Il-Ħaddiema: L-Aktar Riżorsa Skarsa tal-Ekonomija Maltija

Minn Osservatur Poliriku

Għal ħafna snin, id-diskussjoni ekonomika f’pajjiżna kienet iddur madwar kemm qed nikbru, kemm qed jinħolqu impjiegi ġodda u kemm qed jiżdied l-investiment. Dawn huma indikaturi importanti. Imma hemm realta’ oħra li qed issir dejjem aktar ċara: l-akbar sfida tal-ekonomija Maltija mhux se tkun in-nuqqas ta’ kapital, iżda n-nuqqas ta’ nies biex jagħmlu x-xogħol.
F’pajjiż żgħir bħall-Malta, fejn l-art hija limitata u r-riżorsi naturali huma skarsi, il-ħaddiema dejjem kienu l-akbar assi tagħna. Illum, iżda, qed naslu għal punt fejn il-ħaddiema nfushom qed isiru r-riżorsa l-aktar skarsa.
Din mhijiex biss kwistjoni ta’ kemm għandna nies jaħdmu. Hija kwistjoni ta’ min qed jaħdem, x’ħiliet għandu, kemm jipproduċi u x’kwalita’ ta’ ħajja qed noffrulu.
L-ekonomija Maltija kibret b’pass qawwi matul dawn l-aħħar snin. Ġew attirati investimenti ġodda, kibru diversi setturi u żdiedu l-opportunitajiet ta’ xogħol. Il-livell għoli ta’ impjieg huwa suċċess li għandna nirrikonoxxu. Imma kull suċċess ekonomiku għandu l-limiti tiegħu.
Jekk l-ekonomija tibqa’ tikber billi żżid dejjem aktar nies fil-forza tax-xogħol, naslu inevitabbilment għal punt fejn dan il-mudell isir aktar diffiċli biex jinżamm. Pajjiżna għandu popolazzjoni żgħira u spazju limitat. Ma nistgħux nibqgħu nassumu li kull darba li jkollna bżonn aktar ħaddiema, sempliċement inżidu l-popolazzjoni.
Din mhijiex kwistjoni kontra l-ħaddiema barranin. Għall-kuntrarju, il-ħaddiema barranin saru parti importanti mill-ekonomija u minn bosta servizzi li llum jiddependu fuqhom. Imma dipendenza dejjem akbar fuq żieda kontinwa fil-ħaddiema hija sinjal li rridu nibdew naħsbu b’mod differenti.
Il-mistoqsija għandha tkun: kif nistgħu nipproduċu aktar b’riżorsi umani limitati?
Hawn tidħol il-kelma li forsi ftit wisq nitkellmu dwarha fil-politika ekonomika: il-produttivita’.
Jekk irridu li l-pagi jogħlew b’mod sostenibbli, jekk irridu li n-negozji jibqgħu kompetittivi u jekk irridu li l-ekonomija tkompli tikber mingħajr ma jkollha bżonn żieda bla waqfien fil-popolazzjoni, irridu nżidu l-valur li joħroġ minn kull siegħa xogħol. Dan ma jfissirx li rridu nitolbu lill-ħaddiema jaħdmu aktar. Ifisser li għandna nagħtuhom għodod aħjar. Teknoloġija aħjar. Taħriġ aħjar. Organizzazzjoni aħjar. Investiment akbar fl-innovazzjoni. Proċessi amministrattivi aktar effiċjenti. Produttivita’ ogħla għandha tkun il-pont bejn ekonomija li teħtieġ dejjem aktar nies u ekonomija li toħloq aktar valur.
Jekk il-ħaddiema huma l-aktar riżorsa skarsa tagħna, allura l-akbar investiment li nistgħu nagħmlu huwa fihom. Dan jibda mill-edukazzjoni. Ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn l-edukazzjoni bħala stadju li jispiċċa meta ż-żagħżugħ jew iż-żagħżugħa jidħlu fid-dinja tax-xogħol. F’ekonomija li qed tinbidel b’rata mgħaġġla, il-ħiliet iridu jiġġeddu kontinwament.
L-intelliġenza artifiċjali, l-awtomazzjoni u d-diġitalizzazzjoni qed ibiddlu n-natura ta’ ħafna impjiegi. Xi xogħlijiet se jisparixxu jew jinbidlu; oħrajn li għadhom ma nafuhomx illum se jinħolqu. Għalhekk, il-politika tagħna trid tħejji lill-ħaddiema għal din it-transizzjoni, mhux tistenna li sseħħ biex imbagħad tirreaġixxi.
Hemm aspett ieħor li ma nistgħux ninjoraw: il-kwalita’ tal-ħajja. Jekk irridu nżommu nies kapaċi u kompetenti f’Malta, ma nistgħux noffrulhom biss impjieg. Irridu pajjiż fejn ikun possibbli li wieħed jgħix ħajja diċenti.
Traffiku li jieħu sigħat mill-ġurnata. Prezzijiet għoljin tal-kirjiet. Diffikultajiet biex wieħed jixtri dar. Pressjoni fuq is-servizzi tas-saħħa. Nuqqas ta’ spazji miftuħa. Bilanċ fqir bejn ix-xogħol u l-ħajja. Dawn kollha għandhom konsegwenzi ekonomiċi.
Meta ħaddiem iqatta’ sigħat fit-traffiku, dik mhijiex biss problema ta’ mobilita’. Hija produttivita’ mitlufa u ħin mitluf mal-familja. Meta żagħżugħ ma jkunx jista’ jaffordja dar, dan għandu impatt fuq id-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-futur. Ekonomija b’saħħitha trid toffri mhux biss xogħol, iżda ħajja li ta’ min jgħixha.
Hemm ukoll riżorsi umani li għadna nistgħu nużaw aħjar. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol żdiedet b’mod sostanzjali, iżda għad hemm potenzjal. Politika aktar tajba dwar childcare, xogħol flessibbli u bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol jistgħu jgħinu aktar nies jidħlu jew jibqgħu fis-suq tax-xogħol.
L-istess jgħodd għall-ħaddiema anzjani. Soċjeta’ li qed tixjieħ ma tistax taffordja li titfa’ nies b’esperjenza barra mid-dinja tax-xogħol qabel ma jkunu jridu jieqfu. Għandna noħolqu kundizzjonijiet fejn min jixtieq jibqa’ attiv ikun jista’ jagħmel dan b’mod flessibbli u dinjituż.
Imma l-kwistjoni mhijiex biss in-numru ta’ ħaddiema. Hija wkoll il-kwalita’ u r-rilevanza tal-ħiliet tagħhom. Jista’ jkollna ħafna impjiegi vakanti u fl-istess ħin ħafna nies ifittxu xogħol. Dan jiġri meta l-ħiliet li qed toffri s-suq tax-xogħol ma jaqblux ma’ dawk li jeħtieġu l-ekonomija. Għalhekk, irridu rabta ferm aktar b’saħħitha bejn l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u l-ħtiġijiet tal-industrija. L-edukazzjoni trid tħejji liż-żgħażagħ mhux biss biex isibu xogħol, iżda biex jibnu karriera.
F’din id-diskussjoni hemm ukoll dimensjoni umana. Għal wisq żmien, id-dibattitu ekonomiku seta’ jagħti l-impressjoni li l-popolazzjoni hija sempliċement numru meħtieġ biex l-ekonomija tkompli tikber. Imma kull persuna li tasal Malta hija bniedem, b’ħtiġijiet, familja, aspirazzjonijiet u drittijiet.
Għalhekk, jekk pajjiżna jeħtieġ ħaddiema barranin, irridu nassiguraw li dawn jiġu integrati b’mod serju u li jkollhom kundizzjonijiet xierqa. Fl-istess ħin, ma nistgħux nużaw il-migrazzjoni tax-xogħol bħala sostitut għal investiment fil-produttivita’.
Il-mudell ekonomiku tal-futur għandu jkun differenti. Ma nistgħux nibqgħu nkejlu s-suċċess biss skont kemm żdiedet il-popolazzjoni jew kemm żdied in-numru ta’ ħaddiema. Irridu nkejlu kemm qed noħolqu valur. Irridu ekonomija li tagħmel aktar b’inqas pressjoni fuq ir-riżorsi. Ekonomija li tippremja l-ħiliet, l-innovazzjoni u l-produttivita’. Ekonomija li tippermetti lill-ħaddiema jaqilgħu aktar mingħajr ma jkollhom għalfejn jaħdmu aktar sigħat jew li l-pajjiż ikollu jimporta dejjem aktar ħaddiema. Dan jeħtieġ bidla fil-prijoritajiet.
Il-futur ekonomiku ta’ Malta mhux se jiġi deċiż biss mill-ammont ta’ kapital li nattiraw jew mill-proġetti li nħabbru. Se jiġi deċiż ukoll minn kemm nagħrfu ninvestu fil-bniedem. Il-ħaddiem Malti, il-ħaddiem barrani, iż-żagħżugħ li għadu jibda l-karriera u l-persuna li għandha għexieren ta’ snin ta’ esperjenza—dawn kollha huma parti mill-kapital uman ta’ pajjiżna.
Jekk il-ħaddiema jsiru l-aktar riżorsa skarsa, ma nistgħux nittrattawhom bħala riżorsa li tista’ tiġi sostitwita faċilment. Irridu nħarsu lejhom bħala l-assi l-aktar importanti li għandna.Għax il-mistoqsija mhijiex kemm nistgħu nżidu l-popolazzjoni biex inżommu l-ekonomija tikber.
Il-mistoqsija vera hija kemm nistgħu nagħmlu biex kull persuna li tgħix u taħdem f’Malta tkun tista’ tagħti l-aħjar tagħha, tgħix b’dinjita’ u tibni futur aħjar. Dak għandu jkun il-pass li jmiss fl-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading