Iż-Żjara tal-President fil-Ħabs Ilbieraħ: Aktar Diżappunti Għall-Uffiċjali Korrettivi Għaliex l-Ilħna Tagħhom mhux mismugħa

Fost l-uffiċjali korrettivi fil-ħabs qed ikompli jikber is-sens qawwi ta’ diżappunt u frustrazzjoni, hekk kif ħafna minnhom iħossu li l-vuċi tagħhom qed tibqa’ ma tinstemax mill-amministrazzjoni preżenti tal-faċilità. Dan is-sentiment reġa’ ħareġ fid-deher ilbieraħ wara ż-żjara li għamlet ilbieraħ il-President tar-Repubblika. Skont diversi uffiċjali dehret aktar iffukata fuq il-priġunieri milli fuq il-gwardjani li kuljum iġorru r-responsabbiltà tad-dixxiplina u s-sigurtà fil-ħabs.
Din is-sitwazzjoni qed tqajjem kuntrast qawwi ma’ dak li kien iseħħ fil-passat taħt it-tmexxija tal-Kurunell Dalli. F’dak iż-żmien, kif dokumentat ukoll fuq il-paġna uffiċjali tal-ħabs fuq Facebook, il-President tar-Repubblika, meta kien iżur il-ħabs, kien jiltaqa’ mal-uffiċjali, jisma’ l-esperjenzi tagħhom u jitkellem magħhom fit-tul dwar ix-xogħol u l-isfidi li jiffaċċjaw. Kienu mumenti fejn l-uffiċjali setgħu jispjegaw ir-realtà tal-ħidma tagħhom u jħossuhom parti mill-istruttura u mid-deċiżjonijiet li jaffettwawhom. Illum l-anqas sempliċi ritratt tal-okkażżjoni ma’ hemm!
Saħansitra kien hemm okkażjonijiet fejn l-uffiċjali kellhom l-opportunità jitkellmu direttament mal-President ġol-mess u postijiet oħra u jesprimu l-ħsibijiet tagħhom.
Illum, iżda, ħafna minnhom iħossu li l-pożizzjoni tagħhom ġiet imnaqqsa u li qed jitqiesu biss bħala figurini u tajbin biss biex isolvul l-inkwiet meta jinqala’, aktar milli bħala pilastru sod fi ħdan korp dixxiplinat li jistħoqqilhom rispett u konsultazzjoni.
Ta’ min ifakkar li taħt it-tmexxija tal-Kurunell Dalli kienet teżisti wkoll kultura ta’ laqgħat regolari, kull nhar ta-Tnejn mal-fizzjali u oħrajn biex jiddiskutu x-xogħol, jippjanaw il-ġimgħa li ġejja u jaħdmu bħala tim wieħed. Din l-istruttura kienet tgħin biex jinbena sens ta’ fiduċja u kollaborazzjoni bejn il-livelli differenti tal-korp, anke ma’ nies oħra li kienu jinġabu biex jgħinu f’din il-ħidma.
Illum is-sitwazzjoni nbidlet, fejn l-fizzjal u l-maġġur spuċċaw bla saħħa ta’’ xejn. L-amministrazzjoni attwali qed tidher aktar frammentata, b’żewġ gruppi distinti ta’ influwenza li qed joperaw fi ħdan din l-istruttura. Min-naħa hemm il-grupp qrib il-CEO. Min-naħa l-oħra hemm alleanza oħra mal-kap tal-operat, li għandu madwaru wkoll uffiċjali ta’ livell għoli bin-nies tagħhom.
Din il-qasma interna qed tkompli żżid mal-perċezzjoni li l-istruttura tal-ħabs illum hija aktar ibbażata fuq alleanzi interni bil-priġunieri li jiġu dejjem ewwel milli fuq koordinazzjoni professjonali u dixxiplina istituzzjonali.
Mhux tali hekk, talli fizzjal għoli li qabel kien imexxi l-parati tneħħa milli ikompli imexxi, meta suppost il-parade commander għandu jkun fizzjal.
F’dan il-kuntest, ħafna uffiċjali qed jesprimu tħassib serju dwar il-futur tal-korp u l-mod kif qed tiġi mmexxija din l-istituzzjoni. Għalihom, il-problema mhijiex biss ta’ organizzazzjoni, iżda ta’ prinċipju: il-bżonn li l-ilħna tagħhom jinstemgħu u li l-esperjenza tagħhom tiġi rikonoxxuta. Din l-ammistrazzjoni sabet bażi b’saħħita li kien ħalla il-Kurunell Dalli. Illum, din il-bażi qed titmermer bil-mod.
Id-diżappunt, skont diversi uffiċjali, huwa reali u qed jikber. U filwaqt li huma jibqgħu jwettqu dmirhom b’dedikazzjoni, hemm sentiment ċar li l-amministrazzjoni għandha bżonn terġa’ tiftaħ il-bibien għad-djalogu u r-rispett lejn dawk li jinsabu fuq quddiem nett tal-operat tal-ħabs. Hemm bżonn jiġi korp dixxplinat u l-Minsteru jqum fuq tiegħu f’dawn realatijiet. Fejn anke biex tingħata l midalja tas-servizz twil ġejjin fit-tul. Kif qalu uffiċjali u gwardjani lil dan is-sit. Illum l-anqas qalziet ma jridu jagħtuna qed nispiċċaw noħorġu l-flus minn buttna għalih!
