Il-Familja Ma Teħtieġx Ċekk biss, Teħtieġ Direzzjoni

Minn Osservatur Politiku
Meta nitkellmu dwar il-familja Maltija, ħafna drabi d-diskussjoni tispiċċa fuq kemm se jingħataw flus, kemm se jiżdied benefiċċju, jew liema miżura ġdida se titħabbar fil-Baġit. Dawn il-miżuri jistgħu jkunu importanti u, f’ċerti ċirkostanzi, jistgħu jagħmlu differenza reali fil-ħajja ta’ familja. Imma m’għandniex nieqfu hemm. Għax familja ma tibnix il-futur tagħha biss fuq ċekk li tirċievi mingħand il-Gvern.
Il-familji għandhom bżonn direzzjoni u dan huwa wieħed mill-punti li jitqajjmu mill-poplu meta jitkellmu dwar il-baġit. Nafu li l-familji, u anke dawk li jixtiequ jkollhom it-tfal, ma jridux biss flus. Iridu ambjent li jagħmilha possibbli li jgħixu ħajja deċenti, li jrabbu lil uliedhom b’serħan il-moħħ u li jħarsu lejn il-futur mingħajr il-biża’ li kull pass li jagħmlu se jġib miegħu problema ġdida.
Din hija d-differenza bejn politika tal-familja u sensiela ta’ miżuri għall-familja. Politika tal-familja trid tħares lejn il-ħajja kollha tal-familja.
Jekk koppja żagħżugħa trid ikollha t-tfal, l-ewwel mistoqsija mhijiex biss jekk hux se tingħata allowance. Il-mistoqsija hija jekk tistax taffordja dar. Jekk il-kera hijiex sostenibbli. Jekk hemmx akkomodazzjoni li tista’ tissejjaħ dar u mhux sempliċement post fejn tgħix. Jekk iż-żewġ ġenituri jistgħux jaħdmu mingħajr ma jqattgħu sigħat twal fit-traffiku. Jekk hemmx childcare aċċessibbli u ta’ kwalita’. Jekk l-iskejjel humiex qed jagħtu lil uliedhom l-edukazzjoni li għandhom bżonn. U jekk il-familja għandhiex ħin biex tkun familja.
Dawn kollha huma parti mill-istess problema. U għalhekk ma nistgħux inkomplu nħarsu lejn kull waħda minn dawn il-kwistjonijiet b’mod separat.
Għal snin twal tkellimna dwar il-ħtieġa li nżidu l-popolazzjoni biex nikbru ekonomikament. Ġew aktar nies, żdiedu l-ħaddiema, żdiedet l-attivita’ ekonomika u żdied ukoll il-GDP. Imma llum irridu nagħmlu mistoqsija aktar importanti: dan it-tkabbir qed jagħmel il-ħajja tal-familji aħjar?
Għax jekk familja jkollha żewġ pagi iżda ma tistax tixtri dar, jekk ikollha karozza iżda tqatta’ sigħat fit-traffiku, jekk ikollha xogħol iżda ma jkollhiex ħin għal uliedha, u jekk tgħix f’pajjiż li qed jinbena aktar malajr milli qed jitjieb l-infrastruttura tiegħu, irridu nammettu li hemm xi ħaġa ħażina fid-direzzjoni.
Ma nistgħux ngħidu lill-familji li għandhom ikollhom aktar tfal u mbagħad ma nagħtuhomx il-kundizzjonijiet biex jagħmlu dan b’dinjita’.
Il-problema tal-akkomodazzjoni hija eżempju ċar. Għal ħafna żgħażagħ, il-ħolma li jkollhom dar tagħhom saret waħda dejjem aktar diffiċli. Il-prezzijiet tal-proprjeta’, il-kera, id-daqs tal-familja u l-inċertezza dwar id-dħul kollha jinfluwenzaw id-deċiżjoni ta’ koppja dwar meta, jew jekk, ikollhiex it-tfal.
Jekk irridu politika serja favur il-familja, irridu politika serja tal-akkomodazzjoni. Imma l-akkomodazzjoni waħedha mhix biżżejjed.
Trid tara wkoll it-trasport. Koppja li titlaq mid-dar kmieni filgħodu biex tmur għax-xogħol u terġa’ lura filgħaxija wara sigħat fit-traffiku ma tistax tgħix l-istess ħajja bħal familja li għandha aċċess għal sistema ta’ trasport effiċjenti.
Il-ħin huwa wkoll riżorsa. U forsi hija waħda mill-aktar riżorsi li qed nitilfu.
Il-ġenituri għandhom bżonn ħin ma’ wliedhom. Għandhom bżonn ħin għall-familja tagħhom, għall-ġenituri anzjani tagħhom u għalihom infushom. Jekk il-mudell ekonomiku tagħna jwassal biex aktar nies jaħdmu aktar sigħat sempliċement biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, irridu nistaqsu jekk dak hux tassew il-progress li rridu.
Ekonomija tajba mhijiex biss ekonomija li tipproduċi aktar. Hija ekonomija li tagħti lin-nies ħajja aħjar.
Hemm imbagħad is-servizzi pubbliċi. Il-familja trid tkun taf li jekk ikun hemm problema tas-saħħa, hemm servizz li jista’ jwieġeb. Trid tkun taf li wliedha se jkollhom edukazzjoni ta’ kwalita’. Trid tkun taf li l-komunita’ fejn tgħix għandha spazji pubbliċi, ambjent nadif u infrastruttura li taħdem.
Il-familja ma tgħixx ġewwa l-erba’ ħitan tad-dar. Tgħix f’Malta.
Għalhekk, meta nitkellmu dwar il-familja, irridu nitkellmu wkoll dwar it-toroq, it-traffiku, l-iskejjel, l-isptarijiet, l-ambjent, il-kwalita’ tal-arja, l-ispazji miftuħa, it-trasport pubbliku u s-servizzi li l-familji jiddependu fuqhom kuljum. U fuq kollox irridu nitkellmu dwar l-istabbilta’.
Familja ma tippjanax biss għal għada. Familja tippjana għal għaxar snin, għoxrin sena u aktar. Meta koppja tiddeċiedi li jkollha tifel jew tifla, dik hija deċiżjoni li tinvolvi snin ta’ responsabbilta’. Għalhekk ma nistgħux noffru miżuri li jistgħu jinbidlu kull sena skont il-Baġit u mbagħad nippretendu li l-familji jħossuhom sikuri.
Jeħtieġ li l-familji jkunu jafu x’se jiġri. Jeħtieġu politika fit-tul. Jeħtieġu direzzjoni.
Dan huwa wkoll fejn jidħol il-Baġit 2027. Il-Baġit m’għandux ikun biss lista ta’ miżuri popolari li jagħtu benefiċċju immedjat. Għandu jkun dokument li juri x’tip ta’ pajjiż irridu nibnu u kif se naslu hemm.
Jekk tassew irridu pajjiż fejn il-familji jkollhom aktar tfal, irridu nistaqsu x’qed nagħmlu biex Malta tkun post fejn familja tħoss li tista’ tippjana l-futur.
Jekk tassew irridu familji b’saħħithom, irridu nsaħħu l-komunitajiet. Jekk irridu aktar tfal, irridu nsaħħu l-ambjent li fih dawk it-tfal se jikbru. Jekk irridu li ż-żgħażagħ jibqgħu Malta, irridu nagħtuhom raġuni biex jemmnu li hawn jistgħu jibnu ħajja tajba. U jekk irridu li n-nies ikollhom familji akbar, irridu nieqfu naħsbu li l-problema tista’ tissolva bi ħlas ieħor.
Il-flus jgħinu. Imma l-flus waħedhom ma joħolqux familja kuntenta. Familja teħtieġ dar. Teħtieġ xogħol stabbli. Teħtieġ ħin. Teħtieġ servizzi tajbin. Teħtieġ edukazzjoni. Teħtieġ ambjent li fih uliedha jistgħu jikbru. Teħtieġ trasport li ma jisirqilhiex parti kbira mill-ġurnata. U fuq kollox teħtieġ fiduċja fil-futur.
Din hija d-diskussjoni li għandna nagħmlu bħala pajjiż. Għax il-mistoqsija mhijiex kemm se nagħtu lill-familji din is-sena. Il-mistoqsija hija x’pajjiż qed nibnu għalihom.
Gvern jista’ jagħti għajnuna. Imma Gvern responsabbli għandu jagħti wkoll direzzjoni. U jekk irridu li l-familji Maltin iħarsu lejn il-futur b’aktar fiduċja, allura l-Baġit li ġej għandu jkun il-bidu ta’ din id-direzzjoni — mhux sempliċement kapitlu ieħor ta’ għajnuna temporanja.
