Edwin Vassallo Japoloġizza. Ma kellux għalfejn

Il-paladini tal-rule of Law fil-Partit Nazzjonalista ħaduha qatta’ bħal ħabel kontra Edwin Vassallo għaliex iddeskriva l-pożizzjoni ta’ Helena Dalli bħala waħda Marxista. Helena Dalli kienet irrappurtatha minn Politico, li hu l-ġurnal li jirrapporta aħbarijiet marbuta mal-Unjoni Ewropea, u qalet li dawk li ma jirrispettawx id-dritti tal-LBGTQI, ser jitilfu l-fondi Ewropej.

Jien mhux ser nidħol fil-mertu li jekk Edwin Vassallo kkritikax lil Helena Dalli għaliex hija Maltija u membru tal-Partit Laburista. Għalija seta’ qalu ħaddieħor u mhux kummissarju Malti. Biss Edwin Vassallo għandu raġun li jiddeskrivi dan l-agir bħala Marxizmu fl-aqwa tiegħu. Issa li membru fil-Partit Laburista jieħdu għalihom nifhimha. Iżda li anki fi ħdan il-PN qamu l-akkolti kontra Edwin Vassallo ma nifhimhiex. Il-partiti l-kbar iridu monolit fil-ħsieb fejn tidħol is-sesswalita’ u reproduzzjoni umana.

Il-mudell sesswali li qed tmexxi ’l quddiem Helena Dalli huwa mmexxi minn agenda u ħassieba li fid-dinja akkademika huma deskritti bħala Marxisti. Issa jekk dawn il-ħsibijiet humiex tajbin jew le hija ħaġa oħra. Bħala persuna li ngħallem History of Sexuality fl-Universtia’ ta’ Malta, insib il-ħsibijiet fuq dan is-suġġett tal-ħassieb Franċiż Michel Foucault l-aktar importanti li qatt inkitbu fuq l-istorja tas-sesswalita kemm fuq livell storiku u politiku. Dan kien ħassieb Marxista. Ħassieba oħra kbar li jistgħu jisfidawh fl-intesita’ ta’ ħsieb huma De Sade u professur li kien jgħallem fl-universita tagħna fis-seklu dsatax iżda li ħsibijiet tiegħu qatt ma daħlu fid-dinja tal-punent għax kien jikteb bl-Għarbi. Biss dawn it-tnejn żgur li ma kienux Marxisti.   

Issa, l-ikbar ħabib ta’ Foucault fid-dinja akkademika kien Philippe Aries. Aries kien wieħed mill-fundatur tal-Extreme Right fi Franza. Aries ippubblika ħafna kotba fuq l-istorja tal-familja fi żmien l-imgħoddi.  Fl-opinjoni tiegħi, ix-xogħlijiet ta’ dan l-istoriku u ħassieb jibqgħu xogħlijiet fundamentali.

Id-diskors ta’ Helena Dalli jmur lilhinn mill-qafas akkademiku. Il-problema hawn mhux waħda ta’ rispett. Qatt ma kien hemm xi issue partikolari fuq ir-rispett lejn l-omosesswali.

Il-problema hawn hija waħda li wara l-kelma rispett hemm agenda sesswali li fil-verita’ ma tirrispettax id-diversita’. Il-kelma qed rispett tintuża biex tinħoloq egenomija ta’ ħsieb, biss imbagħad minn jitkellem fuq dan ir-rispett ma jridux huwa juri rispett lejn il-ħsieb ta’ min ma jaqbilx miegħu. Din l-eġenomija ta’ ħsieb fl-Ewropa ser tkun issa aktar imbotta wara li Biden jilħaq il-President tal-Amerika.

Taħt din il-kappa tar-rispett sesswali qegħdin noħonqu l-liberta’. Iwa qegħdin nippruvaw noħolqu uniformita’ ta’ ħsieb. Fl-imgħoddi kellha l-istituzzjonijiet reliġjużi li ppruvaw joħolqu ħsieb wieħed u uniku f’isem it-teoloġija. Dawn fallew. Illum għandha l-Ewropa li qed tipprova tagħmel l-istess f’isem is-sesswalita u ser tfalli wkoll.

Anzi li tgħid li jekk ma segwix il-mudell sesswali li trid illum l-Ewropa ma tieħux fondi Ewropew huwa l-agħar dikjarazzjoni li Kummissarju Ewropew qatt jista’ jagħmel. L-ewwel għaliex il-flus għal dawn il-fondi jinġabru minn kulħadd. Mela meta Kummissarju qed jgħid li mhux ser jagħti dawn il-fondi lil min ma jaqbilx mal-agenda sesswali li huwa jrid imexxi, dan ifisser li sezzjoni tal-popolazzjoni ser tħossha eskluża u iżolata. Bl-istess raġunar, jekk jien ser ikun eskluż minn dawn il-fondi, għala għandi nħallas it-taxxa lill-Ewropa?

Min jistudja l-istorja jaf li kif jiddaħħlu dawn l-elimenti ta’ esklużjoni marbuta mal-flus u taxxi,  jibda l-inkwiet għall-istituzzjoni li ddaħħal dawn il-kunċetti. Dan huwa l-bidu tat-twaqqiegħ ta’ kull imperu. Dak Ewropew mhux eċċeżżjoni. Fuq kollox, huma ħassieba demografiċi Marxisti li jaħsbu li din l-Ewropa ma tantx għandha ħajja twila quddiemha.

Infakkar li dawn il-mudelli ta’ sesswalita ġa ġew imbuttati fid-dinja Kommunista mill-Unjoni Sovjetika. Dawn fallew u l-imperu Sovjetiku waqa’. Kienu mbuttati fid-dinja Roma u skont Gibbon kien waħda mill-kawża tal-waqa’ ta’ dan l-Imperu. Illum l-Unjoni Ewropea qed issir l-Unjoni Sovjetika l-ġdida u bħal ma ġralha l-Unjoni Sovjetika din ukoll ser tikkrolla għaliex demografikament, dawn il-mudelli proposti minn din l-agenda ma jreġġgħux u mhumiex sostenibbli. 

Leave a Reply