Il-familji għandhom bżonn stabbiltà, mhux sorpriżi fil-kontijiet

Minn Osservatur Politiku
Fost ix-xewqat ewlenin li esprimew il-Maltin ta’ kull eta’ qabel il-Baġit ta’ din is-sena hemm waħda li ma tistax tiġi injorata: li l-Gvern iżomm is-sussidji fuq il-fjuwil u l-enerġija u ma jnaqqasx l-għajnuna li qed jagħti lill-familji u lin-negozji.
Din mhijiex talba li għandha tiġi interpretata bħala sempliċi preferenza politika. Hija riflessjoni ta’ realta’ ekonomika li qed tħabbat wiċċha magħha l-familja Maltija kuljum. Għax meta l-prezz tal-enerġija jiżdied, l-effett ma jieqafx mal-kont tad-dawl jew mal-prezz tal-petrol u d-diesel. Iż-żieda tgħaddi minn kull parti tal-ekonomija u eventwalment tasal għand il-konsumatur.
Il-familja tħallas aktar biex tmur għax-xogħol. Tħallas aktar biex issaħħan jew tkessaħ id-dar. Tħallas aktar għall-prodotti li tixtri. U n-negozju jħallas aktar biex jipproduċi, jittrasporta u joffri s-servizzi tiegħu.
Għalhekk, meta nitkellmu dwar is-sussidji tal-enerġija, m’aħniex nitkellmu biss dwar kont tad-dawl jew prezz tal-fjuwil. Qed nitkellmu dwar l-għoli tal-ħajja kollu. Huwa għalhekk li l-Gvern għandu jisma’ din it-talba.
Imma fl-istess waqt, għandna nkunu onesti mal-poplu. Is-sussidji ma jistgħux jitqiesu bħala soluzzjoni permanenti għal kull problema. Huma għandhom spiża għall-finanzi pubbliċi. U proprju għalhekk id-diskussjoni li għandna nagħmlu mhijiex sempliċement jekk inżommux is-sussidji jew inneħħuhom. Id-diskussjoni għandha tkun kif nistgħu niżguraw li l-familji ma jibqgħux dipendenti fuqhom għal dejjem. Din hija d-differenza bejn għajnuna temporanja u politika ekonomika fit-tul.
Il-familji Maltin għandhom bżonn prezzijiet tal-enerġija li jkunu sostenibbli. Għandhom bżonn ekonomija li ma tkunx kontinwament vulnerabbli għal kull kriżi internazzjonali. U għandhom bżonn Gvern li ma jistenniex li tfaqqa’ kriżi biex imbagħad jiddeċiedi x’se jagħmel.
Malta hija pajjiż żgħir u dipendenti ħafna fuq l-enerġija. Għalhekk kull xokk internazzjonali jista’ jkollu impatt qawwi fuq il-familji tagħna. Il-gwerer, il-kunflitti internazzjonali, il-prezzijiet tal-fjuwil fis-swieq internazzjonali u l-inċertezza fuq il-provvista jistgħu kollha jaffettwaw l-ispiża tal-ħajja.
F’dan il-kuntest, is-sussidji servew bħala buffer. Huma għenu biex il-familji ma jħossux il-qawwa kollha taż-żidiet internazzjonali. Dan ma għandux jiġi sottovalutat.
Meta familja diġa’ qed tħabbat wiċċha ma’ kera jew self fuq id-dar, ikel, trasport, edukazzjoni u spejjeż oħra, żieda sostanzjali fil-kontijiet tal-enerġija tista’ tkun il-piż li tkisser il-baġit tagħha.
U mhux biss il-familji bi dħul baxx huma vulnerabbli. Il-klassi tan-nofs ukoll qed tħoss il-pressjoni.
Koppja li taħdem u għandha t-tfal jista’ jkollha dħul li fuq il-karta jidher komdu, iżda wara l-ħlas tad-dar, il-karozza, childcare, ikel u spejjeż oħra, il-marġni li jibqa’ kull xahar jista’ jkun żgħir ħafna. Għal familja bħal din, żieda fil-prezzijiet tal-enerġija mhijiex kwistjoni astratta. Hija differenza bejn li tlaħħaq sal-aħħar tax-xahar jew le.
Għalhekk, jekk il-Gvern qed jikkunsidra li jnaqqas is-sussidji, għandu l-ewwel jispjega lill-poplu x’alternattiva qed jipproponi. Ma jistax sempliċement jgħid li s-sussidji jiswew wisq.
Iva, għandhom spiża. Imma kull politika pubblika għandha spiża. Il-mistoqsija hija x’valur qed nieħdu għal kull euro li nonfqu.
Jekk is-sussidju jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli, jgħin biex titrażżan l-inflazzjoni u jipproteġi l-familji mill-faqar enerġetiku, allura rridu nkejlu wkoll dak il-benefiċċju.
Fl-istess ħin, irridu nkunu nafu kemm din is-sistema hija sostenibbli. Gvern responsabbli għandu jgħid kemm qed jintefaq fuq is-sussidji, kif qed jiġi ffinanzjat dan l-infiq u x’inhuma l-pjanijiet għas-snin li ġejjin.
Il-poplu għandu dritt ikun jaf. Għax l-istess familji li llum qed jitolbu li s-sussidji jibqgħu jafu wkoll li l-flus tal-Gvern ġejjin mit-taxxi tagħhom.
Hawnhekk tidħol ir-responsabbilta’ tal-Gvern li jagħmel għażliet.
Jekk il-pajjiż qed jissellef biex jiffinanzja nefqa rikorrenti, irridu nistaqsu jekk dan jistax jibqa’ jsir għal dejjem. Jekk qed nonfqu biljuni biex inżommu l-prezzijiet baxxi, irridu naraw jekk parti minn dak l-investiment tistax tintuża biex Malta ssir aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u inqas dipendenti fuq l-importazzjonijiet. Is-sussidju għandu jkun pont, mhux destinazzjoni.
Irridu investiment akbar fl-enerġija rinnovabbli. Irridu aktar effiċjenza fl-enerġija fid-djar. Irridu infrastruttura aktar moderna. Irridu nkomplu nsaħħu l-interconnections u s-sigurta’ tal-provvista. U rridu politika li tnaqqas il-konsum bla bżonn u tagħmel l-enerġija nadifa aktar aċċessibbli.
B’hekk, ma nkunux sempliċement qed inħallsu biex nipproteġu lill-familji minn prezz għoli. Inkunu qed ninvestu biex fil-futur ikollna prezz aktar stabbli. Dan huwa l-punt li ma għandux jintilef fid-diskussjoni tal-Baġit.
Il-familji qed jgħidu lill-Gvern: tibqax tgħolli l-ispiża tal-ħajja tagħna. Il-Gvern għandu jisma’. Imma għandu wkoll jagħti risposta fit-tul.
Għax il-politika tal-enerġija mhijiex biss dwar kemm se jkun il-kont illum. Hija dwar kemm se tkun sigura u affordabbli l-ħajja tal-familja Maltija għada.
Jekk is-sussidji jibqgħu, irridu naraw pjan ċar. Jekk xi darba jitnaqqsu, irridu naraw alternattivi kredibbli li ma jħallux lill-familji jħallsu l-prezz. U jekk il-Gvern jemmen li jistgħu jinżammu, għandu juri lill-poplu kif se jagħmel dan b’mod finanzjarjament sostenibbli.
Il-familji ma jridux sorpriżi fil-kontijiet tagħhom. Ma jridux li kull kriżi internazzjonali tinbidel fi kriżi domestika. U fuq kollox, ma jridux li l-Gvern jgħidilhom illum li kollox jinsab taħt kontroll u għada jkollu jħabbar li ma jistax jibqa’ jħallas.
Dak li għandhom bżonn huwa stabbilta’, prevedibbilta’ u direzzjoni. Is-sussidju tal-enerġija jista’ jkun parti minn din l-għajnuna. Imma ma jistax ikun il-politika kollha.
Il-politika vera għandha tkun li Malta ssir pajjiż fejn l-enerġija tkun sigura, affordabbli u sostenibbli, fejn il-familji jkunu protetti u fejn il-finanzi pubbliċi jkunu b’saħħithom biżżejjed biex jibqgħu jipproteġuhom meta jkun hemm kriżi.
Għax il-familja Maltija ma tridx biss li l-Gvern iħallas parti mill-kont illum. Trid tkun taf li għada se tkun tista’ tħallas il-kont hi stess.
