Robert Abela ammetta li inqas persuni ivvutaw lill-Partit Laburista waqt li kompla joskura d-deputati ta’ Muscat

Il-Partit Laburista għadu kif ħabbar li saret laqgħa tal-grupp parlamentari tiegħu fejn fiha ġie maħtur il-whip u d-deputy whip. Dak li l-Partit Laburista ma qalx hu li ma saret l-ebda diskussjoni dwar dawn il-ħatriet. Il-Prim Ministru mar bl-ismijiet lesti u ppreżentahom lill-membri tal-grupp parlamentari li minn naħa tagħhom, id-deputati preżenti approvawhom mingħajr ħadd minnhom ma qal xejn. Forsi għal ħafna dan huwa fatt superfluwu imma din hija verita’ sinifikattiva għax turi li l-Prim Ministru jrid jiddetta kollox hu u saħansitra joħnoq id-diskussjoni. Infakkar li suppost f’din il-laqgħa kellhom ikunu diskussi dawn il-ħatriet.

Meta wieħed iħares lejn dawn il-ħatriet, wieħed jinduna li dawk id-deputati li huma assoċjati ma’ Joseph Muscat komplew jingħataw il-ġenb minn Robert Abela. Possibbli li ħadd minn fost dawk li ġew eletti li huma mitqiesha ta’ Joseph Muscat ħadd minnhom ma hu tajjeb għal xi kariga fil-partit? Infakkar li ħafna minn dawn ġabu l-voti lil Abela. Kieku ma kienux huma, l-astensjonijiet fost il-Laburisti kienu jkunu ikbar.

Infatti ħadd minnhom ma ġie magħżul biex ikun parti mill-kabinett. Ħadd minnhom ma kien kapaċi jkun il-whip jew assistent whip? Dawn lkoll għandhom esperjenza kbira fil-Parlament.

Wieħed irid jgħid li dawn id-deputati kienu kollha hemm – anki meta l-Partit Laburista kien f’diffikultajiet kbar. Kienu kollha strumentali biex Robert Abela ma jitlifx iżjed voti tal-Laburisti. Abela innifsu ammetta f’din il-laqgħa tal-lum li kien hemm ħafna Laburisti li ma vvutawx u dan minkejja li b’mod pubbliku jiftaħar li għamel rebħa kbira.

Interessanti li l-Prim Ministru, waqt din il-laqgħa qal li hu kuntent li Jason Azzopardi ma telax. Tgħid għaliex?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *