Id-deputati ta’ Bernard Grech qed iduru il-każini ta’ għaqdiet diversi u jargumentaw li Bernard Grech għandu jibqa’

L-elettorat Malti qed jirrealiżża li Bernard Grech għandu jirreżenja illum qabel għada. Imma ċertu deputati, qrib ta’ Bernard Grech, qed iduru l-każini u javviċinaw kunsilliera u partitarji biex jgħidulhom li l-PN mhux lest għall-elezzjoni ta’ kap ġdid. Bil-kelma każini qed nifhem is-sedje ta’ diversi għaqdiet u mhux bil-fors politiċi. Fuq kollox, il-PN bil-kemm għad fadallu każini.

Ikolli ngħid li din hija għajta fid-deżert u qed issir biss biex dawn it-talin jipproteġu lill-establishment li ġab dan id-diżastru kollu f’dan il-Partit Konservattiv u l-interessi tagħhom.

Infakkar li dawn kienu l-istess nies li qalulna l-PN ma kienx lest għal tkaxkira. Anzi xi uħud minnhom ħarġu jgħajtu li l-PN kien ser jerbaħ l-elezzjoni. L-elezzjoni ġiet u marret u kulħadd jaf li din it-telfa kienet inevitabbli, avolja il-poplu Malti mhux kuntent bil-gvern tal-Lejber tant li l-partit fil-gvern tilef il-voti. Imma l-poplu Malti l-anqas ma hu kuntent b’Bernard Grech.   

F’dan l-istadju, il-PN jeħtieg kap ġdid li jinspira. Ma jimpurtax jekk ikun kap li ġiegħel lil xi wħud li jirrabbjaw imma hemm bżonn kap li jqanqal fik reazzjoni. Il-PN jeħtieġ kap li meta jsejjaħlek tiġi u toħroġ minn darek.

Bernard Grech qatt ma jista’ jkun dan il-kap għax sar irrelevanti. Fuq kollox, fl-ewwel mumenti, wara it-tħabbira tar-riżultat elettorali, deher kemm hu pastaż. Il-ħasra hi li l-atteġġjamenti tiegħu qed jirrenduha diffiċli biex xi persuna ġentloma u ta’ prinċipju toħroġ biex tikkompeti miegħu ħalli ssir il-kap li hemm bżonn. Trid tkun pastaż bħal ma kien Bernard Grech, biex tisfida lill-kap preżenti.

F’ġieħ is-sewwa, Bernard Grech għandu jwarrab u jieħu pożizzjoni, tkun xi tkun, iżda mhux kap. Kap għandu jkun persuna li tispirak. Bernard Grech mhux xi wiċċ ġdid u għandu storja ta’ tradiment warajh li qatt ma tista’ tgħaqqad lill-Partit Nazzjonalista.

B’hekk il-Partit Nazzjonalista jinsab f’pożizzjoni tal-biki. Naf żgur li dawn id-deputati li qed iduru lill-kunsilliera u lit-tesserati biex jgħidulhom li Bernard Grech għandu jibqa’ jafu sew dan il-fatt. Naf żgur li dawn irrealiżżaw li din hija deċiżjoni ħażina u ser tfisser, jekk isseħħ, telfa oħra elettorali għall-PN. Dawn jafu sew li l-Lejber jerġa’ jirbaħ b’ċertu distakk kbir allavolja ser ikompli jitlef il-voti u jikbru l-astensjonijiet.

Fi kliem ieħor, kull ma qed jagħmlu dawn id-deputati huwa li jippruvaw jimmanipulaw. Dak li hu interessanti li din il-manipulazzjoni qed issir anki minn dawk id-deputati li marru quddiem l-elettorat bħala uċuh ġodda. Sadanittant, il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jitlef nies validi u aktar kandidati u kunsilliera qed iħallu lill-partit.

B’hekk dawk li l-aktar qed ibatu huma l-istess partitarji li qed ikunu manipulati u l-prinċipji konservattivi ta’ dan il-partit. Infakkar, li fl-Ewropa dawn il-prinċipji qed joħorġu rebbiħien. Ibda mill-Ingilterra u kompli fl-Ungerija  fejn Orban għamel rebħa kbira. Issa fi Franza Marine Le Pen għandha l-49% tal-elettorat warajha. Macron għandu il-51%. Mela l-leħen konservattiv miexi u l-biża’ tal-liberali u tax-Xellug hija li fi Franza jerġa jirrepeti ruħu l-istess riżultat li kellu r-Renju Unit fir-rigward tal-Brexit.

Minflok ħa din il-linja konservattiva, il-Partit Nazzjonalista u l-Establishment tiegħu, għall-interessi purament personali, iddeċidew li jibdlu l-Partit Nazzjonalista f’wieħed liberali tax-xellug b’konsegwenzi disastrużi għal dan il-partit u dawk id-deputati u kandidati li jħaddnu din il-viżjoni, illum qed iduru lit-tesserati u l-kunsilliera u jgħidulhom biex iżommuh kap ħalli jibqgħu jpappuha minn fuq din l-aġenda.  

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading