Kemm damet biex kumpanija tkun tista’ tibda topera. Għax amministrazzjoni tajba mhijiex biss amministrazzjoni li tonfoq sew. Hija amministrazzjoni li tirrispetta l-ħin taċ-ċittadin.

Dan jgħodd ukoll għall-qasam tas-saħħa. Meta persuna tmur għand tabib jew fi sptar, il-ħin ta’ stennija għandu jkun parti mill-kwalita’ tas-servizz. Naturalment, mhux kull stennija tista’ tiġi evitata. Is-saħħa mhijiex fabbrika u l-pazjenti mhumiex numri. Iżda sistemi aħjar, aktar koordinazzjoni u aktar użu tat-teknoloġija jistgħu jnaqqsu stennijiet bla bżonn. U hemm differenza bejn stennija inevitabbli u stennija kkawżata minn sistema ineffiċjenti.

L-istess prinċipju japplika għall-edukazzjoni. Il-ħin tat-tfal huwa prezzjuż. Il-ħin tal-għalliema huwa prezzjuż ukoll. Jekk għalliem iqatta’ ammont kbir ta’ ħin fuq burokrazija minflok fuq it-tagħlim, inkunu qed nużaw ħażin riżorsa li għandha valur kbir. Jekk student jivvjaġġa sigħat kuljum biex jasal l-iskola, ukoll għandna nistaqsu jekk is-sistema hix qed tagħtih l-aħjar użu tal-ħin tiegħu.

Il-valur tal-ħin jidħol ukoll fid-dinja tax-xogħol. Għal ħafna snin, il-kultura tax-xogħol kienet mibnija fuq l-idea li aktar sigħat ifissru aktar xogħol. Imma dan mhux dejjem minnu. Produttivita’ mhijiex kemm persuna ddum fuq siġġu. Hija kemm valur toħloq fil-ħin li għandha.

F’ħafna professjonijiet, xogħol aktar flessibbli, teknoloġija aħjar u ġestjoni aktar effiċjenti jistgħu jippermettu lin-nies jagħmlu l-istess xogħol, jew xogħol aħjar, f’inqas ħin. Dan jista’ jagħti lin-nies aktar ħin għall-familja, għat-tfal, għall-ġenituri anzjani, għall-komunita’ u għalihom infushom. U hawnhekk il-kwistjoni tal-ħin issir kwistjoni ta’ kwalita’ tal-ħajja.

Ekonomija b’saħħitha mhijiex biss ekonomija fejn in-nies jaqilgħu aktar. Hija ekonomija fejn in-nies ikollhom ukoll ħajja aħjar.

Jekk il-pagi jiżdiedu iżda l-persuna titlef tliet sigħat kuljum fit-traffiku, għandna nistaqsu jekk il-progress hux qed jasal fejn għandu jasal. Jekk ikollna aktar konsum iżda inqas ħin għall-familja, għandna nistaqsu x’tip ta’ progress qed noħolqu. Jekk persuna taħdem aktar, taqla’ aktar, iżda ma jkollhiex ħin biex tgħix, irridu nkunu onesti biżżejjed biex ngħidu li xi ħaġa mhix qed taħdem.

Dan iwassalna għall-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol. Ma nemminx li l-għan għandu jkun li naħdmu inqas akkost ta’ kollox. Għandna bżonn ekonomija produttiva u kompetittiva. Imma rridu ekonomija fejn il-produttivita’ sservi lill-bniedem u mhux fejn il-bniedem isir skjav tal-produttivita’.

It-teknoloġija għandha tgħinna nirbħu l-ħin, mhux timlilna kull minuta tal-ġurnata. Dan huwa speċjalment importanti f’era ta’ intelliġenza artifiċjali. L-AI għandha l-potenzjal li tnaqqas ħafna xogħol ripetittiv, tħaffef proċessi u tagħti lill-bniedem aktar ħin biex jiffoka fuq dak li jeħtieġ ġudizzju, kreattivita’ u relazzjonijiet umani. Imma dan se jiġri biss jekk nużaw it-teknoloġija b’viżjoni.

Jekk kull effiċjenza ġdida tintuża biss biex nimlew il-ħin li fadal b’aktar xogħol, inkunu tlifna l-opportunita’. L-għan għandu jkun li t-teknoloġija tagħtina aktar liberta’.

Hemm ukoll il-ħin bħala valur soċjali. Soċjeta’ b’saħħitha mhijiex mibnija biss fuq l-ekonomija. Hija mibnija fuq nies li għandhom ħin għal xulxin. Il-ħin li ġenitur iqatta’ ma’ ibnu. Il-ħin li wlied jagħtu lill-ġenituri anzjani tagħhom. Il-ħin li persuna tagħti lill-volontarjat. Il-ħin li nqattgħu ma’ ħbieb. Il-ħin biex nieqfu ftit u naħsbu. Dawn ma jidhrux fil-kontijiet nazzjonali, iżda jagħmlu parti mill-ġid veru ta’ pajjiż.

Għalhekk nemmen li għandna nibdew inħarsu lejn il-ħin bħala riżorsa nazzjonali. Meta nippjanaw it-trasport, għandna nistaqsu kemm ħin qed niffrankaw. Meta nirriformaw is-servizzi pubbliċi, għandna nistaqsu kemm ħin qed nirritornaw liċ-ċittadin. Meta nintroduċu teknoloġija ġdida, għandna nistaqsu jekk hix qed tissimplifika l-ħajja. Meta nippjanaw l-ibliet, għandna nistaqsu kemm hemm bżonn li persuna tivvjaġġa biex tilħaq ix-xogħol, l-iskola, is-saħħa u s-servizzi.

Dan huwa mod differenti kif inħarsu lejn il-politika. Mhux biss kemm se tonfoq. Mhux biss kemm se tiġbor. Mhux biss kemm se tikber l-ekonomija. Imma wkoll kemm ħin se jkollhom in-nies biex jgħixu.

Jiena nemmen li dan għandu jsir wieħed mill-prinċipji tal-Malta li rridu nibnu. Pajjiż li jirrispetta l-ħin taċ-ċittadin. Pajjiż fejn is-servizzi jaħdmu, it-trasport ikun effiċjenti, il-burokrazija tkun minima u t-teknoloġija tintuża biex tagħti lin-nies aktar liberta’.

Għax il-ħin huwa l-aktar forma ta’ ġid li għandna. Ma jistax jinħażen. Ma jistax jiġi importat. Ma jistax jinxtara lura. U meta jintilef, jintilef għal dejjem.

Għalhekk, pajjiż li verament irid jgħolli l-kwalita’ tal-ħajja m’għandux jistaqsi biss kemm il-poplu tiegħu qed jaqla’. Għandu jistaqsi wkoll kemm qed jagħtih ħin biex jgħix. Għax il-veru progress mhuwiex biss li jkollna aktar. Huwa li jkollna aktar ħin għal dak li verament jgħodd.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading