Jason Azzopardi ammetta li gideb fuq Carmelo Abela

Jason Azzopardi reġa’ mar fuq Facebook biex jiġġustifika ruħu wara li nqabad fl-ikbar skandlu li politiku Kattoliku u Konservattiv qatt inqabad fih fl-istorja riċenti tal-politika Maltija. Hu mar fuq Facebook u reġa’ għamel epistola li kompla joħroġ li hu politiku giddieb. Lejn l-aħħar tal-post li tella’ fuq Facebook qal hekk:

“Jien lil dak ex-ufficjal tal-Partit Laburista u ex-Ministru Laburista li organizza ‘l hold up tal-2010 tal-HSBC u li qasam flus il-korruzzjoni ma’ Muscat ngħidlu: jien ma nibżax minnek.”

Kemm infakkar li din l-istorja bdiet wara li Jason Azzopardi mar fuq l-istazzjon tar-radju tal-isqfijiet. Għal jiem sħaħ, il-media tal-Knisja bdiet tippreparana għal dan il-programm u qaltilna li Jason Azzopardi ġej fuq dan l-istazzjon tagħha u ser jagħti tagħrif ġdid dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.  Meta mar fuq dan l-istazzjon, is-Sibt 30 ta’ Ottubru, ma qal xejn ġdid  fuq id-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia. Anzi dak li qal kien li Keith Schembri kien qed jgħin lil Yorgen Fenech. B’kumbinazzjoni, jumejn wara kien hemm is-smiegħ tal-inkjesta mill-imħallfin u staqsew dwar dan il-punt lil Silvio Valletta. Issa ma nafx mnejn ġab din l-informazzjoni Jason Azzopardi. Wieħed jistaqsi jekk din ġietx minn gidba li qal xi pulizija lill-imħallfin fil-magħluq waqt din l-inkjesta jew mingħand is-servizz sigriet Malti? Illum nafu li din hija gidba. Dwar dan kelli ċans nikteb fit-tul fi blog ieħor. Biss l-aktar important huwa l-fatt li fuq l-istazzjon tal-Knisja, Jason Azzopardi tkellem ukoll dwar ‘Hold-up’ li kien sar fuq HSBC fl-2010. Hu qal li f’dan il-hold up hemm nvolut ministru attwali tal-Gvern li mhux avukat. Ftit huma l-ministri attwali tal-gvern li mhumiex avukati. Is-swaba kollha daru fuq il-politiku Kattoliku Carmelo Abela.

Wara ftit tan-NET marru jiġru jintervistaw u jistaqsu lil Carmelo Abela jekk hux hu u x’għandu x’jgħid fuq din is-serqa. Ġa kienu kważi għamluh ħati. Kelli ċ-ċans nikteb fit-tul dwar dan ukoll. Issa Jason Azzopardi nqabad li mar fuq l-istazzjon tal-Knisja biex jigdeb fuq Carmelo Abela. Qed ngħid hekk għaliex f’dan il-messaġġ li għamel biex jiġġustifika l-adulterju kontra martu, ma semma mkien li hemm ministru attwali tal-gvern li mhux avuktat involut f’dan il-hold up meta reġa’ tkellem dwaru. Din id-darba, Jason Azzopardi li dan il-politiku huwa ex-ministru. Mela ma jistax ikun Carmelo Abela jew xi ministru ieħor. Mela din hija prova oħra li Jason Azzopardi mar fuq l-istazzjon tal-isqfijiet biex jigdeb fuq in-nies, b’mod impliċitu fuq il-politiku Kattoliku Carmelo Abela.

Wieħed jistenna aktar serjeta minn politiku Nazzjonalista. Jekk għandu nformazzjoni joħroġha u jgħid il-persuna min hi b’isem u mhux imur fuq l-istazzjon tal-Knisja jew fuq il-Facebook personali tiegħu u joqgħod jispekula fuq in-nies mingħajr ma jgħid minn huma u jigdeb fuqhom.

Leave a Reply