ll-co-option li ma seħħitx ta’ Jean-Pierre Debono: Deborah Mifsud tirrakkonta kemm kien aħdar magħha Mark Anthony Sammut
Kitba ta’ Deborah Mifsud (eks-Kunsilliera Partit Nazzjonalista)
Adrian Delia mar business lunch ma’ Mark Anthony biex forsi juri li l-partit hu magħqud. Iżda biex Mark Anthony attenda din l-ikla, għamel dan biex jiggwadanja hu u forsi inessi l-ħsara li kien għamel u l-ħdura li xerred.
Mela ħa nirrakkonta storja li fiha ġejt attakkata jien minn dan Mark Anthony meta kien għadu President tal-Esekuttiv.
Kien għadu kif irreżenja mill-Parlament David Stellini biex jirritorna fil-job tiegħu mal-Partit Popolari Ewropew ġewwa Brussell. Peress li David Stellini kien tela’ fil-parlament permess ta’ elezzjoni każwali, il-Partit Nazzjonalista kellu jagħżel hu min jieħu s-siġġu tiegħu billi tintuża is-sistema tal-co-option.
Jean Pierre Debono kif xieraq, ħass li kellu jkun il-favurit li jieħu dan is-siġġu peress li hu kien ċeda is-siġġu tiegħu lil Adrian Delia meta dan tal-aħħar kien laħaq kap. Il-fazzjoni ta’ Mark Anthony Sammut u Chris Said, flimkien ma’ Simon Busuttil kienu ħassew li dan is-siġġu kellu jmur għand kandidat Għawdxi u bdew isabbtu saqajhom u jaqilgħu l-inkwiet bħas-soltu. Għalhekk ipproponew lil Kevin Cutajar li fl-elezzjoni tal-2019 ġab 900 vot.
Dak in-nhar, kien is-Sibt filgħodu li saret l-elezzjoni interna fl-esekuttiv bejn Jean Pierre Debono u Kevin Cutajar, kelli nieħu t-tifel għand it-tabib u peress li Simon Busuttil, Chris Said, Claudette Buttigieg u oħrajn mill-fazzjoni ta’ Mark Anthony Sammut riedu kollha jagħmlu eloġju lil Kevin Cutajar biex l-esekuttiv jagħżel lilu, l-elezzjoni bdiet tard ħafna.
Jien kont inkwetata għax l-appuntament mat-tabib kien ilu li sar xhur qabel. Ġeneralment elezzjoni bħal din kienet tieħu ftit minuti u mhux siegħat twal kif ġara f’din il-laqgħa. Il-laqgħa kienet bdiet fid-disgħa. Hekk kif beda joqrob l-għaxra, jien tlabt lil Mark Anthony biex iħallini nivvota kmieni ħalli inkun nista’ immur nieħu t-tifel għal dan l-appuntament. Din kienet elezzjoni fejn ivvutaw 82 persuna.
Peress li jien emmint li Jean Pierre Debono kien ħaqqu s-siġġu u kien jidher li l-vot kien ħa jkun qrib, ridt nivvota. Mark Anthony ma aċċettax u ħallewni hemm nistenna. Meta bdiet il-votazzjoni beda jsejjaħ lill-membri tal-esekuttiv wieħed, wieħed, skond il-kunjom bil-mod biex jien nitlef dan l-appuntament. U meta beda jagħmel dan beda iħares lejja qiesu qed jgħidli “oqgħod hemm stenna”.
Meta kien imiss lili ivvutajt tlaqt niġri biex immur għat-tifel. Minħabba din l-attitudni ta’ Mark Anthony wasalt tard u t-tabib kien laħaq telaq u kelli nagħmel appuntament għal tliet ġimgħat wara.
Għadni sal-lum nipprova nifhem għaliex għamel hekk fil-konfront tiegħi.
Dan hu l-veru Mark Anthony li min għalih, li għax ħa ritratt jiekol ma’ Adrian Delia, aħna ħa ninsew x‘kien jagħmel. Dan ir-raġel kien ixerred il-mibgħeda ta’ kuljum u kif jgħid il-Malti min jitwieled tond ma jmutx kwadru.
Din l-istorja tkompli b’kummiedja oħra li għamel Mark Anthony wara, li din l-elezzjoni kien rebaħha Jean Pierre Debono u b’hekk Jean Pierre Debono kellu jkun co-opted fil-Parlament. Imma għala din id-deċiżjoni tal-esekuttiv ma kienetx seħħet hija storja oħra li nirrakkontaha darba oħra, b’Mark Anthony jibqa’ l-fuss tagħha