L-Unjoni Ewropea ta’ Kajjin u l-Istati Uniti ta’ Abel

Minn Edwin Vassallo

L-istorja ta’ Kajjin u Abel hija storja ta’ konfronti, u fil-politika, jekk tneħħi l-konfronti, ma jibqa’ xejn. Konfronti ta’ ideat, konfronti ta’ personalitajiet – u hekk, dak li kien sintonija fil-politika liberali bejn dik li kienet il-politika Ewropea u dik Amerikana issa nbidlet f’politika ta’ konfront.

Id-dehra ta’ Metsola bħala President tal-Parlament Ewropew waqt li kienet qed tagħti l-awguri tagħha lil President Trump kixfet il-verità dwar kemm il-kliem u s-sentiment ma kinux qegħdin jaqblu fl-istess persuna li hi Metsola.

F’dak is-sentiment kien hemm dikjarazzjoni ta’ konfront ta’ ideat. Issa l-politika tal-UE, dik liberali, hija f’konfront dirett mal-politika ta’ Trump, li hija aktar konservattiva.

Issa l-partiti liberali, bil-politika tagħhom ta’ ċensura, elitizmu, ideoloġija tal-ġeneru u Green Deal, ġew wiċċ imb’wiċċ ma’ politika li b’kuraġġ qed turi li hemm alternattiva.

Minn UE li saret tfisser ħakma fuq l-interessi veri tan-nies għal politika ta’ Trump li tfittex li tieħu deċiżjonijiet għall-ġid taż-żgħir, issa l-konfrontazzjoni fil-politika ser toħroġ aktar fid-dieher.

Issa, mid-diskors ta’ Von der Leyen f’Davos, bdiet toħroġ il-verità li l-UE qed tara l-falliment u l-iżolament tal-politika tagħha. Fil-fatt, issa l-UE ser tibda tħabbat il-bieb ta’ pajjiżi oħra li wisq probabbli huma wkoll membri fil-BRICS.

L-aktar sitwazzjoni diffiċli għall-UE u għal dawk kollha li jiltaqgħu f’Davos hija li l-politika tal-elitisti tista’ tispiċċa wkoll imwarrba min-nies, u n-nies iqumu jitolbu lura l-libertà mill-istess UE.

Libertà mill-ħakma tal-Green Deal, mill-ħakma tal-ideoloġija tal-ġeneru, mill-ħakma favur il-gwerra, mill-ħakma ta’ ċensura – u dawn il-ħakmiet kollha huma l-politika totalitarja tal-UE li fil-politika ta’ Trump qed tara sfida kbira.

Din hija l-konfrontazzjoni li ser inkunu parti minnha wkoll f’pajjiżna – il-konfrontazzjoni bejn Kajjin u Abel, bejn il-politika tax-xellug u tal-lemin, bejn il-politika tan-nies li jridu l-libertà u l-politika li trid taħkem lin-nies.

Jien jogħġobni nkun fiċ-ċentru, mhux biex la ninten u lanqas infuħ, iżda għax fit-tfittxija għall-verità hemm l-akbar sens ta’ responsabbiltà.

Fil-ġrajjiet tal-istorja, issa nsibu r-raġuni. Ħadd mhu perfett, iżda l-qerq wieħed ser ikun jista’ jarah u jxommuh mill-bogħod.

Roberta Metsola tindirizza l-meeting ta’ Davos

Leave a Reply