Il-Kontabilità: Il-Poter Għandu Dejjem Jagħti Rendikont

Minn Osservatur Politiku

F’kull pajjiż demokratiku hemm mistoqsija li qatt m’għandha titlef ir-rilevanza tagħha: min hu responsabbli għad-deċiżjonijiet li jittieħdu f’isem il-poplu?

Il-kontabilita’ mhijiex kunċett tekniku riservat għall-awdituri, għall-avukati jew għall-Parlament. Hija waħda mill-pedamenti tad-demokrazija. Tfisser li min għandu s-setgħa għandu jagħti rendikont tagħha. Tfisser li min jonfoq il-flus tal-poplu għandu jispjega kif nefquhom. Tfisser li meta tittieħed deċiżjoni ħażina, ma nistgħux sempliċement nimxu għall-kwistjoni li jmiss bħallikieku ma ġara xejn.

Għalhekk il-mistoqsija mhijiex biss jekk għandniex aktar istituzzjonijiet, aktar regolamenti u aktar rapporti. Il-mistoqsija vera hija jekk żviluppajniex kultura fejn il-kontabilita’ hija mistennija, mitluba u, fuq kollox, aċċettata.

U hawn irridu nkunu onesti magħna nfusna. F’ċerti oqsma sar progress. Imma f’oħrajn għadna naraw kultura li fiha r-responsabbilta’ spiss tispiċċa bejn spjegazzjoni politika, investigazzjoni li tieħu s-snin u sistema li mhux dejjem tagħti tweġiba ċara liċ-ċittadin.

Il-kontabilita’ tibda bil-verita’ sempliċi li l-poter mhuwiex proprjeta’ personali. Kull ministru, kull uffiċjal pubbliku, kull bord ta’ entita’ tal-Gvern u kull persuna li tingħata l-fiduċja biex tamministra riżorsi pubbliċi qiegħda hemm biex taqdi lill-poplu. Il-kariga hija temporanja. Il-fiduċja hija mislufa. Ir-riżorsi huma tal-poplu. Dan il-prinċipju għandu jkun rifless f’kull deċiżjoni.

Meta jiġu allokati miljuni ta’ ewro għal proġett, irridu nkunu nafu għaliex intgħażel dak il-proġett, x’benefiċċju mistenni jagħti, kemm se jiswa u jekk il-prezz finali hux qed jibqa’ taħt kontroll. Meta jingħata kuntratt pubbliku, irridu nkunu nafu jekk il-proċess kienx trasparenti u kompetittiv.
Meta jittieħdu deċiżjonijiet li jaffettwaw il-ħajja ta’ eluf ta’ nies, irridu nkunu nafu min ħa d-deċiżjoni u fuq liema bażi. U meta xi ħaġa tmur ħażin, irridu nkunu nafu x’tgħallimna minnha. Din hija kultura ta’ kontabilita’.

Sfortunatament, kultant għadna nħawdu l-kontabilita’ mar-responsabbilta’ politika biss. Imma dawn mhumiex eżattament l-istess ħaġa. Responsabbilta’ politika tista’ tfisser li ministru jwieġeb għal kritika fil-Parlament jew f’konferenza stampa. Kontabilita’ tmur pass aktar ’il bogħod: tfisser li jkun hemm mekkaniżmi li jiddeterminaw x’ġara, għaliex ġara, min kien responsabbli, jekk il-proċeduri ġewx osservati u x’passi ttieħdu biex ma jerġax jiġri.

Il-kliem waħdu mhux biżżejjed. Lanqas apoloġija wara li tinqala’ l-kriżi ma hija biżżejjed. U żgur li mhuwiex biżżejjed li kull problema tispiċċa bl-istess frażi: “se ssir investigazzjoni”. L-investigazzjoni hija biss il-bidu. Il-pubbliku għandu dritt ikun jaf x’ħareġ minnha u x’azzjoni ttieħdet wara. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-flus pubbliċi.

Għal ħafna snin, il-politika ekonomika kienet titkejjel primarjament bil-kobor tat-tkabbir ekonomiku. Iżda pajjiż ma jistax ikejjel is-suċċess tiegħu biss bil-kwantita’ ta’ flus li jiċċirkolaw fl-ekonomija. Irid jistaqsi wkoll jekk il-flus pubbliċi humiex qed jintużaw b’mod effiċjenti.

Kull ewro li jinħela huwa ewro li ma jistax jintuża għal skola aħjar, għal servizz tas-saħħa aħjar, għal infrastruttura aħjar jew għal għajnuna lil min verament għandu bżonnha. Għalhekk il-kontabilita’ finanzjarja għandha tkun waħda mill-ogħla prijoritajiet ta’ kwalunkwe amministrazzjoni.

Imma hemm dimensjoni oħra li hija daqstant importanti: il-kontabilita’ lejn iċ-ċittadin. Ċittadin m’għandux ikollu għalfejn ikun ġurnalist investigattiv, avukat jew deputat parlamentari biex jifhem x’qed jiġri bil-flus tiegħu. L-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli. Il-proċessi għandhom ikunu mifhuma. Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu spjegati.

Trasparenza mhijiex li tagħti dokument ta’ mijiet ta’ paġni u tgħid li l-informazzjoni tinsab hemm. Trasparenza vera tfisser li l-informazzjoni tkun tista’ tinftiehem.

Dan huwa fejn it-teknoloġija tista’ tagħmel differenza kbira. F’era diġitali, il-Gvern jista’ jipprovdi data dwar nefqa, kuntratti, proġetti u riżultati b’mod aktar ċar u aċċessibbli minn qatt qabel.

Imma t-trasparenza waħedha mhijiex biżżejjed. Jeħtieġ kontrolli. Jeħtieġ istituzzjonijiet indipendenti. Jeħtieġ Parlament li jagħmel xogħlu. Jeħtieġ ġurnalisti li jistaqsu mistoqsijiet diffiċli. U jeħtieġ Oppożizzjoni li ma tibżax titlob tweġibiet.

Fl-istess ħin, irridu noqogħdu attenti minn żball ieħor: li l-kontabilita’ tinbidel f’kaċċa għall-ħati wara kull żball. Sistema tajba ma tfittixx biss min għandu jeħel. Tistaqsi wkoll għaliex is-sistema ppermettiet li l-iżball iseħħ.

Jekk proġett jaqbeż il-baġit, irridu nifhmu għaliex. Jekk kuntratt jispiċċa jiswa aktar milli kien previst, irridu nifhmu x’ġara. Jekk servizz pubbliku jonqos, irridu nifhmu x’kienet il-katina ta’ deċiżjonijiet li wasslet għal dak in-nuqqas. U jekk sistema għandha dgħufija, irridu nirriformawha.

Din hija l-kontabilita’ li tibni istituzzjonijiet aħjar. Għax il-veru test tal-kontabilita’ mhuwiex jekk qatt nagħmlux żbalji. L-ebda amministrazzjoni, organizzazzjoni jew individwu ma huwa perfett. Il-veru test huwa x’nagħmlu wara l-iżball. Nistaħbew? Niċħdu? Inwaħħlu f’ħaddieħor? Jew nieqfu, nanalizzaw, nirrikonoxxu n-nuqqas u nirranġaw is-sistema?
Il-kultura tal-kontabilita’ għandha tkun ukoll kultura ta’ kuraġġ. Kuraġġ li ministru jgħid: “Din kienet deċiżjoni ħażina.” Kuraġġ li uffiċjal jgħid: “Din il-proċedura ma ħadmitx.” Kuraġġ li istituzzjoni tgħid: “Għandna bżonn nibdlu l-mod kif naħdmu.” U kuraġġ politiku li wieħed jaċċetta kritika leġittima mingħajr ma jinterpreta kull mistoqsija bħala attakk.

Għax demokrazija b’saħħitha ma tibżax mill-mistoqsijiet. Bil-kontra. Tissaħħaħ bihom. Għalhekk, qed tavvanza l-kultura tal-kontabilita’ f’pajjiżna jew qed tonqos? It-tweġiba mhijiex waħda sempliċi. Għandna strumenti u istituzzjonijiet li jistgħu jsaħħu l-kontabilita’. Għandna aktar għarfien pubbliku u aktar skrutinju minn qatt qabel.

Imma għad hemm distakk bejn l-eżistenza tal-mekkaniżmi u l-kultura li bihom nużawhom. U dan id-distakk irridu nagħlquh. Għax il-kontabilita’ mhijiex ostaklu għall-Gvern. Hija protezzjoni għal Gvern tajjeb.

Mhijiex għodda biex timblokka d-deċiżjonijiet. Hija garanzija li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’serjeta’. Mhijiex dgħufija tal-istat. Hija sinjal ta’ stat b’saħħtu.

Għax il-kwistjoni hija waħda ta’ fiduċja. Meta ċ-ċittadin jemmen li l-flus tiegħu qed jiġu amministrati b’serjeta’, jafda aktar fl-istituzzjonijiet. Meta jaf li d-deċiżjonijiet jiġu skrutinizzati, jafda aktar fis-sistema. U meta jara li min għandu r-responsabbilta’ jwieġeb għall-għemilu, id-demokrazija tissaħħaħ.

Il-kontabilita’ għalhekk mhijiex sempliċement prinċipju amministrattiv. Hija valur demokratiku. U jekk irridu Malta li tkun aktar moderna, aktar ġusta u aktar reżiljenti, ma nistgħux nikkuntentaw ruħna b’istituzzjonijiet li jeżistu fuq il-karta.

Irridu kultura li tistenna l-kontabilita’. Kultura li titlob it-trasparenza. Kultura li ma taċċettax li l-poter jiġi mingħajr responsabbilta’.

Għax il-kwalita’ tad-demokrazija tagħna ma titkejjelx biss minn kemm-il darba nivvutaw. Titkejjel ukoll minn kemm inkunu lesti nitolbu tweġibiet bejn elezzjoni u oħra.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading