Il-ħatriet tax-Shadow Cabinet Nazzjonalista: jirriflettu nuqqas ta’ assessjar politiku tajjeb minn Bernard Grech
Blog post minn Dr. Hermann Farrugia
Il-ħatriet ta’ dan ix-Shadow Cabinet minn Bernard Grech fih ħafna responsabilitajiet li huma “overlapped’, jiġifieri li hemm numru ta’ deputati li qed jidħlu fl-għalqa ta’ xulxin f’dak li qed jissorveljaw bla bżonn. B’hekk dan ix-shadow cabinet mhux ser ikun strateġikament effettiv.
L-istqarrija uffiċċjali tal-PN hija nieqsa milli tagħti lista tal-importanza ġerarkika tal-portafolli mingħajr ma tħares lejn l-uċuh tad-deputati maħtura nnifishom.
Il-kap reġa’ ma tax widen lill-proposta sejra tiegħi, tramite il-Forum Kandidati PN, fejn meta isir eżerċizzju ġdid ta’ ħatriet tal-portafolli, kull deputat maħtur għandu mill-bidu jkollu assoċjat miegħu wieħed jew żewġ kandidati mhux eletti li jkollhom sehem dirett fir-riċerkar u l-aġġornament tal-policies li ikun qed ifassal il-Partit Nazzjonalista.
B’hekk ikun hemm involviment kontinwu tal-kandidati interessati fir-risponsabbilitajiet li x-shadow minister ikollu taħtu. Idealment, dawn il-kandidati jkun assenjati ma’ shadow minister skont l-ispeċjalizzazzjoni tas-suġġett tagħhom u kif dan hu relatat mal-qasam li x-shadow minister ikunu qed jissorvelja.
B’dan il-mod, dawn il-kandidati jkunu qed iservu bħala think-tank mad-deputati eletti. Dawn jibqgħu magħhom matul il-leġiżlatura. Għandha tkun l-ħeġġa ta’ dawn il-kandidati li tixpruna ’l quddiem il-ħidma tad-deputati b’risq il-partit u n-Nazzjon.
Min-naħa tiegħu, il-partit għandu jassigura li dawn id-deputati ma jarawx lil dawn il-kandidati bħala theddida politika fuq livell distrettwali.
B’hekk din l-għażla ta’ kif tqassmu x-Shadow minister turi assessjar dgħajjef u nieqes mill-oġġettivita’ politika ta’ Bernard Grech, kif kont ġa ktibt f’Settembru li għadda.