Lil Hinn miċ-Ċertifikati: Il-Ħiliet li Se Jiddeterminaw il-Futur tax-Xogħol

Minn Osservatur Politiku

F’ħajjitna nitgħallmu ngħożżu ċ-ċertifikati. Diploma, grad universitarju, kwalifika professjonali jew ċertifikat ta’ taħriġ huma kollha sinjali ta’ għarfien, dixxiplina u impenn. Għal ħafna snin, il-messaġġ kien ċar: studja, ikseb il-kwalifiki meħtieġa u jkollok il-bażi biex tibni karriera tajba.

U dan huwa minnu. L-edukazzjoni tibqa’ waħda mill-aktar investimenti importanti li nistgħu nagħmlu fil-bniedem u fis-soċjeta’. Imma d-dinja tax-xogħol qed tinbidel b’rata li qatt ma rajna qabel. Illum irridu nagħmlu mistoqsija li forsi ma konniex imdorrijin nagħmluha: x’jiġri meta ċ-ċertifikati ma jibqgħux biżżejjed?

Il-kwalifiki jagħtuna l-għodda biex nibdew. Imma mhux dejjem jagħtuna l-kapaċita’ li nirnexxu. F’ħafna setturi, min iħaddem illum mhux qed ifittex biss persuna li għandha ċ-ċertifikat it-tajjeb. Qed ifittex persuna li taf taħdem ma’ oħrajn, issolvi problema, tikkomunika, tadatta ruħha għal sitwazzjoni ġdida u titgħallem affarijiet ġodda. Dawn il-ħiliet mhux dejjem jidhru fuq karta.

Din hija waħda mill-isfidi ewlenin tal-ekonomija moderna. Għal ħafna snin, kejjilna s-suċċess edukattiv prinċipalment bin-numru ta’ kwalifiki miksuba. Imma s-suċċess ekonomiku ma jiddependix biss minn kemm għandna nies b’ċertifikat. Jiddependi minn kemm dawn in-nies kapaċi jużaw dak li tgħallmu biex joħolqu valur.

Hawnhekk tidħol il-produttivita’. Jekk irridu li l-ekonomija tagħna tkompli tikber mingħajr ma tiddependi dejjem aktar fuq żieda fil-popolazzjoni u fil-ħaddiema, irridu nagħmlu qabża fil-produttivita’. U biex nagħmlu dan, irridu ninvestu mhux biss fil-kwalifiki, iżda fil-ħiliet li jagħmlu lil persuna aktar kapaċi, aktar kreattiva u aktar effettiva.

Il-problema mhijiex li għandna wisq edukazzjoni jew wisq ċertifikati. Il-problema hija meta naħsbu li ċ-ċertifikat waħdu huwa l-għan. Edukazzjoni tajba għandha tagħti lill-bniedem il-kapaċita’ li jibqa’ jitgħallem.

Dan huwa aktar importanti minn qatt qabel minħabba t-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali. Ħafna mill-impjiegi li jeżistu llum se jinbidlu. Xi kompiti se jiġu awtomatizzati, oħrajn se jsiru aktar effiċjenti u se jinħolqu professjonijiet li għadhom ma nafux kif se jkunu.

F’dinja bħal din, kwalifika miksuba fl-eta’ ta’ 22 sena ma tistax tkun garanzija ta’ rilevanza professjonali sal-eta’ tal-irtirar. Għalhekk irridu nibdlu l-mod kif naħsbu dwar it-tagħlim.

L-edukazzjoni ma tistax tibqa’ xi ħaġa li tispiċċa meta wieħed joħroġ mill-universita’ jew mill-kulleġġ. Trid issir parti mill-ħajja tax-xogħol. It-taħriġ mill-ġdid, it-titjib tal-ħiliet u t-tagħlim kontinwu għandhom isiru normali, mhux eċċezzjoni.

Dan għandu implikazzjonijiet importanti wkoll għall-politika ekonomika. Jekk pajjiż irid jattira investiment ta’ kwalita’, ma jistax joffri biss numru kbir ta’ ħaddiema. Irid joffri talent, ħiliet u ambjent li jinkoraġġixxi l-innovazzjoni.
Dan ifisser li rridu nsaħħu r-rabta bejn l-iskejjel, l-istituzzjonijiet edukattivi u d-dinja tax-xogħol. Il-kurrikulu għandu jkun konness aktar mal-ħiliet li se jkunu meħtieġa fil-futur. L-istudenti għandhom jingħataw aktar opportunitajiet biex jesperjenzaw id-dinja tax-xogħol u jifhmu kif l-għarfien tagħhom jista’ jiġi applikat fil-prattika.
Imma hemm aspett ieħor li m’għandniex ninsew. Mhux kull talent jiġi b’ċertifikat. Persuna tista’ ma jkollhiex kwalifika universitarja u xorta tkun eċċellenti f’dak li tagħmel.

Sengħa, esperjenza, kreattivita’, sens ta’ responsabbilta’ u kapaċita’ li ssolvi problemi huma wkoll kapital uman.
Għalhekk irridu soċjeta’ li tagħti valur kemm lill-edukazzjoni akkademika kif ukoll lill-edukazzjoni vokazzjonali u teknika. M’għandniex nibqgħu ngħaddu l-messaġġ li karriera ta’ suċċess trid bilfors tgħaddi mill-universita’.

Pajjiż modern għandu bżonn tobba u inġiniera, imma għandu bżonn ukoll tekniċi, elettriċisti, plumbers, carers, koki, ħaddiema tas-sengħa u ħafna professjonijiet oħra li fuqhom tiddependi l-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Il-valur ta’ xogħol m’għandux jitkejjel biss mill-ittra wara l-isem. Dan ma jfissirx li ċ-ċertifikati mhumiex importanti. Għall-kuntrarju. F’ħafna professjonijiet huma essenzjali u jiggarantixxu standards, kompetenza u protezzjoni għall-pubbliku. Imma ċ-ċertifikat għandu jkun il-bidu, mhux it-tmiem.

Il-kwalifika tgħidilna x’studja persuna. L-esperjenza turina x’taf tagħmel. U l-karattru jurina kif se tagħmlu. F’ekonomija li qed tinbidel, dawn it-tlieta għandhom jingħaqdu.

Dan jgħodd ukoll għaż-żgħażagħ tagħna. Ma rridux noħolqu ġenerazzjoni li titgħallem biss biex tgħaddi minn eżami jew tikseb ċertifikat. Irridu noħolqu ġenerazzjoni li titgħallem biex taħseb. Il-ħsieb kritiku, il-kurżita’, il-kapaċita’ li tistaqsi mistoqsijiet, li tiddubita meta jkun hemm bżonn u li tfittex soluzzjonijiet ġodda se jkunu fost l-aktar ħiliet importanti tal-futur. U dan għandu jibda minn eta’ żgħira.

Is-sistema edukattiva għandha tgħallimna mhux biss x’għandna nafu, iżda kif għandna nitgħallmu. Għax dak li nafu llum jista’ ma jkunx biżżejjed għada.

Għax il-mistoqsija mhijiex jekk għandniex bżonn aktar ċertifikati. Il-mistoqsija hija jekk il-mod kif nedukaw u nħarrġu lin-nies hux qed jippreparahom għal ekonomija li għadha ġejja.

Malta ma tistax tibqa’ tibni l-kompetittività tagħha fuq il-kwantita’. Irridu nibnuha fuq il-kwalita’, il-produttivita’ u l-valur miżjud. U dan jibda mill-bniedem.

Iċ-ċertifikat jista’ jiftaħlek bieb. Imma dak li tagħmel wara li tidħol huwa dak li verament jiddetermina l-valur tiegħek. Għalhekk, jekk irridu ekonomija aktar produttiva, soċjeta’ aktar kompetittiva u pajjiż aktar preparat għall-futur, irridu mmorru lil hinn miċ-ċertifikati.

Għax fl-ekonomija tal-futur, mhux se jkun importanti biss x’għandek fuq il-karta. Se jkun importanti x’taf tagħmel bih.

One thought on “Lil Hinn miċ-Ċertifikati: Il-Ħiliet li Se Jiddeterminaw il-Futur tax-Xogħol

  1. Naqbel perfettament ma din l- analizi tad- dinja ta’ llum, ghalkemm nemmen li qeghdin tard! It- teorija hija mportanti izda biex tkun ottima trid tkun imhalta u maghguna mal- prattika.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading