Is-Soċjeta’ Pro-Malta Christiana tippubblika l-manifest tagħha
Is-Soċjeta Pro-Malta Christiana hija għaqda bi skop Ċiviku-Kulturali Kattoliku. Hija għadha kif ippubblikat il-manifest tagħha ntitolat: Fejn Hi Sejra Malta fl-2022? Dan il-manifest juri kif moralment, soċjalment u ekonomikament, Malta hija nieżla f’abbiss ta’ kaos, relattivizmu u multikulturalizmu li skont din l-għaqda ser iwassal f’sitwazzjoni fejn il-verita’ oġġettiva fl-aħħar mill-aħħar m’hi sejra tfisser xejn għall-poplu Malti u Għawdxi.
Il-manifest li deher fil-Malta Independent il-bieraħ – taħt forma ta’ avviż bil-ħlas -ikompli juri li f’perjodu qasir ta’ għaxar sinin, il-Kattoliċi Maltin u Għawdxin kellhom jaffrontaw miżuri u leġizlazzjoni parlamentari li qegħdin jiddestabbilizzaw il-bażi morali tas-soċjeta’ f’pajjiżna. Il-manifest juri l-ipokrezija tal-partiti kollha rappreżentati bħalissa fil-Parlament Malti fejn jidħlu kwistjonijiet morali u jinsinwa impliċitament li l-klassi politika Maltija ma għandhiex tkun afdata mill-elettorat Kattoliku.
Ir-rwolijiet tal-Unjoni Ewropea u ta’ ċerti NGOs ispirati mill-ideoloġija tal-Woke huma msemmija ukoll f’dan il-manifest. Skont din l-għaqda, dawn ukoll qegħdin jagħtu sehem attiv f’dan il-proċess ta’ degradazzjoni tal-pajjiż.
Permezz ta’ dan il-manifest, Pro Malta Christiana tappella lill-Kattoliċi tal-gżejjer Maltin biex ma jibqgħux iktar siekta, imma jirreaġixxu bit-talb u bl-azzjoni pubblika fid-difiza tal-ftit fdalijiet taċ-Ċivilta’ Nisranija li għad fadal f’Malta u Għawdex.

