Ekonomija B’Saħħitha Tibda b’Popolazzjoni B’Saħħitha

Minn Osservatur Politiku
Meta nitkellmu dwar is-saħħa, ħafna drabi nitkellmu dwar tobba, infermiera, mediċini, sptarijiet u servizzi. Meta nitkellmu dwar l-ekonomija, nitkellmu dwar tkabbir, impjiegi, investiment, produttivita’ u finanzi pubbliċi. Imma dawn iż-żewġ dinjiet mhumiex separati.
Fil-fatt, is-saħħa tal-popolazzjoni u s-saħħa tal-ekonomija huma marbuta aktar milli kultant nirrikonoxxu. Sistema tas-saħħa tajba mhijiex biss servizz essenzjali li l-Istat għandu jipprovdi. Hija wkoll waħda mill-pedamenti tal-ekonomija tagħna.
Persuna b’saħħitha tista’ taħdem, trabbi familja, tikkontribwixxi fis-soċjeta’ u tgħix ħajja produttiva. Persuna li tgħix b’marda li tista’ tiġi evitata jew ikkurata għandha riskju akbar li titlef ġranet ta’ xogħol, ikollha bżonn aktar kura u, f’ċerti każijiet, tispiċċa tiddependi aktar fuq is-servizzi soċjali u tas-saħħa. Għalhekk, kull ewro li nonfqu fuq is-saħħa għandu jiġi evalwat mhux biss bħala nefqa, iżda wkoll bħala investiment.
Dan ma jfissirx li kull nefqa fuq is-saħħa hija awtomatikament tajba. Lanqas ma jfisser li l-ekonomija għandha tiddeċiedi min għandu jingħata kura u min le. Tfisser li rridu nibdew nitkellmu b’mod aktar matur dwar kif niksbu l-aħjar riżultat possibbli mill-flus pubbliċi li qed ninvestu fis-saħħa.
Għax il-mistoqsija mhijiex sempliċement kemm qed nonfqu. Il-mistoqsija għandha tkun: x’qed niksbu għal dak li qed nonfqu?
Din hija waħda mill-akbar sfidi tal-politika pubblika moderna. Ir-riżorsi huma dejjem limitati, filwaqt li l-bżonnijiet huma dejjem jikbru. Il-mediċina qed tavvanza b’pass mgħaġġel. Hemm trattamenti ġodda, teknoloġiji ġodda, mediċini aktar sofistikati u sistemi ta’ dijanjosi li ftit snin ilu kienu għadhom ma jeżistux.
Dan kollu huwa progress li għandna nilqgħu. Imma l-progress għandu prezz. U jekk irridu sistema tas-saħħa sostenibbli fit-tul, irridu nkunu kapaċi nagħmlu għażliet intelliġenti dwar fejn inpoġġu l-prijoritajiet tagħna.
Wieħed mill-aktar oqsma importanti huwa l-prevenzjoni.
Huwa ħafna aktar sensibbli ekonomikament li ninvestu biex nipprevjenu marda milli nistennew sakemm il-marda ssir serja u mbagħad ikollna nħallsu għal trattament aktar għali. Prevenzjoni, screening, edukazzjoni dwar is-saħħa, stil ta’ ħajja tajjeb u dijanjosi bikrija jistgħu mhux biss isalvaw il-ħajja, iżda wkoll inaqqsu l-pressjoni fuq l-isptarijiet u fuq il-finanzi pubbliċi. Dan huwa fejn il-mediċina tiltaqa’ mal-ekonomija bl-aktar mod ċar.
Jekk persuna tiġi dijanjostikata kmieni u tirċievi l-kura meħtieġa, tista’ tibqa’ taħdem u tgħix b’mod indipendenti. Jekk l-istess problema tiġi injorata sakemm issir kritika, il-konsegwenzi jistgħu jkunu ħafna aktar kbar: aktar kura, aktar assenzi mix-xogħol, aktar pressjoni fuq il-familja u spiża akbar għall-Istat.
Għalhekk, ekonomija li trid tkun produttiva trid tinvesti fis-saħħa tal-bniedem. U dan isir saħansitra aktar importanti meta nħarsu lejn il-bidliet demografiċi. Popolazzjoni li qed tixjieħ tfisser domanda akbar għal kura fit-tul, servizzi speċjalizzati u trattamenti għal mard kroniku. Fl-istess waqt, in-numru ta’ nies li jaħdmu meta mqabbel ma’ dawk li għandhom bżonn aktar servizzi jista’ jinbidel.
Din mhijiex problema ta’ għada. Hija kwistjoni li rridu nibdew nippjanaw għaliha llum. Jekk ma nagħmlux dan, nirriskjaw li jkollna sistema li dejjem tirreaġixxi għall-kriżijiet minflok tipprevjenihom.
Hawnhekk tidħol ukoll il-produttivita’ tas-settur tas-saħħa nnifsu. Aktar flus waħedhom ma jiggarantux servizz aħjar. Irridu nistaqsu jekk ir-riżorsi humiex qed jintużaw bl-aħjar mod. Irridu nħarsu lejn il-listi ta’ stennija, il-ħinijiet ta’ appuntamenti, l-użu tat-teknoloġija, il-ġestjoni tal-isptarijiet, ix-xiri ta’ mediċini u tagħmir, u l-mod kif is-servizzi differenti jaħdmu flimkien.
Kull ineffiċjenza għandha spiża. U kull effiċjenza li tinkiseb tfisser li aktar pazjenti jistgħu jibbenefikaw mill-istess riżorsi. Dan m’għandux jinftiehem bħala argument favur qtugħ fl-ispiża. Għall-kuntrarju. Huwa argument favur valur aħjar għall-flus.
Għax meta nitkellmu dwar il-flus pubbliċi, irridu niftakru li dawk il-flus ġejjin mit-taxxi taċ-ċittadini. Il-pubbliku għandu dritt jistenna li kull ewro jintuża b’responsabbilta’, trasparenza u prudenza.
Dan japplika wkoll għall-investiment fil-ħaddiema tas-saħħa. Tobba, infermiera, carers, spiżjara, terapisti u professjonisti oħra mhumiex sempliċement linja oħra fil-pagi tal-Gvern. Huma l-qalba tas-sistema. Jekk irridu servizz ta’ kwalita’, irridu ninvestu fil-ħiliet, fit-taħriġ, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u fil-karrieri tagħhom. Ma nistgħux nitkellmu dwar ekonomija b’saħħitha mingħajr ma nitkellmu dwar ħaddiema b’saħħithom u sistema tas-saħħa li tista’ ssostnihom.
U hemm dimensjoni oħra li ma nistgħux ninjoraw: is-saħħa mentali. Stress, burnout, ansjeta’ u problemi oħra tas-saħħa mentali għandhom ukoll konsegwenzi ekonomiċi. Jaffettwaw il-produttivita’, l-assenteiżmu, il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-kwalita’ tal-ħajja. Għalhekk, investiment fis-saħħa mentali mhuwiex lussu. Huwa parti minn politika ekonomika sensibbli.
Bil-fors irridu nbiddlu l-mod kif inħarsu lejn ir-relazzjoni bejn is-saħħa u l-ekonomija. Mhux “kemm se tiswielna l-mediċina?”, iżda wkoll “kemm jiswielna jekk ma nagħmlux il-prevenzjoni?”. Mhux “kemm qed nonfqu fuq is-saħħa?”, iżda “kemm qed niksbu għal dak l-investiment?”. Mhux “kif innaqqsu l-ispiża?”, iżda “kif niksbu aktar saħħa, aktar kwalita’ u aktar valur mill-istess riżorsi?”. Din hija d-diskussjoni li Malta għandha bżonn.
Għax sistema tas-saħħa tajba mhijiex piż fuq l-ekonomija. Hija waħda mill-kundizzjonijiet biex l-ekonomija tkun b’saħħitha. Ekonomija li titlef nies mill-post tax-xogħol minħabba mard li seta’ ġie evitat mhijiex ekonomija effiċjenti. Ekonomija li tħalli lill-anzjani jistennew għal kura meħtieġa mhijiex ekonomija ġusta. U pajjiż li jonfoq aktar u aktar mingħajr ma jkejjel ir-riżultati mhuwiex pajjiż li qed juża r-riżorsi tiegħu bl-aħjar mod.
Il-mira għandha tkun aktar ambizzjuża: sistema tas-saħħa li tipproteġi l-ħajja, iżżomm lin-nies attivi, tagħti dinjita’ lill-anzjani, tappoġġja lill-familji u fl-istess waqt issaħħaħ il-produttivita’ u s-sostenibbilta’ tal-ekonomija.
Din mhijiex għażla bejn il-bniedem u l-ekonomija. Hija l-għarfien li wieħed jiddependi mill-ieħor. Għax l-akbar assi ta’ pajjiż mhuwiex il-bini, il-kapital jew it-teknoloġija. Huma n-nies.
U jekk irridu ekonomija li tkun sostenibbli, kompetittiva u ġusta għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin, irridu nibdew billi ninvestu fl-akbar kapital li għandna: is-saħħa u d-dinjita’ tal-bniedem.
Għax meta l-mediċina tiltaqa’ mal-ekonomija, il-mistoqsija vera mhijiex kemm tiswa s-saħħa. Il-mistoqsija hija kemm tiswa lis-soċjeta’ li ma jkollhiex saħħa. U dik hija spiża li pajjiż serju ma jistax jibqa’ jinjoraha.
