Il-Living Will

Minn Korrispondent Politiku

Id-deċiżjoni li jiġi introdott qafas legali ċar dwar il-‘living will’, jew kif spiss jissejjaħ ukoll id-direttiva medika minn qabel, qed tiġi milqugħa minn ħafna professjonisti tas-saħħa bħala pass sinifikanti ’l quddiem għas-sistema tas-saħħa f’pajjiżna. Għal snin twal din kienet kwistjoni li kienet tiġi diskussa fil-livell mediku, etiku u legali, iżda li baqgħet mingħajr struttura ċara fil-liġi.

Issa li qed jittieħdu passi konkreti biex il-kunċett tal-‘living will’ jiġi rikonoxxut formalment, qed jinfetaħ kapitlu ġdid fid-dritt tal-pazjent, fil-mod kif jittieħdu deċiżjonijiet mediċi u fil-mod kif nifhmu d-dinjita’ tal-bniedem fil-mumenti l-aktar delikati tal-ħajja.

Il-‘living will’ hija dokument li fih persuna tesprimi minn qabel ix-xewqat tagħha dwar it-trattament mediku li tkun trid jew ma tkunx trid tirċievi jekk xi darba tasal f’sitwazzjoni fejn ma tkunx tista’ tieħu deċiżjonijiet jew tesprimi ruħha. Dan jista’ jinkludi sitwazzjonijiet ta’ mard serju, koma jew kundizzjonijiet mediċi fejn il-pazjent ma jkunx f’pożizzjoni li jikkomunika.

F’dawn iċ-ċirkostanzi, id-dokument jservi bħala gwida ċara għall-professjonisti mediċi u għall-familja tal-pazjent dwar x’kienu x-xewqat tiegħu jew tagħha.

Għal ħafna tobba u infermiera, dan huwa pass importanti ħafna għax jgħin biex jiġu evitati sitwazzjonijiet diffiċli fejn deċiżjonijiet sensittivi jridu jittieħdu mingħajr ma jkun hemm ċertezza dwar x’kienet tkun ir-rieda tal-pazjent.
Il-prinċipju ċentrali tal-‘living will’ huwa r-rispett lejn l-awtonomija tal-individwu. Fis-sistema medika moderna, dejjem qed tingħata aktar importanza lid-dritt tal-pazjent li jieħu deċiżjonijiet dwar ġismu u dwar il-kura li jirċievi.
Dan ifisser li l-pazjent mhuwiex biss suġġett ta’ trattament mediku, iżda parteċipant attiv fid-deċiżjonijiet li jaffettwaw saħħtu u ħajtu.

Il-‘living will’ tkompli ssaħħaħ dan il-prinċipju billi tippermetti lill-individwi jesprimu l-għażliet tagħhom anke għal sitwazzjonijiet li jistgħu jseħħu fil-futur.
Naturalment, dan huwa suġġett sensittiv ħafna. Il-mumenti meta jiġu diskussi dawn il-kwistjonijiet spiss huma marbuta ma’ mard serju jew ma’ tħassib dwar it-tmiem tal-ħajja. Għal ħafna familji dawn huma diskussjonijiet diffiċli, u xi kultant anke emozzjonalment tqal.

Madankollu, ħafna esperti mediċi jsostnu li proprju għalhekk huwa importanti li dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu minn qabel u b’moħħ ċar. Meta l-pazjent ikun f’saħħtu jew fi stat mentali stabbli, jista’ jaħseb b’serenita’ dwar x’jixtieq u x’ma jixtieqx.

Meta dawn ix-xewqat jiġu dokumentati b’mod ċar, il-familja u t-tobba jkollhom gwida konkreta f’mumenti fejn inkella jkun hemm inċertezza jew tensjoni.

Wieħed mill-aspetti li qed jagħmlu lil din ir-riforma partikolarment importanti huwa li qed tipprovdi wkoll protezzjoni akbar għall-professjonisti mediċi. F’ċerti sitwazzjonijiet, tobba u infermiera jkollhom jieħdu deċiżjonijiet diffiċli dwar trattamenti intensivi jew interventi mediċi li jistgħu jestendu l-ħajja iżda mhux neċessarjament itejbu l-kwalita’ tagħha.

Meta jkun hemm direzzjoni ċara mill-pazjent innifsu, il-professjonisti jkunu jistgħu jaġixxu b’aktar ċertezza u fiduċja li qed jirrispettaw ir-rieda tal-persuna li qed jieħdu ħsieb.

Dan jgħin ukoll biex jitnaqqsu kunflitti possibbli bejn il-familja u t-tim mediku, sitwazzjonijiet li kultant jistgħu jkunu diffiċli ħafna għal kulħadd.

Il-fatt li ħafna tobba laqgħu din id-direttiva bħala pass sinifikanti juri li s-settur mediku ilu jħoss il-ħtieġa għal qafas aktar ċar f’dan il-qasam. Għalkemm il-prinċipju tar-rispett lejn il-pazjent kien diġa’ parti mill-etika medika, il-liġi issa qed tipprovdi struttura aktar definita dwar kif dawn id-deċiżjonijiet għandhom jiġu rreġistrati u rispettati.
Naturalment, l-introduzzjoni tal-‘living will’ tqajjem ukoll mistoqsijiet importanti dwar kif se tiġi implimentata fil-prattika. Wieħed mill-punti kruċjali huwa li jkun hemm informazzjoni ċara u edukazzjoni pubblika dwar x’inhi eżattament din id-direttiva u kif tista’ tintuża.
Ħafna nies jistgħu jkunu semgħu bit-terminu, iżda mhux kulħadd jifhem eżatt x’jinvolvi jew kif jista’ jagħmel dokument bħal dan.

Għalhekk huwa essenzjali li l-awtoritajiet tas-saħħa jipprovdu gwida ċara u aċċessibbli biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

Aspett ieħor importanti huwa li jkun hemm proċeduri sempliċi iżda sikuri biex dawn id-dokumenti jiġu rreġistrati u aċċessati meta jkun hemm bżonn. F’sitwazzjonijiet mediċi ta’ emerġenza jew kura intensiva, il-ħin spiss ikun fattur kruċjali. Għalhekk is-sistema trid tiżgura li d-direttivi tal-pazjent ikunu jistgħu jinstabu u jiġu verifikati malajr.

Barra minn hekk, huwa importanti li jkun hemm sensittivita’ kulturali u etika fil-mod kif dan is-suġġett jiġi diskuss. Is-soċjeta’ Maltija għandha tradizzjonijiet u valuri li ħafna drabi jħarsu lejn il-ħajja u l-kura tal-morda b’perspettiva profonda ta’ solidarjeta’ familjari u spiritwali.
Il-qafas legali għandu għalhekk jirrispetta dawn il-valuri filwaqt li jżomm bħala prijorita’ d-dritt tal-individwu li jagħżel.

Fl-aħħar mill-aħħar, id-direttiva tal-‘living will’ mhijiex biss kwistjoni legali jew medika. Hija wkoll riflessjoni dwar kif soċjeta’ tifhem id-dinjita’ tal-bniedem.

Il-fatt li persuna tista’ tesprimi x-xewqat tagħha dwar kura medika f’sitwazzjonijiet diffiċli juri rispett lejn il-liberta’ u l-awtonomija tagħha. Fl-istess ħin, jagħti serħan il-moħħ lill-familja u lill-professjonisti li jkunu qed jieħdu deċiżjonijiet f’ċirkostanzi sensittivi.

Għalhekk mhuwiex sorprendenti li ħafna fil-komunita’ medika qed iqisu dan bħala pass importanti ’l quddiem.
Is-sistema tas-saħħa f’Malta ilha tikseb reputazzjoni tajba f’ħafna oqsma, kemm għall-kwalita’ tal-professjonisti tagħha kif ukoll għall-kura li tingħata lill-pazjenti. Miżuri bħal dawn jgħinu biex din is-sistema tkompli tiżviluppa b’mod li jpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet.

Il-‘living will’ tfakkarna li l-mediċina moderna mhijiex biss dwar teknoloġija u trattamenti avvanzati. Hija wkoll dwar rispett, empatija u għarfien li kull persuna għandha d-dritt li l-vuċi tagħha tinstema’ – anke meta ma tkunx tista’ titkellem.

Jekk tiġi implimentata b’serjeta’, b’għarfien pubbliku u b’strutturi effettivi, id-direttiva tal-‘living will’ tista’ tikkontribwixxi biex is-sistema tas-saħħa tagħna ssir aktar umana, aktar trasparenti u aktar rispettata minn kulħadd.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading