Charles Azzopardi, u mhux ir-Reshuffle, il-veru Inkwiet għall-Partit Laburista

Bħalissa il-media mehdija titkellem fuq ir-reshuffle fil-Gvern ta’ Robert Abela. Iżda l-veru nkwiet għall-Partit Laburista mhux ir-reshuffle jew it-tneħħija ta’ xi ministru jew segretarju parlamentari, iżda r-reżenja ta’ Edward Scicluna minn membru parlamentari. Din ser tiftaħ xenarju ġdid. Din ir-reżenja ser tiġri għaliex Edward Scicluna aċċetta li jagħti s-servizzi tiegħu fil-Bank Ċentrali. Biss din il-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali trid tkun segwita mill-fatt li Edward Scicluna ma jibqax membru fil-Parlament Malti.

Ir-riżenja ta’ Edward Scicluna ser tikkrea problemi serji għall-Partit Laburista. Hu tela’ fuq is-seba’ distrett. Issa fuq dan id-distrett baqa’ tliet kandidati għall-Partit Laburista li mhux eletti. Dawn huma Gavin Gulia, Jeffrey Pullicino Orlando u Charles Azzopardi. Il-media ġa tkellmet dwar il-possibilita’ li Pullicino-Orlando jagħmilha għall-Parlament Malti f’każ ta’ bye-election. Biss dan ma jidhirx li hu l-każ.

Hemm  biża’ kbir fil-Labour Party. Dan għaliex fuq il-karti, jekk ikun hemm bye-election, Gavin Gulia huwa fuq quddiem. Gavin Gulia għandu l-akbar ammont ta’ voti tiegħu fl-ewwel att minn dawn it-tlieta. Iżda min hu familjari mal-proċess ta’ bye-election, jaf li l-voti li jgħoddu f’dan il-każ huma mill-ħames jew is-sitt preferenza ’il quddiem. B’hekk il-kunjom ser jilgħab il-lobgħa tiegħu.

X’ifisser dan kollu? Dan ifisser li mhux bil-fors li Gavin Gulia jagħmilha. Fuq livell distrettwali, il-votanti tas-seba’ distrett ma wrewx fiduċja fih minkejja li kien  ministru tal-Gvern Laburista ta’ bejn  l-1996 u 1998. Dan ifisser li meta l-votanti ġew biex jagħtu l-preferenzi tagħhom, mhux bil-fors li ivvutawlu mill-ħames vot ‘il quddiem. F’dan il-każ kunjomu ma jgħinux. Iċ-ċans hawn huwa li dak li għandu kunjomu jibda bl-ewwel ittra tal-alfabet ser imur aħjar.

B’hekk wara li n-nies għamlu l-għażla tagħhom, iċ-ċans huwa li meta taw il-preferenza mill-ħames kandidati ‘il quddiem, dawn imxew b’mod alfabetiku. Dan ikun ifisser li l-preferenzi jistgħu jmorru għal Charles Azzopardi. Kunjomu jibda’ bl-‘A’. B’hekk huwa għandu ċans ikun fuq quddiem fl-att tal-vot fuq iż-żewġ kandidati l-oħra. Mela dak li qalu ċertu media li Jeffrey Pullicino Orlando jista’ jkun fuq pożizzjoni li jitla’ f’din il-bye-election mhux bil-fors iseħħ. Iċ-ċans huwa li Charles Azzopardi, minħabba kunjomu, jitla’ f’din il-bye-election.

Forsi wieħed jgħid xi problema hawn jekk jitla’ Charles Azzopardi? Il-problema tinsab fil-fatt li Charles Azzopardi kellu nkwiet mal-Partit Laburista. Infakkar li meta kien hemm l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali f’Mejju ta’ 2019, Charles Azzopardi ma tħallix joħroġ bħala kandidat mal-Partit Laburista. Wieħed irid jiftakar li dan kien is-sindku tal-lokalita’ tar-Rabat. Ir-Rabat hu parti mportanti mis-Seba’ distrett.  Dan wassal għal diżgwid kbir bejn Charles Azzopardi u l-Partit Laburista. Minħabba dan id-diżgwid, Charles Azzopardi mar jittessera ruħu mal-Partit Nazzjonalista.  

Jien nista’ inżvela li minħabba din il-kriżi li ser iġġib magħha r-reżenja ta’ Edward Scicluna mill-Parlament kien hemm laqgħa sigrieta f’Kastilja bejn il-Prim Ministru Robert Abela u Charles Azzopardi. Dan minħabba li jekk imorru għal bye-election, il-kandidatura ta’ Charles Azzopardi qed tinkwieta bil-kbir lill-Partit Laburista. Fil-każ li jitla’ fil-Parlament, mhux ċar f’liema naħa ser joqgħod.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista ma jistax imur għal co-option minħabba li Edward Scicluna ġie elett mill-ewwel u mhux tela’ f’bye-election. Mela skont il-liġi elettorali, il-Kummissjoni Elettorali hija obbligata li l-ewwel tiftaħ għan-nomini tal-kandidati, f’dan il-każ, iridu jiġu mill-Partit Laburista. Il-Partit Laburista jista’ jagħmel kif kien ġara fil-każ ta’ Adrian Delia li meta kandidati Nazzjonalisti intrabtu li ma jagħtux in-nomina tagħhom għal bye-election. Din reġgħet ġrat fuq it-Tieni Distrett meta ċeda Joseph Muscat, u minkejja li l-Kummissjoni Elettorali ħarġet is-sejħa għan-nomini, miż-żewġ kandidati li kien fadal, ħadd ma tefa’ n-nomina tiegħu. F’dan il-każ hemm il-biża li Charles Azzopardi jitfa’ n-nomina tiegħu xorta waħda biex jieħdu post Edward Scicluna fil-Parlament.  Fi kliem ieħor ikollna repetizzjoni tas-sitwazzjoni li ġrat fuq id-distrett ta’ Għawdex, meta Ryan Mercieca xorta tefa’ n-nomina tiegħu minkejja l-pressjoni li saret fuqu. B’hekk jekk Charles Azzopardi jitfa’ n-nomina, il-Partit Laburista ma jkunx jista’ jmur għall-co-option. Kif inhuma l-affarijiet, jidher ċar li Charles Azzopardi huwa determinat li jekk Edward Scicluna jirreżenja, kif inhu previst li ser isir, hu ser jitfa’ innomina tiegħu. Bħal issa qed isiru ħafna attentati biex Charles Azzopardi ma jitfax in-nomina tiegħu.

Leave a Reply