L-Elezzjoni fl-MZPN: Flok Għaqda tkompli Titkattar il-Firda

Illum għaddejjin l-elezzjonijiet tal-MZPN fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Wara 6 snin, ħa jkun hemm elezzjoni. Din hija xi ħaġa tajba. Anzi wieħed iżid jgħid li fl-aħħar hemm forma demokratika ta’ kif jitla’ l-exekuttiv wara żewġ ħadmiet li bażikament dawk eletti m’għamlu xejn ħlief isaħħnu s-siġġu u jmorru fuq safar b’xejn iċ-Ċina.

Imma wieħed irid jgħid li l-anqas sar AGM jiġifieri l-Annual General Meeting li matulu titħabbar li ser issir elezzjoni u wisq anqas ħarġu n-nomini. Dak li ġara kien li ħarġet il-lista tal-kandidati mingħajr ma kien hemm nomini.  Fi kliem ieħor ġara kif kien ġara fi snin ta’ qabel. L-aħħar żewġ elezzjonijiet tal-MZPN ma sarux. Intużaw l-istess metodi li qed jintużaw issa.  L-ewwel ma jgħidux li ħa jkun hemm elezzjoni billi ma jagħmlux AGM u b’hekk ma jinfetħux n-nomini u mbagħad toħroġ  il-lista ta’ kandidati.

Issa għal din l-elezzjoni, tliet kwarti tal-kandidati kienu żagħżagħ li ħadmu għal Bernard Grech. Il-lista hija ta’ xi 30 wieħed. Fiha hemm kandidati li qabel ma riedux jidhru mal-Partit Nazzjonalista. Riedu jibqgħu barra ħalli jagħmlu l-ħsara lill-istess Partit.  

Biss fost numru ta’ kandidati hemm biża minn dawk li baqgħu jissapportjaw lil Adrian Delia. Anki jekk ir-rebħa ta’ Bernard Grech dehret kbira, dawk li għad għandhom f’qalbhom lil Adrian Delia huma core importanti fil-Partit Nazzjonalista. Tant li ħafna kandidati li ħadmu għal Bernard Grech qed jilgħabuha tal-verġni u jitolbu l-vot lil dawk li kienu ma’ Delia. Insew kemm valenu beżqu.

Fuq kollox numru ta’ żagħżagħ li kienu ma Adrian Delia ma tniżżlux f’din il-lista ta’ kandidati. B’hekk inqatgħu barra.

U ISSA ċertu kandidati stembhu li dawn l-azzjonijiet weġġgħu lin-nies. Hemm barra hemm nies mweġġa’. Tant hu hekk li saru messaġġi fil-pubbliku fuq dan u nibgħatu messaġġi privatament lill-persuni individwali fejn jgħidulhom “naf li mweġġa’ imma hemm bżonn li ningħaqdu għall-ġid tal-partit – jekk ser tivvotta aħseb fija” U jgħidulhom li dejjem kienu pro-Delia waqt li jitfgħu r-ritratti ma’ Bernard Grech li ħadu waqt il-kampanja għall-elezzjoni tal-kap tal-Partit Nazzjonalista.

Fuq kollox, lejlet l-elezzjoni, jiġifieri l-bieraħ, l-MZPN ħareġ press release fejn qal li qatt ma beżgħu jieħdu stand, anke jekk kienu waħidhom. X’iridu jfissru b’dan id-diskors? Iridu jibdlu l-ideali ta’ dan il-Partit? Dak li nista’ ngħid li llum, l-uniku korsijiet ta’ filosofija politika li ħadu dawn iż-żagħżagħ kien miċ-Ċina. Imbagħad meta xi ħadd jgħidilhom li l-Partit Nazzjonalista qed jiġi mibdul f’Partit Marxista jieħdu għalihom.

Leave a Reply