Id-Dejn Pubbliku: X’Qed Nibnu u X’Se Nħallu lil Uliedna?

Minn Osservatur Politiku

Meta nitkellmu dwar il-finanzi pubbliċi, ħafna drabi d-diskussjoni tieqaf ma’ ċifra waħda: id-defiċit. Nistaqsu kemm qed jonfoq il-Gvern aktar milli jiġbor, kemm se jissellef u kemm se jiżdied id-dejn nazzjonali. Dawn huma mistoqsijiet importanti, iżda waħedhom ma jagħtux stampa sħiħa tal-qagħda ekonomika tal-pajjiż. Hemm mistoqsija oħra li għandha tkun fiċ-ċentru tad-diskussjoni: għal xiex qed jintużaw il-flus li qed nissellfu?
Defiċit mhux bilfors ifisser li pajjiż qed imexxi l-finanzi tiegħu ħażin. Gvern jista’ jkollu raġuni valida biex jissellef, partikolarment meta jkun qed jinvesti f’infrastruttura, edukazzjoni, teknoloġija, enerġija u proġetti li jsaħħu l-produttivita’. Investiment tajjeb jista’ joħloq opportunitajiet ekonomiċi, itejjeb is-servizzi pubbliċi u jiġġenera aktar attivita’ ekonomika fis-snin li ġejjin.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, id-dejn jista’ jkun għodda biex jinbena l-futur. Il-problema tibda meta pajjiż jissellef mhux biex joħloq kapaċita’ ekonomika ġdida, iżda biex ikopri nefqa li terġa’ tirrepeti ruħha kull sena.
Din hija d-distinzjoni fundamentali li Malta għandha tagħmel.
Ejja nieħdu żewġ eżempji. L-ewwel Gvern jissellef biex itejjeb is-sistema tat-trasport, jinvesti f’infrastruttura moderna, inaqqas il-ħela tal-enerġija u jsaħħaħ il-ħiliet tal-ħaddiema. Jekk dawn l-investimenti jkunu ppjanati tajjeb u jwasslu għar-riżultati mistennija, jistgħu jtejbu l-produttivita’ u jżidu l-kapaċita’ tal-ekonomija li tiġġenera l-ġid.
It-tieni Gvern jissellef biex ikopri spejjeż kurrenti, iżid l-obbligi rikorrenti u jżomm il-magna tal-infiq għaddejja mingħajr ma joħloq biżżejjed valur ekonomiku ġdid. F’dan il-każ, il-pajjiż ikun qed jissellef biex iżomm il-preżent, filwaqt li jħalli l-kont għall-futur.
Iż-żewġ każijiet jistgħu jżidu d-dejn pubbliku, iżda l-konsegwenzi fit-tul jistgħu jkunu differenti ħafna.
Dan ma jfissirx li kull nefqa rikorrenti hija ħażina jew li l-Gvern għandu jnaqqas l-ispejjeż kollha. Is-saħħa, l-edukazzjoni, il-pensjonijiet u s-servizzi soċjali huma parti essenzjali mill-funzjoni tal-Istat. Il-punt mhuwiex li dawn in-nefqiet jiġu kkundannati, iżda li jkun hemm pjan kredibbli biex jitħallsu minn dħul sostenibbli, filwaqt li d-dejn jintuża b’attenzjoni u b’għan ċar.
Għax id-dejn ma jisparixxix meta jintemm il-baġit. Jibqa’ magħna. U l-imgħax li jitħallas fuqu jieħu riżorsi li setgħu ntużaw għal servizzi aħjar, investiment jew għajnuna lil dawk li għandhom bżonnha.
Meta l-Gvern jissellef biex jiffinanzja investiment produttiv, għandu jkun jista’ jispjega x’se jikseb minn dak l-investiment, f’liema żmien u b’liema mod se jtejjeb il-ħajja tan-nies. Meta jissellef biex ikopri nefqa rikorrenti, għandu jispjega wkoll kif dik in-nefqa se tkun iffinanzjata fis-snin ta’ wara. Mingħajr dawn it-tweġibiet, il-pajjiż jirriskja li jidħol f’ċiklu fejn kull sena jkollu bżonn aktar flus biex iżomm l-istess sistema taħdem.
Dan huwa partikolarment importanti għal Malta, fejn il-popolazzjoni, il-ħtiġijiet tal-infrastruttura u d-domanda għas-servizzi pubbliċi qed ikomplu jikbru. Aktar nies ifissru aktar ħtieġa għal toroq, trasport, skejjel, servizzi tas-saħħa u spazji pubbliċi. Jekk l-ekonomija tikber iżda l-investiment ma jlaħħaqx ma’ dawn il-ħtiġijiet, il-pajjiż jista’ jispiċċa jonfoq aktar mingħajr ma ċ-ċittadini jħossu titjib proporzjonat fil-kwalita’ tal-ħajja tagħhom.
Għalhekk, ma nistgħux inkejlu s-suċċess ekonomiku biss permezz tat-tkabbir tal-prodott domestiku gross jew taċ-ċifri tad-dħul tal-Gvern. Irridu nħarsu lejn dak li qed jinkiseb b’dak it-tkabbir. Qed tiżdied il-produttivita’? Qed jitjiebu s-servizzi pubbliċi? Qed tonqos il-pressjoni fuq l-infrastruttura? Qed jinħolqu kundizzjonijiet li jippermettu lin-negozji jinvestu u lill-ħaddiema jaqilgħu pagi aħjar? Dawn huma l-mistoqsijiet li għandhom jiggwidaw il-politika ekonomika.
Il-baġit li jmiss għandu għalhekk jagħti aktar minn lista ta’ miżuri u benefiċċji. Għandu juri b’mod ċar kif se jitqassmu r-riżorsi, liema investimenti għandhom prijorita’ u kif se jiġi ffinanzjat l-infiq rikorrenti mingħajr dipendenza dejjem akbar fuq is-self. Għandu jispjega wkoll kif il-Gvern se jkejjel jekk l-investiment pubbliku hux qed jagħti r-riżultati mwiegħda.
Il-flus pubbliċi huma limitati, u kull deċiżjoni għandha spiża. Meta jintgħażel proġett wieħed, jista’ jkun hemm proġett ieħor li jkollu jistenna. Meta jiżdied obbligu rikorrenti, dan jista’ jnaqqas il-flessibbilta’ tal-baġits futuri. Gvern responsabbli għandu jagħraf dawn il-kompromessi u jispjegahom lill-pubbliku, mhux jaħbihom wara wegħdiet ta’ tkabbir.
Lanqas ma għandna naqgħu fl-estrem l-ieħor u nassumu li kull defiċit huwa perikoluż. F’mumenti ta’ kriżi, is-self jista’ jkun meħtieġ biex jiġu protetti l-familji u n-negozji. L-importanti huwa li l-intervent ikun ġustifikat, proporzjonat u kompatibbli ma’ pjan realistiku għall-finanzi pubbliċi.
Għax id-diskussjoni mhijiex sempliċement kemm qed nissellfu, iżda x’qed inħallu warajna għal kull euro li nissellfu.
Jekk id-dejn jibni infrastruttura aħjar, isaħħaħ il-produttivita’ u jżid il-kapaċita’ ekonomika tal-pajjiż, jista’ jkun investiment fil-futur. Jekk jintuża biex ikopri spejjeż li jibqgħu jiżdiedu mingħajr pjan sostenibbli, ikun qed iċaqlaq il-problema minn baġit għal ieħor.
Malta għandha bżonn ekonomija li mhux biss tikber, iżda li ssir aktar produttiva, reżiljenti u kapaċi tiffinanzja l-ħtiġijiet tagħha. Għalhekk, il-mistoqsija ewlenija li għandna nagħmlu mhijiex biss kemm hu d-defiċit. Il-mistoqsija hija: x’qed nibnu b’dan id-dejn, u x’se jkollhom iħallsu dawk li jiġu warajna?

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading