Il-futur ekonomiku ta’ Malta jibda fil-klassi

Minn Osservatur Politiku
Jekk irridu nibnu ekonomija ta’ valur miżjud għoli, irridu nibdew mill-edukazzjoni. Ma nistgħux nitkellmu dwar produttivita’, innovazzjoni, teknoloġija u kompetittivita’ jekk ma nkunux qed niżguraw li t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna qed jiksbu l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa biex ikunu jistgħu jieħdu sehem f’din l-ekonomija. Ekonomija moderna ma tistax tistrieħ fuq pedamenti edukattivi dgħajfa. U pajjiż li jrid iħares lejn il-futur ma jistax jittratta l-edukazzjoni bħala sempliċi servizz pubbliku ieħor. Għandu jqisha bħala l-akbar investiment strateġiku tiegħu.
Għalhekk, wasal iż-żmien li nerġgħu nagħtu l-ambizzjoni lill-edukazzjoni. Ambizzjoni mhux fis-sens li npoġġu aktar pressjoni fuq it-tfal jew li nkejlu s-suċċess tagħhom biss mill-marki tal-eżamijiet. Ambizzjoni li tfisser li kull student ikollu l-opportunita’ li jilħaq il-potenzjal tiegħu, li l-ebda tifel ma jitħalla lura u li kull żagħżugħ joħroġ mill-iskola mgħammar bl-għarfien u l-kunfidenza biex ikompli jistudja, jaħdem u jagħti kontribut lis-soċjeta’.
Il-pedament ta’ kull edukazzjoni tajba jibqa’ l-qari, il-kitba u l-matematika. Il-litteriżmu u n-numeriżmu mhumiex sempliċement suġġetti li wieħed jgħaddi minnhom fl-iskola. Huma ħiliet essenzjali għall-ħajja. Persuna li ma tkunx kapaċi taqra u tifhem sew, tesprimi ruħha b’mod ċar jew tagħmel kalkoli bażiċi, se ssibha aktar diffiċli biex tkompli titgħallem, tikseb impjieg tajjeb u tieħu deċiżjonijiet informati fil-ħajja ta’ kuljum.
F’dinja fejn l-informazzjoni hija disponibbli kullimkien, il-ħila li wieħed jifhem, janalizza u jiddistingwi bejn informazzjoni affidabbli u dik qarrieqa saret aktar importanti minn qatt qabel. Bl-istess mod, in-numeriżmu huwa meħtieġ mhux biss għal min jagħżel karriera fix-xjenza jew fil-finanzi, iżda għal kull min irid jifhem l-ispejjeż, jagħmel baġit u jieħu deċiżjonijiet finanzjarji responsabbli. Għalhekk, dawn il-ħiliet għandhom ikunu prijorita’ mill-ewwel snin tal-edukazzjoni.
Jekk student ikollu diffikultajiet fil-qari jew fil-matematika, dawn ma għandhomx jitħallew jinġemgħu sakemm isiru ostaklu akbar. Jeħtieġ li l-problemi jiġu identifikati kmieni u li tingħata għajnuna individwali skont il-ħtiġijiet ta’ kull tifel u tifla. Dan jirrikjedi investiment f’għalliema, riżorsi, appoġġ speċjalizzat u ambjent skolastiku li jagħti lil kull student iċ-ċans li jirnexxi.
Iżda l-edukazzjoni ma tistax tieqaf mal-ħiliet akkademiċi. Irridu nagħtu importanza akbar lill-ħiliet prattiċi u vokazzjonali. Għal wisq żmien, kultant tajna l-impressjoni li hemm triq waħda ta’ suċċess: dik akkademika. Din hija viżjoni limitata. Is-soċjeta’ teħtieġ professjonisti, iżda teħtieġ ukoll tekniċi, elettriċisti, ħaddiema tas-sengħa, speċjalisti fit-teknoloġija u nies b’ħiliet prattiċi li huma essenzjali għall-ekonomija.
L-edukazzjoni vokazzjonali għandha tingħata l-istess rispett u dinjita’ bħall-edukazzjoni akkademika. Student li għandu talent għal xogħol tekniku jew prattiku m’għandux iħoss li qed jagħżel triq inferjuri. Għandu jingħata taħriġ ta’ kwalita’, kwalifiki rikonoxxuti u opportunitajiet reali biex javvanza fil-karriera tiegħu. Għandna nibnu sistema li tippermetti lill-istudenti jgħaqqdu l-għarfien teoretiku mal-esperjenza prattika, u li tagħtihom il-possibbilta’ li jibdlu t-triq tagħhom jekk maż-żmien jiskopru interessi jew talenti ġodda.
Hawnhekk hemm bżonn rabta aktar b’saħħitha bejn l-iskejjel, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-industrija. Min iħaddem għandu jkollu rwol aktar attiv fid-diskussjoni dwar il-ħiliet li l-ekonomija se teħtieġ fil-futur. Dan ma jfissirx li l-edukazzjoni għandha sservi biss il-ħtiġijiet immedjati tas-suq tax-xogħol. L-iskop tagħha huwa usa’: li tifforma persuni kapaċi jaħsbu b’mod kritiku, jitgħallmu kontinwament u jadattaw għal dinja li qed tinbidel. Iżda ma nistgħux ninjoraw ir-realta’ li ż-żgħażagħ iridu joħorġu mill-edukazzjoni b’ħiliet li jagħtuhom opportunitajiet konkreti.
Il-postijiet tax-xogħol jistgħu jkunu wkoll postijiet ta’ tagħlim. Permezz ta’ apprendistati, esperjenzi prattiċi u sħubijiet bejn l-industrija u l-istituzzjonijiet edukattivi, l-istudenti jistgħu jaraw kif l-għarfien jitħaddem fil-prattika. In-negozji, min-naħa tagħhom, jistgħu jgħinu biex it-taħriġ ikun marbut aktar mill-qrib mal-iżviluppi teknoloġiċi u mal-ħtiġijiet reali tas-setturi differenti.
Iżda rridu nagħrfu wkoll li l-edukazzjoni ma tintemmx mal-iskola jew mal-ewwel kwalifika. It-teknoloġija, l-intelliġenza artifiċjali u l-awtomazzjoni qed ibiddlu l-mod kif naħdmu. Xi impjiegi qed jinbidlu, oħrajn qed jisparixxu u qed jinħolqu opportunitajiet ġodda. F’dan l-ambjent, it-taħriġ mill-ġdid u t-tagħlim tul il-ħajja m’għandhomx ikunu privileġġ għal min għandu l-ħin u r-riżorsi. Għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd.
Ħaddiem li jrid jibdel is-settur tiegħu jew jitgħallem ħila ġdida għandu jsib korsijiet flessibbli, appoġġ finanzjarju u opportunitajiet li jistgħu jitħalltu mar-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-familja. Min tilef impjieg minħabba bidla teknoloġika m’għandux jitħalla waħdu. Għandu jingħata l-għodod biex jerġa’ jidħol fid-dinja tax-xogħol b’ħiliet ġodda u b’aktar fiduċja fil-kapaċitajiet tiegħu.
F’dan kollu, l-għalliema għandhom rwol ċentrali. Ma nistgħux nitolbu standards ogħla u riżultati aħjar mingħajr ma nagħtu lill-għalliema l-appoġġ, ir-rispett u r-riżorsi li jeħtieġu. Huma jinsabu fil-qalba tal-esperjenza edukattiva u jafu aħjar minn ħaddieħor il-ħtiġijiet tal-istudenti fil-klassi. Għandna ninvestu fl-iżvilupp professjonali tagħhom, nagħtuhom għodod moderni u nnaqqsu l-piżijiet amministrattivi li jistgħu jneħħulhom il-ħin mill-ħidma edukattiva.
Irridu wkoll nibnu kultura fejn l-għalliema jiġu mismugħa meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-edukazzjoni. Riforma ma tistax tkun sempliċement dokument imfassal minn fuq. Trid tinbena flimkien ma’ dawk li jridu jwettquha kuljum. U l-ġenituri għandhom ikunu msieħba f’dan il-proċess, għaliex is-suċċess edukattiv ma jiddependix mill-iskola biss, iżda wkoll mill-ambjent u l-appoġġ li t-tfal isibu fid-dar u fil-komunita’.
Nemmen li l-edukazzjoni għandha terġa’ ssir prijorita’ nazzjonali b’viżjoni ċara, miri li jistgħu jitkejlu u responsabbilta’ għall-progress li jsir. Irridu nkunu nafu jekk it-tfal humiex qed itejbu l-ħiliet bażiċi tagħhom, jekk l-istudenti humiex qed jingħataw opportunitajiet differenti u jekk it-taħriġ hux qed iwassal għal impjiegi aħjar. L-investiment fl-edukazzjoni għandu jitkejjel mhux biss mill-flus li jintefqu, iżda mir-riżultati li jinkisbu.
Malta ma tistax taspira għal ekonomija ta’ valur miżjud għoli jekk ma jkollhiex sistema edukattiva li tipprepara lin-nies tagħha għal dik l-ekonomija. Ma nistgħux nitkellmu dwar innovazzjoni jekk ma nsaħħux il-pedamenti tal-għarfien, jew dwar produttivita’ jekk ma ninvestux fil-ħiliet tal-ħaddiema.
L-ambizzjoni għall-futur ekonomiku ta’ Malta trid tibda fil-klassi. Għax l-aqwa investiment li jista’ jagħmel pajjiż mhuwiex biss f’bini, makkinarju jew teknoloġija, iżda fil-kapaċita’ tan-nies tiegħu. Edukazzjoni b’saħħitha tfisser aktar opportunitajiet, aktar indipendenza u aktar prosperita’. U fuq kollox, tfisser li kull ġenerazzjoni jkollha ċ-ċans tibni futur aħjar minn ta’ qabilha.
