Budget 2027: Il-familji jistennew ħajja aħjar, mhux biss aktar flus fil-but

Minn Osservatur Politiku

Fadal ġrunata għall-Budget 2027 u l-familji Maltin u Għawdxin qed jistennew li l-Gvern juri b’mod konkret kif beħsiebu jtejjeb il-ħajja tagħhom. Għal ħafna familji, il-Budget mhuwiex diskussjoni dwar ċifri, persentaġġi jew tbassir ekonomiku. Huwa dwar kemm se jibqa’ flus fil-but wara li jitħallsu l-kontijiet, jekk hux se jkunu jistgħu jlaħħqu mal-ispejjeż tal-ikel, jekk uliedhom hux se jkollhom opportunitajiet aħjar u jekk il-futur hux se jkun aktar sigur mill-preżent.
Il-familji ma jridux biss jisimgħu li l-ekonomija qed tikber. Iridu jħossu t-tkabbir fil-ħajja ta’ kuljum. Għax ekonomija tista’ turi riżultati tajbin fuq il-karta, iżda jekk il-ġenituri jibqgħu jinkwetaw dwar il-kontijiet, jekk koppji żgħażagħ ma jkunux jistgħu jsibu akkomodazzjoni affordabbli u jekk il-ħin mal-familja jibqa’ jittiekel mit-traffiku u mill-pressjoni tax-xogħol, allura għad hemm ħafna xi jsir.
Waħda mill-akbar pressjonijiet fuq il-familji hija l-għoli tal-ħajja. Anki meta l-inflazzjoni tonqos, dan ma jfissirx li l-prezzijiet jerġgħu lura għal-livelli ta’ qabel. Jekk il-prezz tal-ikel, tal-prodotti essenzjali u tas-servizzi jkun diġa’ tela’, familja xorta jkollha tħallas dawk il-prezzijiet ogħla. Għal min għandu dħul limitat, kull żieda fil-kontijiet tfisser deċiżjoni dwar fejn jista’ jnaqqas u minn liema ħtieġa jista’ jkollu jċedi.
Għalhekk, il-Budget għandu juri mhux biss x’żidiet se jingħataw, iżda wkoll kif il-Gvern beħsiebu jgħin biex tonqos il-pressjoni fuq il-baġit domestiku. Għajnuna finanzjarja tista’ tagħmel differenza, iżda ma tistax tkun l-unika tweġiba. Irridu nħarsu lejn ir-raġunijiet għaliex il-familji qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu u lejn il-miżuri li jistgħu jnaqqsu dawn il-piżijiet b’mod sostenibbli.
L-akkomodazzjoni hija eżempju ċar. Għal ħafna żgħażagħ, il-ħolma li jixtru dar tagħhom saret aktar diffiċli biex tintlaħaq. Il-prezzijiet tal-proprjeta’, id-depożitu meħtieġ u l-ispejjeż marbuta ma’ self għad-djar jistgħu jdewmu deċiżjonijiet importanti fil-ħajja. Għal oħrajn, il-kirja tieħu parti sostanzjali mid-dħul ta’ kull xahar, u tħalli inqas flus għall-ikel, għat-tfal, għat-trasport u għat-tfaddil.
Il-Gvern għandu jispjega kif il-politika tiegħu se tgħin biex familja tkun tista’ tgħix f’dar diċenti bi spiża li tiflaħ għaliha. Mhux biżżejjed li nkomplu nitkellmu dwar għajnuna għax-xerrejja jekk il-problema usa’ tal-aċċess għall-akkomodazzjoni tibqa’ ma tiġix indirizzata. Jeħtieġ ukoll li nistaqsu x’tip ta’ pajjiż irridu nibnu: wieħed fejn iż-żgħażagħ jistgħu jfasslu l-futur tagħhom, jew wieħed fejn ikollhom jibqgħu jdewmu l-pjanijiet tagħhom minħabba l-ispejjeż.
Hemm ukoll il-piż tat-traffiku u n-nuqqas ta’ ħin. Ġenituri li jqattgħu sigħat fit-triq kuljum ikollhom inqas ħin għal uliedhom, għall-mistrieħ u għall-ħajja tal-familja. Dan mhux biss ifisser skumdita’. Ifisser stress, spejjeż addizzjonali u kwalita’ ta’ ħajja aktar baxxa. Il-Budget għandu jagħti sinjal ċar li l-investiment fit-trasport u fl-infrastruttura se jkun immirat lejn soluzzjonijiet li verament inaqqsu d-diffikultajiet tan-nies, mhux sempliċement lejn proġetti li jidhru impressjonanti.
L-istess jgħodd għas-saħħa u l-edukazzjoni. Il-familji għandhom bżonn servizzi pubbliċi li jistgħu jserrħu fuqhom. Meta jkun hemm dewmien biex wieħed jingħata servizz jew meta l-ġenituri jkollhom jirrikorru għal soluzzjonijiet privati għax ma jkollhomx alternattiva prattika, l-ispiża reali tal-ħajja tiżdied. Investiment f’servizzi pubbliċi aħjar mhuwiex biss nefqa tal-Gvern. Huwa investiment fil-familji, fil-ħin tagħhom u fis-sigurta’ tagħhom.
Ma nistgħux ninsew ukoll il-ġenituri li jridu jgħaqqdu x-xogħol mar-responsabbiltajiet tal-familja. Kura tat-tfal li tkun aċċessibbli, servizzi affidabbli u kundizzjonijiet tax-xogħol li jippermettu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jistgħu jagħmlu differenza kbira. Familji ma għandhomx jitkejlu biss skont kemm jaqilgħu, iżda wkoll skont kemm ikollhom il-possibbilta’ jgħixu flimkien, jieħdu ħsieb uliedhom u jippjanaw il-futur tagħhom.
Huwa għalhekk li l-argument li l-familji għandhom bżonn aktar minn flus għandu jittieħed bis-serjeta’. Naturalment, id-dħul huwa importanti. Iżda familja teħtieġ ukoll stabbilta’, akkomodazzjoni, servizzi tajbin, ambjent li joffri kwalita’ ta’ ħajja u fiduċja li l-isforzi tagħha se jwasslu għal futur aħjar. Dawn l-affarijiet ma jistgħux jinħolqu b’miżura waħda jew b’għajnuna temporanja. Jeħtieġu direzzjoni politika ċara u ppjanar fit-tul.
Fl-istess waqt, kull wegħda fil-Budget għandha tkun ibbażata fuq pjan finanzjarju serju. Il-familji għandhom dritt jistennew għajnuna, iżda għandhom ukoll dritt ikunu jafu li l-miżuri mwiegħda jistgħu jinżammu fis-snin li ġejjin. Nefqa li ma tkunx ippjanata tajjeb tista’ twassal għal aktar pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi u tillimita l-għażliet tal-pajjiż fil-futur. Ir-responsabbilta’ tfisser li l-għajnuna tal-lum ma ssirx il-problema ta’ għada.
Il-Budget 2027 għandu għalhekk ikun opportunita’ biex il-Gvern juri li fehem dak li qed jgħidu l-familji. Mhux kulħadd qed jitlob l-istess ħaġa, iżda ħafna qed ifittxu l-istess serħan il-moħħ: li x-xogħol tagħhom ikun biżżejjed biex jgħixu b’dinjita’, li wliedhom ikollhom opportunitajiet aħjar u li l-futur ma jkunx sors ta’ ansjeta’ kontinwa.
Il-kejl ta’ Budget tajjeb ma għandux ikun biss kemm jitħabbru miżuri jew kemm ikun kbir l-ammont ta’ flus allokat. Għandu jkun kemm dawk il-miżuri li jsolvu problemi reali u jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.
Il-familji ma jridux biss aktar flus fil-but. Iridu pajjiż li fih dawk il-flus ikunu biżżejjed biex jgħixu aħjar, irabbu lil uliedhom b’serħan il-moħħ u jħarsu lejn il-futur b’aktar fiduċja. Dan huwa l-aspettattiva li l-Budget 2027 għandu jindirizza, u din hija r-responsabbilta’ li l-Gvern għandu quddiem il-familji Maltin u Għawdxin.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading