Bullying fil-Ħabs fil-Konfront ta’ Yorgen Fenech: Issa anki tar-Repubblika Tkellmu

Matul il-Ġimgħa li għaddiet il-gazzetti rrappurtaw inċident ikrah li seħħ fil-ħabs u lijikkonċerna direttament lil Yorgen Fenech. It-Tnejn li għadda, l-avukat ta’ Yorgen Fenech, Charles Mercieca, mar il-ħabs biex jitkellem mal-klijent tiegħu. Meta l-avukat Mercieca kien fil-meeting ma’ Yorgen Fenech, id-Direttur tal-Ħabs, Alexander Dalli, interrompa l-meeting.  Huwa daħal ma’ tliet gwardji armati u ordna lill-avukat biex ineħħi l-karti li kellu quddiemu. Dak il-ħin l-avukat Mercieca kien qed jiddiskuti mal-klijent tiegħu f’kamra apposta fil-ħabs. Dan il-meeting sar minħabba li l-għada, Yorgen Fenech, kellu sezzjoni quddiem il-qorti ppreseduta mill-Maġistrata Rachel Montebello. L-avukat Mercieca irrifjuta, kif inhu dritt tiegħu, li jagħti dawn il-karti lid-Direttur tal-Ħabs. Id-Direttur insista li l-avukat ried l-ewwel jagħti l-karti lilu personalment biex ikun skenjati.  

Meta l-avukat Mercieca irrifjuta, id-Direttur tal-Ħabs ma riedx jifhem b’xejn u ma riedx iħalli lill-avukat Merciecajiddiskuti dawn il-karti ma’ Yorgen Fenech. Dan l-inċident dam mal-ħames minuti u  kollox seħħ quddiem l-arrestat Yorgen Fenech. L-avukat Mercieca qal li Yorgen Fenech kien emozzjonat ħafna b’dak li ra. Mhux ser nagħtih tort.

Jidher li wara li ħarġu mill-kamra, l-avukat Mercieca mar fl-uffiċju tad-Direttur tal-Ħabs. Dan ġie irrappurtat li beda jħabbat idejh fuq l-iskrivanija u jgħajjat: “I don’t give a damn about anyone, not even the court… I rule here and all must obey me.” “Jien ma jimpurtani minn ħadd, l-anqas mill-qorti… Hawn nikkmanda jien u kulħadd irid jobdi lili”. Fuq kollox, id-direttur tal-Ħabs instama jgħid, li jekk l-avukat ma jgħoġbux ma jersaqx ’l hemm. Dawn ix-xeni kienu jseħħu biss f’ħabsijiet Faxxisti. Wieħed irid jiftakar li Direttur tal-Ħabs huwa funzjonarju pubbliku u ma jistgħax jagħmel regolament b’mod arbitarji kif dan id-direttur qed jagħmel.

Dan wassal biex l-avukati ta’ Yorgen Fenech għamlu protest quddiem il-Qorti. Dan sar quddiem Rachel Montebello. Bir-raġun, l-avukati qalu li l-akkużat huwa taħt arrest. Għalhekk il-kustodja tiegħu ma taqgħax taħt id-Direttur tal-Ħabs iżda tal-Qorti. Fuq kollox, l-avukati għandhom dritt imorru l-ħabs biex jaraw il-klijenti tagħhom mingħajr riserva. Dan ma jgħoddx biss għal Yorgen Fenech iżda għal kull detenut il-ħabs. Dan ifisser li ż-żjajjar mhux ikkondizzjonati mir-regolamenti li jikkonċernaw lil pubbliku li jmur fuq żjajjar il-ħabs. Huma jistgħu jiltaqgħu mal-klijent direttament u ma jistgħax ikun hemm interferenza ta’ l-ebda bejn l-avukat u l-klijent tiegħu fil-ħabs.

Quddiem dawn l-akkużi kollha, nistenna li l-ministru risponsabbli mill-ħabs jiftaħ inkjesta. Ġa għandna każ li hu ppolarizzat u mimli taħwid mill-pulizija f’dan il-każ ta’ Yorgen Fenech. Quddiem din l-evidenza, issa hemm xhieda ċara li l-akkużat qed ikun intimidat u l-avukati tiegħu l-anqas qed jitħallew jaħdmu kif inhu d-dover tagħhom kif suppost. Dan hu bullying li qatt ma hu aċċettabli. Dak li nista’ ngħid li d-difensuri tar-rule of law u good governance ħadu ġimgħa biex jitkellmu. Kien biss illum li r-Repubblika fetħu ħalqhom fuq l-imġieba inaċċettabli tad-Direttur tal-Ħabs. Dak li hu żgur li din l-attitudni ta’ bully mid-Direttur preżenti tal-Ħabs, Alexander Dalli, mhix aċċettabbli.

Leave a Reply