Meta l-Ħolma ta’ Dar Issir Impossibbli

Minn Osservatur Politiku

Għal ġenerazzjonijiet sħaħ, li jkollok saqaf fuq rasek ma kienx meqjus bħala lussu. Kien parti mill-ħolma Maltija. Koppja żagħżugħa taħdem, tfaddal, tieħu self mill-bank u wara snin ta’ sagrifiċċji jkollha l-proprjeta’ tagħha. Dar li fiha trabbi l-familja, tibni l-futur u tħossok tassew f’darek. Illum dik il-ħolma għadha ħajja, iżda għal ħafna żgħażagħ qed issir dejjem aktar imbiegħda.
Il-mistoqsija għalhekk mhijiex biss kemm tiswa dar. Il-mistoqsija hija: għal min qed tinbena Malta? Għal min qed jiżdied il-valur tal-proprjeta’? U uliedna, li jaħdmu, iħallsu t-taxxi u jippruvaw jibnu ħajja f’pajjiżhom, għad għandhom post fis-suq tal-proprjeta’?
Il-fatti jitkellmu waħedhom. Fl-ewwel kwart tal-2026, il-prezzijiet tal-proprjeta’ residenzjali żdiedu b’6.7 fil-mija fuq sena. L-appartamenti żdiedu b’6.9 fil-mija, filwaqt li l-maisonettes żdiedu b’5.3 fil-mija.
Għal min diġa’ għandu proprjeta’, żieda bħal din tista’ tidher bħala aħbar tajba. Għall-ewwel darba xerrej, hija realta’ differenti. Kull żieda fil-prezz tfisser aktar kapital li jrid jinġabar, self akbar u snin oħra ta’ ħlasijiet.
U hawn qiegħda l-kontradizzjoni kbira tal-Malta moderna. Aħna kburin li l-ekonomija tikber, li l-pagi jiżdiedu u li jinħolqu l-impjiegi. Iżda jekk il-prezz ta’ dar jikber aktar malajr mill-kapaċita’ ta’ familja żagħżugħa li tixtriha, allura parti mill-progress ekonomiku tagħna qed jinqabad fil-proprjeta’ u mhux jasal għand dawk li qed jippruvaw jibnu ħajjithom.
Il-proprjeta’ saret ukoll wieħed mill-akbar mezzi ta’ akkumulazzjoni tal-ġid. Min diġa’ għandu dar għandu assi li jista’ jżid fil-valur. Min m’għandux, irid jibda l-vjaġġ tiegħu minn punt ħafna aktar diffiċli.
Dan joħloq problema li tmur lil hinn mill-prezz ta’ appartament. Qed tinħoloq differenza dejjem akbar bejn dawk li għandhom proprjeta’ u dawk li m’għandhomx. U din id-differenza tista’ ssir waħda bejn ġenerazzjoni u oħra.
Ma nistgħux ngħidu li kull żagħżugħ għandu sempliċement jaħdem aktar u jiffranka aktar. Żagħżugħ jista’ jkollu xogħol tajjeb, ikun responsabbli, ma jkollux djun bla bżonn u xorta jsib ruħu quddiem barriera li ma jistax jaqbeż waħdu.
Il-bank jista’ jsellef, il-Gvern jista’ joffri skemi u l-familja tista’ tgħin. Iżda x’jiġri minn dawk li m’għandhomx ġenituri li jistgħu jagħtuhom depożitu ta’ eluf ta’ ewro? X’jiġri mill-koppja li trid tibda ħajja tagħha mingħajr wirt jew għajnuna familjari? U x’jiġri minn dawk li d-dħul tagħhom huwa biżżejjed biex jgħixu iżda mhux biżżejjed biex jidħlu fis-suq tal-proprjeta’?
Din mhijiex problema ta’ għażla personali. Hija problema ta’ sistema.
Il-Gvern jista’ jgħid, ġustament, li hemm skemi li jgħinu lill-first-time buyers. Fil-fatt, hemm għajnuniet bħall-First-Time Buyer Scheme tal-Housing Authority, li jipprovdi għotja ta’ €10,000 imqassma fuq għaxar snin. Hemm ukoll inċentivi fiskali u skemi oħra li għandhom l-għan li jagħmlu l-ewwel xiri aktar aċċessibbli.
Iżda rridu nkunu onesti: għajnuna lill-ewwel xerrej ma tistax tkun sostitut għal politika li tindirizza l-kawża tal-problema. Jekk il-prezzijiet ikomplu jogħlew, ma nistgħux sempliċement inżidu l-għajnuna u mbagħad nistennew li kollox jirranġa ruħu. Għax hemm ir-riskju li parti mill-għajnuna tispiċċa tiġi assorbita mill-prezzijiet ogħla.
Il-politika tad-djar għandha għalhekk tmur lil hinn mill-mistoqsija ta’ kemm appartamenti qed jinbnew. Malta ilha tibni ħafna. Il-mistoqsija vera hija x’tip ta’ djar qed jinbnew, fejn qed jinbnew u għal min qed jinbnew.
Għandna bżonn aktar akkomodazzjoni li tkun verament aċċessibbli għall-familji. Għandna bżonn aktar kiri fit-tul li jkun stabbli. Għandna bżonn riġenerazzjoni urbana li ma tkeċċix lir-residenti oriġinali mill-komunitajiet tagħhom. U għandna bżonn politika li ma tħallix kull biċċa art titqies primarjament bħala opportunita’ għall-ispekulazzjoni.
Għax dar mhijiex biss prodott. Dar hija l-post fejn trabbi t-tfal. Hija l-indirizz li fih jibdew ħajja ġdida żewġ żgħażagħ. Hija s-sigurta’ tal-familja. Hija parti mill-komunita’. U meta persuna ma tistax taffordja li tgħix fil-komunita’ li trabbiet fiha, ma tkunx qed titlef biss proprjeta’. Tkun qed titlef parti mill-għeruq tagħha.
Dan jgħodd partikolarment għall-irħula u l-ibliet tagħna. Jekk il-prezzijiet jogħlew tant li ż-żgħażagħ ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu fiż-żoni tagħhom, nistgħu nispiċċaw b’komunitajiet li jinbidlu kompletament. Postijiet li darba kienu djar tal-familji jsiru investimenti, appartamenti għall-kiri għal żmien qasir jew proprjetajiet li jinżammu bħala assi. Dan mhux żvilupp soċjali. Dan huwa tibdil fil-karattru tal-pajjiż.
U rridu nħarsu wkoll lejn il-konsegwenzi ekonomiċi. Jekk żagħżugħ irid jiddedika parti kbira mid-dħul tiegħu għall-ipoteka jew għall-kera, ikollu inqas kapaċita’ biex jikkonsma, jinvesti, jiffranka u jibni familja. Il-problema tad-djar għalhekk taffettwa wkoll il-produttivita’, il-konsum, il-fertilita’ u l-kwalita’ tal-ħajja.
Il-Bank Ċentrali stess jenfasizza li l-affordabbilta’ għall-first-time buyers għandha żewġ dimensjonijiet: il-kapaċita’ li wieħed jissellef biżżejjed biex jixtri u l-kapaċita’ li jħallas il-pagamenti tal-ipoteka.
Għalhekk ma nistgħux nikkuntentaw ruħna ngħidu li s-suq qed jaħdem għax għad hemm tranżazzjonijiet. Fl-2025, ġew irreġistrati 13,352 att finali ta’ bejgħ ta’ proprjeta’ residenzjali, żieda ta’ 6 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel, filwaqt li l-valur tat-tranżazzjonijiet żdied b’13.1 fil-mija għal kważi €4 biljun.
Is-suq jista’ jkun attiv ħafna u xorta jkun qed jeskludi parti mis-soċjeta’. Dan huwa l-punt li rridu nifhmu. Is-suċċess tal-politika tad-djar ma għandux jitkejjel biss bin-numru ta’ proprjetajiet mibjugħa jew bil-valur tagħhom. Għandu jitkejjel ukoll minn kemm żgħażagħ jistgħu jixtru jew jikru dar b’mod li ma jġibhomx f’piż finanzjarju insostenibbli.
Malta għandha bżonn mudell li jqiegħed lill-familja fiċ-ċentru, mhux il-proprjeta’ bħala investiment waħdu. Irridu nistaqsu jekk il-politika ekonomika tagħna hijiex qed toħloq ġid li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra, jew jekk hux qed toħloq sitwazzjoni fejn dawk li twieldu qabel jibqgħu jżidu l-assi tagħhom filwaqt li dawk li twieldu wara jkollhom iħallsu aktar u aktar biex jidħlu fl-istess suq.
Ma jistax ikun li l-wirt li nħallu lil uliedna jkun ekonomija li tipproduċi ħafna, iżda pajjiż li fih ma jistgħux jaffordjaw dar.
Il-ħolma Maltija ma għandhiex tkun li wliedna jkunu jistgħu jaħdmu f’Malta iżda jkollhom jixtru dar f’pajjiż ieħor. Għandna bżonn ekonomija li tagħti opportunitajiet, iżda wkoll soċjeta’ li tagħti għeruq. Għandna bżonn żvilupp, iżda żvilupp li ma jħallix lill-ġenerazzjoni li jmiss barra mill-bieb.
Il-mistoqsija għalhekk mhijiex biss: “Kemm tiswa l-proprjetà?” Il-mistoqsija li għandna nagħmlu hija ħafna aktar importanti: “Għal min qed nibnu Malta?” Jekk it-tweġiba mhijiex uliedna wkoll, allura rridu nirranġaw id-direzzjoni qabel ma jkun tard wisq.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading