X’Għandna Nistennew mill-Edukazzjoni?

Minn Osservatur Politiku
Meta nitkellmu dwar l-edukazzjoni, ħafna drabi nistaqsu jekk it-tfal tagħna humiex qed jitgħallmu biżżejjed biex isibu xogħol tajjeb. Nistaqsu jekk għandhomx il-kwalifiki meħtieġa, jekk humiex qed jitgħallmu l-ħiliet diġitali, jekk l-edukazzjoni vokazzjonali hijiex qed tagħtihom opportunitajiet ġodda u jekk is-sistema edukattiva hix qed tlaħħaq mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.
Dawn huma mistoqsijiet importanti. Imma nemmen li hemm mistoqsija saħansitra aktar fundamentali: l-iskejjel qed jippreparaw lit-tfal tagħna biss għax-xogħol, jew qed jippreparawhom għall-ħajja?
Għalija, it-tweġiba għandha tkun ċara. L-iskola għandha tagħmel it-tnejn. Imma qatt ma għandha titlef l-għan akbar tagħha: li tifforma persuni kapaċi jaħsbu, jiddeċiedu, jikkollaboraw, jifhmu lil xulxin u jiffaċċjaw dinja li se tkun differenti ħafna minn dik li nafu llum.
Is-suq tax-xogħol qed jinbidel b’pass mgħaġġel. It-teknoloġija, l-awtomazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali qed ibiddlu l-mod kif naħdmu. Ħafna mill-impjiegi li se jkollhom uliedna għaxar jew għoxrin sena oħra għadhom ma nafux eżattament x’se jkunu. Dan ifisser li ma nistgħux nibnu sistema edukattiva li tħejji lit-tfal għal lista fissa ta’ professjonijiet. Irridu nippreparawhom biex ikunu kapaċi jitgħallmu mill-ġdid.
Il-ħila li titgħallem m’għandhiex tispiċċa meta wieħed joħroġ mill-iskola. Għandha tkun waħda mill-aktar affarijiet importanti li l-iskola tgħallem.
Naturalment, dan ma jfissirx li għandna nnaqqsu l-importanza tal-Malti, l-Ingliż, il-matematika, ix-xjenza, l-istorja jew is-suġġetti akkademiċi. Għall-kuntrarju. Bażi akkademika soda tibqa’ essenzjali. Imma edukazzjoni tajba mhijiex biss dak li niftakru għal eżami.
L-għarfien huwa importanti, imma importanti wkoll huwa x’nagħmlu bih. Tifel jista’ jkun kapaċi jirreċita informazzjoni, imma dan ma jfissirx neċessarjament li jaf jaħseb b’mod kritiku. Jista’ jkun kapaċi jsolvi problema matematika, imma forsi ma jafx kif jieħu deċiżjoni diffiċli. Jista’ jkollu kwalifika tajba, imma ma jkunx jaf kif jaħdem ma’ nies differenti minnu.
Għalhekk irridu edukazzjoni li tagħti lit-tfal tagħna kemm għarfien kif ukoll karattru. Irridu ngħallmuhom kif jaħsbu, mhux biss x’għandhom jaħsbu. Irridu ngħallmuhom kif jistaqsu mistoqsijiet, kif jisimgħu opinjoni differenti, kif jagħrfu informazzjoni falza u kif jużaw it-teknoloġija b’mod responsabbli.
F’dinja fejn kull persuna għandha aċċess għal ammont enormi ta’ informazzjoni permezz ta’ telefon jew kompjuter, l-isfida mhijiex aktar li nsibu l-informazzjoni. L-isfida hi li nagħrfu x’informazzjoni hija vera, x’informazzjoni hija affidabbli u kif għandna nużawha.
Hawnhekk jidħol il-ħsieb kritiku. U hawnhekk tidħol ukoll iċ-ċittadinanza. L-iskola għandha tipprepara lit-tfal biex ikunu ħaddiema tajbin, imma wkoll biex ikunu ċittadini tajbin. Għandhom jifhmu d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom. Għandhom jifhmu x’inhi d-demokrazija.
Għandhom jifhmu għaliex l-istituzzjonijiet huma importanti u għaliex il-liġi għandha tapplika għal kulħadd. Għandhom jitgħallmu li d-differenza ta’ opinjoni mhijiex għadu. Għandhom jitgħallmu li l-liberta’ tfisser ukoll responsabbilta’. U għandhom jifhmu li pajjiż ma jinbeniex biss mill-Gvern. Jinbena minn kull wieħed u waħda minna.
Imma hemm aspett ieħor tal-ħajja li forsi ma nagħtuhx biżżejjed importanza fl-iskejjel: il-ħiliet prattiċi. Kemm it-tfal tagħna jafu jimmaniġġjaw il-flus? Kemm jifhmu x’inhu self, imgħax, baġit u tfaddil? Kemm jafu x’inhuma d-drittijiet tagħhom fuq il-post tax-xogħol? Kemm jafu kif jaħdmu f’tim? Kemm jafu kif jagħmlu preżentazzjoni, jitkellmu fil-pubbliku jew jiddefendu idea? Kemm jafu jieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħhom, jimmaniġġjaw l-istress u jagħrfu meta għandhom jitolbu l-għajnuna? Dawn ukoll huma forom ta’ edukazzjoni.
U forsi waħda mill-aktar affarijiet importanti li għandna ngħallmu hija li l-falliment mhux it-tmiem. Żagħżugħ li jieħu marka baxxa f’eżami m’għandux jasal għall-konklużjoni li hu falliment. Persuna li ma tidħolx fl-universita’ m’għandhiex tħoss li l-bibien kollha għal futur tajjeb ingħalqu. Għandna bżonn sistema li tirrispetta t-toroq differenti li jistgħu jieħdu t-tfal.
Hawnhekk l-edukazzjoni vokazzjonali għandha rwol importanti ħafna. Għal wisq żmien, il-kultura tagħna kienet tagħti l-impressjoni li t-triq akkademika hija t-triq ewlenija u l-vokazzjonali hija xi ħaġa għat-tieni għażla. Dan huwa żball.
Għandna bżonn nies li jsiru inġiniera u tobba, imma għandna bżonn ukoll tekniċi, elettriċisti, plumbers, kokijiet, carers, ħaddiema tas-sengħa u nies b’ħiliet speċjalizzati. Ekonomija moderna ma tistax taħdem mingħajrhom.
Għalhekk irridu nqajmu r-rispett lejn kull forma ta’ xogħol onest u nagħtu lil kull żagħżugħ il-possibbilta’ li jsib it-triq li taqbel mal-kapaċitajiet tiegħu.
Imma rridu noqogħdu attenti wkoll biex ma nagħmlux l-iżball oppost: li nbiddlu l-iskola f’fabbrika għall-ħaddiema. L-iskola mhijiex dipartiment tar-riżorsi umani tal-ekonomija. Il-bniedem huwa aktar mill-professjoni tiegħu.
Tifel mhuwiex biss ħaddiem futur. Huwa persuna futura, ġenitur possibbli, ċittadin, ħabib, ġar u membru tal-komunita’. Għalhekk l-edukazzjoni għandha tgħallmu wkoll l-arti, il-kultura, il-letteratura, l-isport, il-kreattivita’ u r-rispett lejn l-ambjent. Għandha tagħtih l-ispazju biex joħlom.
Għax edukazzjoni li tipprepara biss għas-suq tax-xogħol tista’ toħloq ħaddiema kompetenti. Imma edukazzjoni li tipprepara għall-ħajja tista’ toħloq soċjeta’ aħjar.
U hawn għandna responsabbilta’ kbira bħala pajjiż. Ma nistgħux nitfgħu kollox fuq l-għalliema. L-għalliema għandhom rwol fundamentali, imma s-sistema kollha trid tappoġġjahom. Irridu ninvestu fit-taħriġ tagħhom. Irridu nagħtuhom l-għodod meħtieġa. Irridu nnaqqsu l-piżijiet burokratiċi bla bżonn. U rridu nirrispettaw il-professjoni tagħhom. Iżda rridu wkoll nistaqsu jekk il-kurrikulu tagħna hux qed jagħti biżżejjed spazju għall-ħiliet li se jkunu meħtieġa fil-futur.
L-intelliġenza artifiċjali, pereżempju, ma għandhiex titqies biss bħala teknoloġija li t-tfal għandhom jitgħallmu jużaw. Għandhom jitgħallmu wkoll meta jużawha, kif jużawha u meta ma għandhomx jafdawha. Għax jekk magna tista’ tagħtina tweġiba fi ftit sekondi, il-valur tal-bniedem se jkun dejjem aktar fil-kapaċita’ tiegħu li jagħraf problema, jistaqsi l-mistoqsija t-tajba, jifhem il-kuntest u jieħu deċiżjoni responsabbli.
Din hija l-edukazzjoni li għandna bżonn. Edukazzjoni li ma tibżax mill-futur, imma tipprepara lit-tfal biex jiffurmawh.
Jiena ma rridx skola li tgħid lit-tfal tagħna: “Tgħallem dan għax għada se jkollok bżonnu.” Irrid skola li tgħidilhom: “Tgħallem kif titgħallem, għax għada se jkollok bżonn titgħallem affarijiet ġodda.” Din hija d-differenza bejn tipprepara għax-xogħol u tipprepara għall-ħajja.
Għax irridu nistaqsu x’qed nistennew mill-edukazzjoni tagħna. Jekk irridu biss impjegati tajbin, nistgħu nfasslu sistema li tiffoka fuq il-ħiliet meħtieġa mis-suq. Imma jekk irridu soċjeta’ aħjar, irridu ħafna aktar. Irridu persuni li jafu jaħsbu. Persuni li jafu jisimgħu. Persuni li jafu jaħdmu ma’ ħaddieħor. Persuni li jafu jieħdu responsabbilta’.
Persuni li jafu jagħmlu għażliet. Persuni li għandhom il-kuraġġ jibdew mill-ġdid meta jaqgħu. U persuni li jemmnu li s-suċċess tagħhom ma jitkejjelx biss mill-paga li jaqilgħu, iżda wkoll mill-kontribut li jagħtu lis-soċjeta’.
Għalhekk, meta nistaqsu jekk l-iskejjel humiex qed jippreparaw għax-xogħol jew għall-ħajja, jiena ngħid li m’għandniex nagħżlu bejn it-tnejn. Irridu skola li tagħmel lit-tfal tagħna kapaċi għax-xogħol, iżda lesta wkoll għal dak kollu li l-ħajja tista’ ġġib magħha. Għax xogħol tajjeb jista’ jagħti persuna indipendenza. Imma edukazzjoni tajba tista’ tagħtiha l-għodda biex tgħix ħajja sħiħa, responsabbli u b’dinjita’. U dak għandu jkun l-akbar suċċess tal-iskola tagħna.
