Min hu bħal Eddie! Kuntrast fl-orjentament tal-karattru bejn Eddie Fenech Adami u Bernard Grech
Artiklu minn Hermann Farrugia
Wara li issa dalwaqt ser jiskadu l-ewwel 365 jum minn meta seħħet it-taqliba tal-kap tal-Partit Nazzjonalista, tajjeb li wieħed bil-paċenzja kollha jaqbad jifli l-gist tal-karattru ta’ Eddie Fenech Adami (E.F.A) kif joħroġ minn studju fin tar-rappurtaġġ tad-diskorsi politiċi tiegħu fil-gazzetti tal-Partit Nazzjonalista tul l-ewwel sena tiegħu bħala kap minn April ’77 sa’ Mejju ‘78 u dan ikollu jitqabbel mal-attitudini u personalita’ li diġa’ spikkat b’mod ċar f’Bernard Grech jew aħjar f’ ‘min iridha ta’ bħalu l-ġdid’ (M.I.B.G.) partikolarment fl-istil ta’ tmexxija ġdida tiegħu.
Għalkemm avukati u t-tnejn inżertaw kompetentissimi fil-liġi ċivili u anke dik tal-qasam tal-familja, E.F.A. fl-eta’ ta’ 44 mill-ewwel deher bniedem determinat iżda ta’ xejra kwieta pjuttost riżervat kważi introvertit, waqt li M.I.B.G. ta’ 49 sena malajr wera sinjali bħala persuna aktar estroverta, ta’ ċertu outlook b’grinta qawwija għal ħidma sfieqa.
Sfortunatament, dan li deher ta’ vantagg inizjali fil-personalita’ ta’ M.I.B.G. fuq dak tal-karattru ta’ E.F.A., s’issa matul l-ewwel sena kap ma jidhirx li ssarrfet f’aktar faċilità ta’ aććess kordjali, trasparenza u ‘camaraderie’ bejn il-kap sedenti u kemm id-deputati tal-grupp parlamentari tiegħu kif ukoll id-diriġenza statutorja. Dan anke jekk irid hawnhekk jingħad li din hija bil-bosta aktar vasta llum milli fl-1977/78 qabel ma bdiet isseħħ kronoloġija ta’ riformi amministrattivi estensivi li l-aħħar verżjoni elaborata tagħhom ta’ Ġunju 2020 mhux b’kumbinazzjoni dlonk kellu jirithom M.I.B.G. u bosta minnhom kemm, jekk seta’ xtaqhom jew li kieku kien għalih, kien ikun aktar kuntent mingħajrhom.
Hawnhekk ma jistax ma jiġix innotat kif E.F.A. mill-bidu kien għażel li l-istil ta’ tmexxija għall-partit (li minnufih riedu aktar ‘miftuħ u modern’) kien ser ġeneralment ikun parteċipattiv u kolleġġjali tipikament b’forma ta’ kwintumvirat b’serħan fuq l-impenn mastiċċ mill-mustaċċuni li kellu x-xorti tajba li jgawdi madwaru tul ħatra estensiva tat-tmexxija tiegħu. Essenzjalment l-għajnuna determinanti (u iva kultant f’xi okkażjonijiet rari xi ftit aktar pjuttost kajman anke inċert) tal-esponenti politiċi bħal Gwido / Ċensu / Ugo / Louis… saħansitra reġa’ estiż bl-input persważif ta’ kollaboraturi intimi bħal John / Noël / Michael dejjem fil-madwar.
Kuntrarjament għal dan kollu, M.I.B.G. jidher li ġia’ qiegħed jieħu falza stikka permezz tal-abitudini inerenti kważi fiżjonomija kostituzzjonali li litteralment jidher ċar li jbati minnha. Dik tat-tendenza għat-tmexxija egoċentrika kważi awtokratika estiża selettivament fuq il-push naturali li jħoss mill-membri tal-familja partikolarment lill-konjuġi tiegħu u l-għażiż ibnu stess li fażullament qiegħed kull ma jmur aktar iżeffinhom fin-nofs tad-diskorsi uffiċjali tiegħu, b’mod ta’ right/left and centre.
B’xorti ħażina wkoll, kull ma jmur qiegħda toħroġ din l-istess imbierka ‘personality trait’ infeliċi daqs kemm hi immatura f’bin M.I.B.G. stess. Dan ġia’ jidher li qiegħed konsistentement iqażżeż l-ilma li l-għażiż missieru jinħtieġlu jixrob minnu fl-akkwati tad-Dar Ċentrali. Sa’ jeżiġi mal-istess Impjegati/kollaboraturi/uffiċċjali tal-partit u saħansitra ma’ xi membri stabiliti tal-media house tiegħu li għandhom jissottomettu għal eżattament ‘kif jgħid jew kif jixtieq il-papa’’. Miskin ftit jirrealizza dan iż-żagħżugh li bħal ħaddiehor, illum hemm u għada jew pitgħada kapaċi ma jkunx il-każ!
E.F.A. tul il-fażijiet kollha tal-karriera illustri kien neċessarjament jistrieħ fuq l-appoġġ tal-wisq maħbuba martu iżda hi u t-tfal mank kienu jissemmgħu fl-ewwel diskorsi, kuntrarju għat-tendenza ta’ M.I.B.G. li kjarament b’għażla intenzjonata preċiża jissemmgħu regolarment kważi f’kull indirizz uffiċjali u b’mod konspikwu waqt li jkun qiegħed jannunzja l-kaskata ta’ proposti elettorali, inċidentalment kollha bla dehra ta’ kwantifikazzjoni tal-ispejjeż u kif ukoll tal-istudji preliminarji tal-effikaċja u sostenibilità tagħhom. Dan meta huwa fatt inkontestabbli li minn għexieren ta’ snin ‘l hawn l-avvanz tal-kredibilita’ popolari ta’ partit huwa ppermjat fuq it-trasparenza finanzjarja tal-proposti ta’ public policy imwiegħda f’kull progett elettorali ipprogrammat għal kull elezzjoni ġenerali.
Fl-aħħarnett fuq dan il-kummentarju ta’ kuntrast tal-karattru u tal-attitudini, kemm aktar hu politikament feliċi li kap jagħraf jindirizza sessjonijiet ta’ djalogu bl-użu strateġiku tal-pronom aħna, kif kien il-każ mill-bidunett tal-ħatra ta’ E.F.A. Għal kuntrarju jidher ċar kristall kif il-kap inkumbent iwebbes rasu fir-ramel u jibqa’ jiffissa fil-jiena u x’sejjer jagħmel hu bħala Prim Ministru… espressjoni li dax-xahar ħarġet kostanti u żgur kontra kull parir logiku waqt is-serje Q&A iffukati espliċitament u esklussivament fuq il-persuna ta’ M.I.B.G.
One thought on “Min hu bħal Eddie! Kuntrast fl-orjentament tal-karattru bejn Eddie Fenech Adami u Bernard Grech”