Qabel Jitlob Aktar Flus, il-Gvern Għandu Jrażżan il-Ħela

Minn Osservatur Politiku
Qabel ma jitlob aktar flus mit-turisti, mill-ħaddiema u min-negozji, il-Gvern għandu l-ewwel jagħmel mistoqsija importanti lilu nnifsu: qed juża bl-aħjar mod il-flus li diġa’ jiġbor mingħand il-poplu? Qabel ma jintroduċi taxxi, tariffi jew kontribuzzjonijiet ġodda, ma għandux l-obbligu li jara fejn hemm il-ħela, l-ineffiċjenza u l-ispejjeż amministrattivi żejda fis-settur pubbliku?
Din mhijiex sempliċement kwistjoni ta’ kontabbilta’. Hija kwistjoni ta’ responsabbilta’ politika, ta’ rispett lejn it-taxpayer u ta’ governanza tajba. Għax kull ewro li jonfoq il-Gvern ma jiġix mix-xejn. Jiġi minn ħaddiem li jaħdem, minn negozju li jinvesti, minn turist li jagħżel lil Malta u minn familja li tħallas it-taxxi tagħha. Għalhekk, qabel ma nitolbu aktar minn dawn in-nies, irridu nkunu ċerti li dak li diġa’ qed jinġabar qed jintuża bl-akbar għaqal.
Għal snin twal, il-Gvern bena mudell fejn kull problema tidher li tista’ tissolva billi jinġabru aktar flus. Jekk hemm bżonn aktar dħul, tiżdied tariffa. Jekk hemm bżonn finanzjament għal inizjattiva ġdida, jinħolqu kontribuzzjonijiet. Jekk ikun hemm pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi, l-ewwel ħarsa spiss tkun lejn min jista’ jħallas aktar. Iżda r-rwol ta’ Gvern responsabbli mhuwiex biss li jiġbor id-dħul. Huwa wkoll li jiżgura li kull ewro jintefaq tajjeb.
Għalhekk hemm bżonn ta’ eżerċizzju serju u komprensiv biex jiġu identifikati l-ħela, l-ineffiċjenzi u l-ispejjeż amministrattivi żejda fl-awtoritajiet u l-aġenziji pubbliċi. Kemm għandna entitajiet li jwettqu funzjonijiet simili? Kemm hemm servizzi li jistgħu jingħaqdu jew jiġu organizzati aħjar? Kemm hemm proċeduri burokratiċi li jżidu l-ispejjeż mingħajr ma jtejbu s-servizz? U kemm qed nonfqu biex inżommu strutturi amministrattivi li l-effettivita’ tagħhom qatt ma ġiet evalwata b’mod indipendenti?
Dawn huma mistoqsijiet leġittimi li kull taxpayer għandu dritt jistaqsi. Ma jfissrux li kull impjegat pubbliku huwa spiża żejda jew li s-servizz pubbliku għandu jiddgħajjef. Għall-kuntrarju, l-għan għandu jkun li nsaħħu s-servizzi billi nagħmlu użu aħjar mir-riżorsi umani u finanzjarji li għandna. L-impjegati pubbliċi għandhom ikunu apprezzati għall-kontribut tagħhom, iżda l-istrutturi li jaħdmu fihom għandhom ikunu effiċjenti, moderni u responsabbli.
Hawnhekk tidħol ukoll il-kwistjoni taż-żieda fl-impjiegi u fis-salarji fl-awtoritajiet u l-aġenziji pubbliċi. Kemm żdiedu dawn l-impjiegi f’dawn l-aħħar snin? Kemm żdiedet in-nefqa fuq is-salarji? Kemm minn din iż-żieda marret biex jitjiebu s-servizzi li jirċievu ċ-ċittadini u n-negozji? U kemm minnha rriżultat f’aktar livelli ta’ amministrazzjoni, aktar uffiċċji u aktar proċeduri?
Iż-żieda fin-numru ta’ impjegati waħedha ma tfissirx li pajjiż għandu servizz pubbliku aħjar. Lanqas żieda fin-nefqa fuq is-salarji ma tiggarantixxi produttivita’ ogħla. Il-mistoqsija vera hija jekk iċ-ċittadin hux qed jirċievi servizz aktar malajr, jekk il-permessi u l-applikazzjonijiet humiex jiġu pproċessati b’inqas dewmien, jekk in-negozji humiex jiffaċċjaw inqas burokrazija u jekk l-awtoritajiet humiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’aktar effiċjenza.
Għandna bżonn ukoll kejl ċar tal-produttivita’ fis-settur pubbliku. Ma nistgħux nibqgħu niġġudikaw l-effettivita’ ta’ dipartiment jew aġenzija biss mill-baġit li għandha jew mill-għadd ta’ persuni impjegati fiha. Irridu nkejlu r-riżultati. Kemm-il każ jiġi konkluż? Kemm idum proċess amministrattiv? Kemm-il ilment jiġi solvut? Kemm jiswa kull servizz? U kif jinbidlu dawn ir-riżultati minn sena għal oħra?
It-teknoloġija għandha tagħti kontribut importanti f’dan il-proċess. Servizzi diġitali, sistemi li jaħdmu flimkien u tnaqqis fid-duplikazzjoni tad-dokumenti jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż u l-ħin, kemm għall-amministrazzjoni kif ukoll għall-pubbliku. Iżda d-diġitalizzazzjoni ma għandhiex tkun sempliċement il-mod kif nagħmlu l-istess proċeduri antiki fuq kompjuter. Għandha tintuża biex nirrevedu l-proċessi, inneħħu passi bla bżonn u nagħmlu s-servizzi aktar sempliċi u aċċessibbli.
Dan kollu huwa importanti wkoll għall-kompetittivita’ ekonomika ta’ Malta. Negozju ma jistax ikun produttiv jekk ikollu jaħli ħin u riżorsi biex ilaħħaq ma’ proċeduri kumplessi u dewmien amministrattiv. It-turisti għandhom jiksbu servizz ta’ kwalita’ u valur għal flushom. Il-ħaddiema għandhom ikollhom sistema ġusta u effiċjenti. U l-investituri għandhom isibu regoli ċari, stabbilta’ u amministrazzjoni li tagħtihom fiduċja.
Naturalment, kull eżerċizzju ta’ effiċjenza għandu jsir b’serjeta’ u b’rispett lejn il-ħaddiema. Mhux qed nipproponu qtugħ bl-addoċċ jew tnaqqis fis-servizzi essenzjali. Qed nitolbu li kull entita’ pubblika turi x’valur qed toħloq, x’riżultati qed tikseb u kif tista’ tagħmel aħjar. Jekk hemm bżonn aktar riżorsi f’qasam partikolari, dawn għandhom jingħataw. Iżda fejn hemm duplikazzjoni, ħela jew nefqa li ma twassalx għal riżultati, il-Gvern għandu jkollu l-kuraġġ jindirizzaha.
Għalhekk, qabel ma nitolbu aktar flus mit-turisti, mill-ħaddiema u min-negozji, jeħtieġ li l-Gvern jagħti rendikont ċar ta’ kif qed juża dawk li diġa’ jiġbor. Jeħtieġ li jippubblika analiżi tal-ispejjeż, tal-impjiegi, tas-salarji u tal-prestazzjoni tal-awtoritajiet u l-aġenziji pubbliċi, u jistabbilixxi miri konkreti biex titjieb l-effiċjenza.
Il-flus pubbliċi mhumiex flus tal-Gvern. Huma flus il-poplu, u l-Gvern huwa biss amministratur tagħhom. Il-prinċipju għandu jkun wieħed sempliċi: qabel ma titlob aktar, uri li qed tuża tajjeb dak li diġa’ għandek. Għax pajjiż ma jsirx aktar b’saħħtu billi kontinwament iżid il-piż fuq min jipproduċi u joħloq il-ġid, iżda billi jitgħallem jagħmel aktar u aħjar bir-riżorsi tiegħu.
