Minn idea għal suċċess: aċċeleratur nazzjonali għall-istart-ups Maltin

Minn Osservatur Politiku

L-ekonomija ta’ Malta ma tistax tibqa’ tistrieħ biss fuq aktar ħaddiema, aktar konsum u aktar espansjoni ta’ setturi li diġa’ laħqu l-limiti tagħhom. Jekk irridu nibnu ekonomija aktar b’saħħitha u kompetittiva, irridu nagħtu spazju akbar lill-ideat, lill-innovazzjoni u lill-intraprenditorija. Irridu noħolqu ambjent fejn persuna b’idea tajba ma ssibx biss kliem ta’ inkoraġġiment, iżda jkollha rotta konkreta biex tibdel dik l-idea f’negozju ta’ suċċess.
F’Malta għandna nies b’talent, żgħażagħ b’viżjoni, professjonisti b’esperjenza u intrapriżi żgħar li kapaċi jiżviluppaw prodotti u servizzi ta’ kwalita’. Madankollu, bejn idea u negozju li jirnexxi hemm ħafna ostakli. Mhux kulħadd għandu aċċess għall-finanzjament, għall-għarfien speċjalizzat, għall-kuntatti kummerċjali jew għas-swieq internazzjonali. Ħafna drabi, l-idea ma tkunx nieqsa mill-potenzjal; dak li jkun nieqes huwa l-appoġġ meħtieġ biex din tikber.
Għalhekk, nemmen li Malta għandha tistabbilixxi aċċeleratur nazzjonali għall-istart-ups. Din ma għandhiex tkun sempliċement skema oħra ta’ għajnuna jew uffiċċju li joffri pariri ġenerali. Għandha tkun pjattaforma serja li tgħaqqad lill-innovaturi ma’ finanzjament, ma’ esperti u ma’ swieq internazzjonali. L-għan għandu jkun li negozju ġdid ikun jista’ jgħaddi mill-istadju tal-idea għall-iżvilupp tal-prodott, mill-ewwel klijenti għat-tkabbir, u eventwalment għall-kompetizzjoni barra minn xtutna.
Aċċeleratur bħal dan għandu jaħdem b’mod prattiku. Intraprendituri magħżula skont il-potenzjal tal-proġett tagħhom jingħataw aċċess għal mentors b’esperjenza, konsulenza teknika u kummerċjali, għajnuna fit-tfassil tal-pjan tan-negozju u gwida dwar il-protezzjoni tal-proprjeta’ intellettwali. Għandhom ikunu jistgħu jiltaqgħu ma’ investituri, istituzzjonijiet finanzjarji u kumpaniji li jistgħu jgħinuhom jiżviluppaw il-prodotti tagħhom. Importanti wkoll li jingħataw opportunitajiet biex jippreżentaw l-ideat tagħhom lil klijenti u msieħba potenzjali f’pajjiżi oħra.
Il-finanzjament huwa wieħed mill-akbar sfidi għal min ikun qed jibda. Bank jista’ jkun lest jiffinanzja negozju li għandu assi u garanziji, iżda intraprenditur li jkun qed jiżviluppa teknoloġija ġdida jew servizz innovattiv mhux dejjem ikollu proprjeta’ jew kapital biex joffri bħala garanzija. Dan ma jfissirx li l-proġett tiegħu ma jiswiex. Ifisser li għandna bżonn strumenti finanzjarji li jifhmu aħjar ir-riskju u l-potenzjal tal-innovazzjoni.
Għalhekk, l-aċċeleratur għandu jkun marbut ma’ mekkaniżmi li jiffaċilitaw l-aċċess għal kapital inizjali, investiment privat u finanzjament għall-iżvilupp. Il-fondi pubbliċi għandhom jintużaw b’għaqal biex jattiraw u jimmultiplikaw l-investiment privat, mhux biex joħolqu dipendenza fuq sussidji. Kull proġett għandu jiġi evalwat fuq il-kwalita’ tal-idea, il-kapaċita’ tat-tim u l-potenzjal kummerċjali tiegħu, b’kriterji trasparenti u riżultati li jistgħu jitkejlu.
Iżda l-isfida ma tieqafx mal-bidu ta’ negozju. Ħafna intrapriżi żgħar jirnexxilhom jibdew, iżda jsibuha diffiċli biex jikbru. Jiltaqgħu ma’ spejjeż amministrattivi, nuqqas ta’ riżorsi umani speċjalizzati, diffikultajiet biex jiksbu finanzjament u ostakli biex jidħlu fi swieq barranin. F’ekonomija żgħira bħal tagħna, is-suq domestiku waħdu mhux dejjem ikun biżżejjed biex negozju jilħaq il-potenzjal tiegħu.
Għandna għalhekk ngħinu lill-intrapriżi ż-żgħar jegħlbu l-ostakli li jżommuhom milli jsiru kompetituri internazzjonali. Dan ifisser għajnuna biex jifhmu r-regoli u l-istandards ta’ swieq differenti, jiżviluppaw strateġiji ta’ esportazzjoni, isibu distributuri u msieħba kummerċjali u jipparteċipaw f’netwerks internazzjonali. Ifisser ukoll li jkollhom aċċess għal għarfien dwar il-marketing, il-kummerċ diġitali, il-loġistika u l-protezzjoni tal-prodotti u l-ideat tagħhom.
Il-Gvern għandu jifhem li intrapriża żgħira m’għandhiex titqies bħala negozju li għandu jibqa’ żgħir. Għandha tkun meqjusa bħala negozju li jista’ jikber, jimpjega aktar nies, jesporta u joħloq valur miżjud għall-ekonomija. Il-politika ekonomika għandha tgħin lil dawn in-negozji jagħmlu l-pass li jmiss, mhux iżżommhom biss fil-livell li jinsabu fih.
Dan jirrikjedi wkoll koordinazzjoni aħjar bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u s-settur privat. L-universita’ u l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna għandhom ikunu aktar marbuta mal-ħtiġijiet tal-industrija, filwaqt li l-kumpaniji għandhom ikunu mħeġġa jinvestu fir-riċerka u fl-iżvilupp. Ideat li jitwieldu f’laboratorju jew minn proġett ta’ riċerka għandhom jingħataw opportunita’ biex isiru prodotti u servizzi li jistgħu jinbiegħu u jikkompetu internazzjonalment.
Naturalment, mhux kull start-up se tirnexxi. L-intraprenditorija tinvolvi riskju, u l-falliment kultant ikun parti mill-proċess tat-tagħlim. Iżda pajjiż li jrid jinnova’ ma jistax joħloq kultura fejn kull tentattiv ġdid jiġi skoraġġut mill-burokrazija, mill-biża’ tar-riskju jew min-nuqqas ta’ appoġġ. Irridu nagħtu ċans lil min jipprova, filwaqt li niżguraw li l-għajnuna pubblika tingħata b’responsabbilta’ u b’kontroll.
Nemmen li għandna nħarsu lejn l-intraprenditorija bħala pilastru ewlieni tal-futur ekonomiku ta’ Malta. Aċċeleratur nazzjonali għall-istart-ups għandu jkollu għanijiet ċari: aktar negozji innovattivi, aktar aċċess għall-finanzjament, aktar esportazzjoni u aktar impjiegi ta’ kwalita’. Is-suċċess tiegħu ma għandux jitkejjel mill-għadd ta’ seminars jew skemi mnedija, iżda minn kemm negozji jkunu kibru u kemm irnexxielhom jidħlu fis-swieq internazzjonali.
Malta għandha l-potenzjal li tkun post fejn ideat tajbin isiru negozji ta’ suċċess. Iżda dan ma jseħħx waħdu. Jeħtieġ politika li tagħti lill-intraprendituri l-għodod, il-kapital, l-għarfien u l-aċċess li għandhom bżonn. L-ekonomija tagħna għandha bżonn aktar negozji li joħolqu valur, mhux sempliċement aktar negozji li jikkompetu fl-istess suq żgħir.
Jekk irridu ekonomija li tkun aktar produttiva, diversifikata u reżiljenti, irridu nagħtu lill-intraprenditorija rotta ġenwina lejn is-suċċess. Għax il-futur ekonomiku ta’ Malta ma għandux jiddependi biss minn kemm inkunu kapaċi nkabbru dak li diġa’ għandna, iżda wkoll minn kemm inkunu kapaċi noħolqu dak li għadna ma bnejniex.

Leave a Reply