L-Edukazzjoni f’Pajjiżna

Minn Osservatur Politiku
Għal ħafna snin, waħda mill-akbar sfidi li kienet tiffaċċja Malta fil-qasam edukattiv kienet ir-rata għolja ta’ studenti li kienu jitilqu mis-sistema edukattiva qabel ma jlestu l-istudji tagħhom jew qabel ma jiksbu kwalifiki adegwati. Din il-problema kienet ilha tissemma fir-rapporti lokali u Ewropej għal diversi snin u kienet tqajjem tħassib serju dwar il-futur ta’ ħafna żgħażagħ u dwar il-kompetittivita’ tal-pajjiż. Illum, iżda, jidher li qed naraw sinjal pożittiv ħafna.
Skont l-aħħar statistika, ir-rata ta’ dawk li ma jkomplux jistudjaw f’Malta niżlet għal 8.6%, filwaqt li l-medja tal-Unjoni Ewropea hija ta’ 9.1%. Għall-ewwel darba wara ħafna snin, Malta mhux biss qed tersaq lejn il-medja Ewropea, iżda saħansitra qed tirreġistra riżultat aħjar minnha. Dan huwa żvilupp li jistħoqqlu attenzjoni u analiżi.
Naturalment, statistika waħedha qatt ma tirrakkonta l-istorja kollha. Madankollu, dawn iċ-ċifri jindikaw li l-isforzi li saru matul is-snin biex aktar żgħażagħ jibqgħu fis-sistema edukattiva qed jibdew jagħtu l-frott tagħhom. Dan huwa importanti mhux biss għall-istudenti nfushom, iżda għall-pajjiż kollu.
L-edukazzjoni hija waħda mill-aktar investimenti importanti li jista’ jagħmel kwalunkwe pajjiż. Pajjiż li jinvesti fil-ħiliet, fit-tagħlim u fil-potenzjal tan-nies tiegħu jkun qed jinvesti fil-futur ekonomiku u soċjali tiegħu. Għalhekk, meta aktar żgħażagħ jibqgħu jistudjaw u jiksbu kwalifiki aħjar, il-benefiċċji ma jkunux limitati għalihom biss. Ikunu benefiċċji li jinħassu mis-soċjeta’ kollha.
Persuna li tkompli bl-edukazzjoni tagħha għandha aktar ċans li ssib impjieg ta’ kwalita’, aktar opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali u prospetti aħjar ta’ dħul matul ħajjitha. Fl-istess ħin, ekonomija li jkollha forza tax-xogħol aktar edukata tkun aktar kompetittiva u aktar kapaċi tattira investiment ta’ kwalita’. Għalhekk dan it-titjib għandu jitqies bħala pass fid-direzzjoni t-tajba.
Madankollu, ikun żball jekk naħsbu li l-problema ġiet solvuta kompletament. Għalkemm 8.6% hija rata aħjar mill-medja Ewropea, xorta tfisser li kważi disa’ minn kull mitt żagħżugħ jew żagħżugħa qed jitilqu mis-sistema edukattiva qabel iż-żmien. Wara kull persentaġġ hemm persuni reali.
Hemm stejjer ta’ studenti li forsi sabu diffikultajiet akkademiċi, problemi soċjali jew sfidi personali li wassluhom biex jitbiegħdu mill-edukazzjoni. Għalhekk il-mira għandha tibqa’ waħda ambizzjuża: li nkomplu nnaqqsu din ir-rata kemm jista’ jkun.
Wieħed mill-fatturi li x’aktarx ikkontribwixxa għal dan il-progress huwa l-fatt li matul l-aħħar snin saru investimenti sostanzjali fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali. Mhux kull student għandu l-istess talenti jew l-istess aspirazzjonijiet. Għal ħafna żgħażagħ, il-korsijiet vokazzjonali u tekniċi offrew alternattiva valida u rispettata għall-mogħdijiet edukattivi aktar tradizzjonali. Din kienet bidla importanti fil-mentalità.
Għal snin twal kien hemm min kien iqis l-edukazzjoni vokazzjonali bħala għażla inferjuri. Illum qed nifhmu dejjem aktar li ekonomija moderna teħtieġ firxa wiesgħa ta’ ħiliet u professjonijiet. Tekniċi, inġiniera, professjonisti diġitali, artiġjani u speċjalisti f’diversi oqsma huma kollha essenzjali għall-iżvilupp tal-pajjiż. Meta s-sistema edukattiva toffri diversi mogħdijiet ta’ suċċess, aktar studenti jsibu posthom fiha.
Importanti wkoll il-fatt li llum hemm aktar għarfien dwar il-bżonnijiet individwali tal-istudenti. L-edukazzjoni moderna ma tistax tibqa’ taħdem fuq mudell wieħed għal kulħadd. Kull student għandu l-ħiliet, l-isfidi u r-ritmu tiegħu. Meta l-iskejjel ikunu mgħammra biex jagħtu aktar appoġġ personalizzat, il-probabbilta’ li student jabbanduna l-istudji tonqos.
Naturalment, il-familja wkoll għandha rwol kruċjali. L-ambjent li fih jikbru t-tfal għandu impatt dirett fuq il-prestazzjoni edukattiva tagħhom. Familji li japprezzaw l-edukazzjoni u li jinkoraġġixxu lit-tfal tagħhom biex jippersistu fl-istudji jkunu qed jagħtu kontribut importanti għas-suċċess tagħhom. Għalhekk il-politika edukattiva ma tistax tkun limitata għall-klassijiet biss. Trid tinkludi wkoll appoġġ lill-familji u lill-komunitajiet.
Fl-istess waqt irridu nagħrfu li d-dinja tax-xogħol qed tinbidel b’pass mgħaġġel. Illum il-ġurnata, kwalifika li kienet biżżejjed għaxar jew għoxrin sena ilu mhux bilfors tibqa’ biżżejjed fil-futur. It-teknoloġija, l-awtomazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali qed jittrasformaw il-mod kif naħdmu. F’dan il-kuntest, l-importanza tal-edukazzjoni qed tikber aktar milli tonqos. Mhux biss edukazzjoni fil-bidu tal-ħajja, iżda wkoll tagħlim kontinwu matul il-karriera kollha.
Pajjiż li jrid jibqa’ kompetittiv ma jistax jistrieħ biss fuq tkabbir ekonomiku bbażat fuq aktar ħaddiema. Irid jibni ekonomija bbażata fuq aktar produttivita’, aktar innovazzjoni u aktar ħiliet. Dan huwa punt li ħafna esperti ilhom jisħqu fuqu. U proprju hawnhekk jidħol il-valur ta’ statistika bħal din.
Meta aktar żgħażagħ jibqgħu jistudjaw, inkunu qed noħolqu l-pedamenti għal ekonomija aktar b’saħħitha fil-futur. Inkunu qed ninvestu fil-kapital uman tal-pajjiż.
Madankollu, l-isfida li jmiss hija li niżguraw li l-edukazzjoni li qed jingħataw l-istudenti tkun relevanti għall-ħtiġijiet tal-futur. Mhuwiex biżżejjed li nżommu lill-istudenti fis-sistema edukattiva. Irridu niżguraw li jkunu qed jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jirnexxu fid-dinja tax-xogħol u fil-ħajja.
Dan ifisser aktar enfasi fuq il-ħsieb kritiku, il-ħiliet diġitali, il-kreattivita’, il-komunikazzjoni u l-kapaċita’ li wieħed jadatta għal bidliet kontinwi. Fl-istess ħin, irridu nibqgħu naħdmu biex ħadd ma jibqa’ lura.
Anke jekk ir-rata ta’ tluq bikri mill-iskola naqset, kull student li jitlaq mis-sistema edukattiva mingħajr il-ħiliet meħtieġa jirrappreżenta telf għalih innifsu u għall-pajjiż. Għalhekk hemm bżonn li nibqgħu nidentifikaw kmieni lil dawk li jkunu qed juru sinjali ta’ diffikulta’ u noffrulhom l-appoġġ meħtieġ qabel ma jkun tard wisq.
Il-fatt li Malta issa tinsab taħt il-medja Ewropea huwa aħbar pożittiva. Huwa sinjal li meta jkun hemm viżjoni, investiment u impenn, il-progress huwa possibbli. Iżda għandu jkun ukoll mument ta’ riflessjoni. Mhux biex nifirħu biss b’dak li nkiseb, iżda biex nistaqsu x’għad hemm xi jsir.
L-edukazzjoni tibqa’ waħda mill-aktar għodod qawwija għall-mobilita’ soċjali, għall-prosperita’ ekonomika u għall-iżvilupp personali. Pajjiż li jżomm aktar żgħażagħ fl-edukazzjoni jkun qed jagħti lilhom opportunitajiet aħjar u fl-istess ħin ikun qed jibni futur aktar b’saħħtu għal kulħadd.
Għalhekk dawn iċ-ċifri għandhom ikunu sors ta’ sodisfazzjon, iżda wkoll ta’ motivazzjoni. Sodisfazzjon għax juru li sar progress. Motivazzjoni għax ifakkruna li l-investiment fl-edukazzjoni qatt ma huwa spiża, iżda dejjem investiment fil-futur ta’ Malta. U jekk irridu ekonomija aktar produttiva, soċjeta’ aktar ġusta u kwalita’ ta’ ħajja aħjar għaċ-ċittadini tagħna, ftit hemm oqsma li jistħoqqilhom aktar attenzjoni mill-edukazzjoni. Huwa hemmhekk li jinbena l-futur veru tal-pajjiż.
