Il-Baġit 2027: Malta teħtieġ aktar produttività u viżjoni ekonomika fit-tul

Minn Osservatur Politiku
Il-Baġit għandu jkun aktar minn lista ta’ miżuri, benefiċċji u inċentivi. Għandu jkun dokument li juri f’liema direzzjoni jrid imexxi lill-pajjiż, x’tip ta’ ekonomija jrid jibni u kif se jiżgura li l-ġid li qed jinħoloq illum ikun jista’ jinżamm għada. Għalhekk, waħda mill-aktar mistoqsijiet importanti li tqajjem il-politika ekonomika tal-Gvern hija jekk għandniex viżjoni ċara dwar kif Malta se żżid il-produttivita’ u ssaħħaħ is-sostenibbilta’ ekonomika fit-tul.
Għal snin twal, il-mudell ekonomiku ta’ Malta kien jiddependi ħafna fuq iż-żieda fil-popolazzjoni u fin-numru ta’ ħaddiema. Aktar nies jaħdmu, aktar negozji joperaw, aktar servizzi jiġu offruti u l-attivita’ ekonomika tikber. Dan il-mudell wassal għal tkabbir ekonomiku u ħoloq opportunitajiet. Iżda rridu nkunu onesti dwar il-limiti tiegħu. Pajjiż ma jistax jibqa’ jiddependi b’mod indefinit fuq aktar ħaddiema biex ikompli jikber. F’pajjiż żgħir bħal Malta, din id-dipendenza ġġib magħha pressjoni dejjem akbar fuq l-akkomodazzjoni, it-toroq, l-enerġija, l-ilma, is-servizzi tas-saħħa u l-infrastruttura.
Il-mistoqsija mhijiex jekk għandniex bżonn ħaddiema barranin jew jekk għandniex inwaqqfu t-tkabbir. Il-mistoqsija hija kif nistgħu niksbu aktar valur mill-ħidma, mill-investiment u mill-ħiliet li diġa’ għandna. Irridu nimxu minn ekonomija li tikber prinċipalment billi żżid in-numru ta’ nies li jaħdmu għal ekonomija li tikber billi kull ħaddiem, kull negozju u kull investiment ikunu jistgħu jipproduċu aktar u aħjar.
Din hija d-differenza bejn tkabbir ekonomiku u progress ekonomiku. It-tkabbir jista’ jidher fiċ-ċifri tal-prodott gross domestiku, iżda l-progress għandu jinħass fil-ħajja tan-nies. Għandu jfisser pagi aħjar, impjiegi ta’ kwalita’ ogħla, negozji aktar kompetittivi, servizzi pubbliċi aktar effiċjenti u inqas pressjoni fuq ir-riżorsi tal-pajjiż. Jekk l-ekonomija tikber iżda l-familji jibqgħu jħossu li qed jitilfu l-ħin fit-traffiku, li s-servizzi pubbliċi jinsabu taħt pressjoni u li l-ispejjeż tal-ħajja qed jiżdiedu, irridu nistaqsu jekk it-tkabbir hux qed iwassal għall-benefiċċji li suppost iwiegħed.
Għalhekk, il-produttivita’ għandha tkun fiċ-ċentru tal-istrateġija ekonomika. U l-produttivita’ ma tiżdiedx b’sempliċi dikjarazzjonijiet. Teħtieġ investiment serju fil-ħiliet, fit-teknoloġija, fir-riċerka u fl-innovazzjoni. Teħtieġ negozji li jkollhom il-kapaċita’ li jimmodernizzaw il-proċessi tagħhom, jużaw aħjar ir-riżorsi u joħolqu prodotti u servizzi b’valur miżjud ogħla.
L-ewwel pilastru għandu jkun l-edukazzjoni u t-taħriġ. L-ekonomija ta’ għada se teħtieġ ħiliet differenti minn dawk li kienu biżżejjed fil-passat. It-teknoloġija diġitali, l-intelliġenza artifiċjali, l-awtomazzjoni u l-industriji ġodda qed ibiddlu n-natura tax-xogħol. Jekk irridu li l-ħaddiema Maltin jibqgħu kompetittivi, irridu nagħtuhom l-opportunita’ li jitgħallmu u jtejbu l-ħiliet tagħhom tul il-karriera kollha. Dan għandu jibda mill-iskejjel, ikompli fl-edukazzjoni vokazzjonali u terzjarja, u jibqa’ għaddej permezz ta’ taħriġ kontinwu fuq il-post tax-xogħol.
It-tieni pilastru huwa l-investiment fit-teknoloġija u fl-innovazzjoni. Negozju żgħir għandu jkun jista’ jinvesti f’makkinarju modern, sistemi diġitali u soluzzjonijiet li jnaqqsu l-ħela u jżidu l-effiċjenza. Kumpaniji li jiżviluppaw ideat ġodda għandhom isibu aċċess għal finanzjament u appoġġ biex jikbru. Ma nistgħux nistennew li l-ekonomija tinbidel jekk il-kapital jibqa’ jmur prinċipalment lejn l-istess attivitajiet tradizzjonali, filwaqt li negozji innovattivi jsibuha diffiċli biex jiffinanzjaw l-ideat tagħhom.
Hawnhekk il-Gvern għandu responsabbilta’ ċara. Għandu joħloq ambjent fejn l-investiment produttiv ikun aktar attraenti, b’inċentivi mfassla fuq riżultati, regoli stabbli u inqas burokrazija. Għandu jħeġġeġ ir-riċerka u l-iżvilupp, jgħin lill-kumpaniji Maltin jidħlu fi swieq internazzjonali u jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn in-negozji, l-universita’, l-MCAST, u l-istituzzjonijiet tar-riċerka. Mhux biżżejjed li nħabbru skemi. Irridu nkunu nafu kemm qed iwasslu għal investiment ġdid, kemm qed itejbu l-produttivita’ u kemm qed joħolqu impjiegi ta’ kwalita’.
It-tielet pilastru huwa l-infrastruttura. Produttivita’ ogħla ma tistax tinkiseb jekk il-ħaddiema u n-negozji jkollhom jaħlu sigħat fit-traffiku, jekk ikun hemm nuqqasijiet fil-kapaċita’ tal-enerġija jew jekk is-servizzi pubbliċi ma jkunux kapaċi jlaħħqu mal-ħtiġijiet tal-pajjiż. L-investiment infrastrutturali għandu jkun ibbażat fuq ippjanar fit-tul u fuq il-ħtiġijiet reali. L-għan ma għandux ikun kemm proġetti nistgħu nħabbru jew kemm flus nonfqu, iżda x’riżultati konkreti jkunu qed jinkisbu.
Fl-istess waqt, is-sostenibbilta’ ekonomika teħtieġ dixxiplina fil-finanzi pubbliċi. Gvern irid ikun kapaċi jwieġeb għal kriżijiet u jipproteġi lil min hu vulnerabbli, iżda jrid ukoll jiżgura li l-infiq pubbliku jkun effettiv u li d-dejn ma jsirx piż fuq il-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Il-flus pubbliċi għandhom imorru lejn investimenti li jsaħħu l-kapaċita’ produttiva tal-pajjiż, mhux sempliċement lejn miżuri li jagħtu riżultat immedjat mingħajr ma jindirizzaw il-problemi strutturali.
Il-Baġit 2027 kellu jkun opportunita’ biex il-Gvern juri kif se jagħmel din it-tranżizzjoni. Kellu jippreżenta miri ċari dwar il-produttivita’, l-investiment fir-riċerka, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetittivita’. Kellu jispjega kif Malta se tnaqqas id-dipendenza fuq mudell li jeħtieġ dejjem aktar ħaddiema u aktar riżorsi biex ikompli jikber. Mingħajr dawn l-elementi, nibqgħu b’miżuri li jistgħu jindirizzaw xi ħtiġijiet tal-lum, iżda ma jagħtux tweġiba biżżejjed għall-isfidi ta’ għada.
L-Oppożizzjoni għandha tippreżenta alternattiva mibnija fuq viżjoni ekonomika fit-tul. Viżjoni li tqiegħed lill-ħaddiem fiċ-ċentru, mhux bħala numru li jżid mal-ekonomija, iżda bħala persuna li permezz tal-għarfien u l-ħiliet tagħha tista’ toħloq aktar valur. Viżjoni li tagħti lin-negozji l-għodod biex jikbru, tinvesti fl-edukazzjoni u fl-infrastruttura u tiżgura li l-finanzi pubbliċi jibqgħu sostenibbli.
Malta għandha l-potenzjal li jkollha ekonomija aktar b’saħħitha u aktar moderna. Iżda dan ma jseħħx waħdu, u lanqas billi nibqgħu nagħmlu aktar minn dak li għamilna s’issa. Irridu nibdlu l-mod kif naħsbu dwar it-tkabbir u nkejlu s-suċċess mhux biss minn kemm qed nipproduċu, iżda minn kemm qed noħolqu valur u kemm qed intejbu l-ħajja tan-nies.
Il-futur ekonomiku ta’ Malta ma għandux jiddependi minn kemm jirnexxilna nżidu n-numru ta’ ħaddiema, iżda minn kemm jirnexxilna nagħmlu aħjar bil-ħiliet, bit-teknoloġija u bl-investiment li għandna. Din hija t-tranżizzjoni li pajjiżna għandu bżonn. U hija tranżizzjoni li teħtieġ viżjoni, pjan u rieda politika biex titwettaq.
