Il-Ħadd: Jum għall-Familja jew Jum Bħal Kull Ieħor?

Minn Osservatur Politiku

Darba, il-Ħadd f’Malta kellu ritmu differenti. Kien jum li fih il-ħajja kienet tnaqqas ftit mill-pass tagħha. Kien hemm il-quddiesa, il-familja miġbura madwar il-mejda, iż-żjara lin-nanniet, ikla twila li ma kinitx tiddependi fuq l-arloġġ u wara nofsinhar li seta’ jgħaddi mingħajr pjan partikolari.

Illum, il-Ħadd għadu hemm fuq il-kalendarju. Imma l-mistoqsija hija jekk għadux għandu l-istess tifsira.
Is-soċjeta’ Maltija nbidlet. Il-ħajja saret aktar mgħaġġla, aktar impenjattiva u f’ħafna każijiet aktar għalja. Il-familji għandhom impenji differenti, il-ġenituri jaħdmu, it-tfal għandhom l-attivitajiet tagħhom, u ħafna nies għandhom skedi li ma jibqgħux jieqfu anki meta jasal il-Ħadd.

Forsi għalhekk għandna nagħmlu waqfa u nistaqsu: x’post għandu jkollu l-Ħadd fil-ħajja tagħna?

Mhux qed nitkellmu biss dwar reliġjon jew tradizzjoni. Qed nitkellmu dwar il-ħtieġa umana li nieqfu ftit. Li jkollna ġurnata fejn ma nkunux kontinwament niġru minn post għal ieħor. Ġurnata fejn il-familja tkun tista’ tiltaqa’ mhux għax hemm xi obbligu, iżda sempliċement għax hemm ħin.
Il-Ħadd jista’ jkun wieħed mill-ftit spazji li għad fadal fejn il-familja Maltija tista’ terġa’ ssib lilha nnifisha. Imma mhux faċli.

Għal ħafna familji, il-Ħadd sar ġurnata bħal kull ġurnata oħra. Xi ħadd ikun irid jaħdem. Ieħor ikollu attivita’. It-tfal ikollhom sport jew xi impenn ieħor. Il-ġenituri jippruvaw isibu ħin biex jagħmlu x-xirja, inaddfu d-dar, jippreparaw għall-ġimgħa li ġejja u forsi jieħdu ftit mistrieħ. U hekk jgħaddi l-Ħadd.

Wieħed jista’ jgħid li dan huwa l-prezz tal-ħajja moderna. U sa ċertu punt għandu raġun. Mhux kulħadd għandu l-istess ċirkustanzi. Hemm ħaddiema fis-servizzi, fis-saħħa, fit-trasport, fl-ospitalita’ u f’ħafna setturi oħra li ma jistgħux sempliċement jagħlqu kollox nhar ta’ Ħadd. Għalhekk ma għandniex niddealizzaw passat li forsi qatt ma kien perfett.

Imma hemm differenza bejn li s-soċjeta’ tinbidel u li titlef kompletament il-ħin għall-familja. Il-problema mhijiex li xi ħadd jaħdem nhar ta’ Ħadd. Il-problema tkun meta l-ħajja kollha tagħna ma tibqax tagħtina spazju biex inkunu flimkien. U din hija kwistjoni li għandha tolqotna lkoll.

Għax il-familja ma tissaħħaħx biss b’kliem sabiħ. Tissaħħaħ bil-ħin. Tfal ma jiftakruhx kemm kellhom affarijiet materjali. Ħafna drabi jiftakru l-ħin li qattgħu mal-ġenituri tagħhom. In-nanniet ma għandhomx bżonn biss telefonata. Għandhom bżonn żjara, konversazzjoni, tazza kafe’ flimkien. U l-ġenituri wkoll għandhom bżonn jieqfu.
F’soċjeta’ fejn kollox sar urġenti, il-Ħadd jista’ jkun tfakkira li mhux kollox irid isir illum.

Hemm ukoll dimensjoni soċjali. Il-Ħadd tradizzjonalment kien jum li jgħaqqad lill-komunità. Il-pjazza, il-knisja, il-festa tal-lokalità, iż-żjara lill-familjari, il-logħob tat-tfal fit-triq jew sempliċement il-konversazzjoni mal-ġirien kienu jagħmlu parti minn ħajja fejn il-komunita’ kienet aktar preżenti.
Illum, minkejja li għandna aktar mezzi ta’ komunikazzjoni minn qatt qabel, ħafna drabi nħossuna aktar ’il bogħod minn xulxin.

Għandna smartphones, imma forsi inqas konversazzjonijiet. Għandna social media, imma forsi inqas żjarat. Nistgħu nibagħtu messaġġ f’sekonda lil persuna fuq in-naħa l-oħra tad-dinja, iżda kultant insibuha diffiċli nsibu siegħa biex noqogħdu bilqiegħda ma’ xi ħadd li jgħix fl-istess dar.

Forsi hawnhekk il-Ħadd jista’ jerġa’ jkollu rwol. Mhux bħala obbligu. Mhux bħala ritorn artifiċjali għall-passat. Imma bħala għażla. Għażla li għal ġurnata waħda nnaqqsu l-pass. Għażla li nieklu flimkien. Għażla li nżuru lil xi ħadd li ilu ma narawhiex. Għażla li mmorru mixja mal-familja mingħajr ma jkollna bżonn nirreġistrawha fuq xi app. Għażla li npoġġu t-telefon fuq il-ġenb. Għażla li nitkellmu. Din mhijiex kwistjoni ta’ nostalġija. Hija kwistjoni ta’ kwalita’ tal-ħajja.

Forsi għandna nistaqsu wkoll x’tip ta’ pajjiż irridu nibnu. Jekk irridu soċjeta’ li tkejjel kollox bil-produzzjoni, bil-konsum, bil-ħin tax-xogħol u bil-flus, nistgħu faċilment ninsew li hemm affarijiet li ma jidhrux fil-kontijiet ekonomiċi.

Il-ħin mal-familja ma jidħolx fil-PGD. Żjara lin-nanna ma żżidx il-produttivita’. Ikla ma’ uliedek ma toħloqx investiment finanzjarju. Imma dawn huma affarijiet li jagħtu sens lill-ħajja.

Pajjiż jista’ jkun ekonomikament b’saħħtu u xorta jkollu nies għajjenin, familji li ma jsibux ħin għal xulxin u komunitajiet li qed jitilfu l-għaqda tagħhom. Għalhekk, forsi l-mistoqsija mhijiex jekk il-Ħadd għadux jum għall-familja. Il-mistoqsija vera hija jekk aħna għadniex nemmnu li l-familja għandha bżonn jum bħal dan.

Forsi ma rridux nerġgħu ngħixu eżatt kif konna ngħixu għexieren ta’ snin ilu. U forsi lanqas huwa possibbli. Imma nistgħu nagħżlu x’irridu nżommu mill-passat. Nistgħu nżommu l-valur tal-ħin flimkien. Nistgħu nżommu l-idea li mhux kull siegħa trid tkun produttiva. Nistgħu nżommu l-konvinzjoni li l-familja mhijiex biss grupp ta’ nies li jgħixu fl-istess dar, iżda relazzjoni li trid tiġi mrawma. U nistgħu nżommu l-Ħadd bħala tfakkira sempliċi ta’ dan kollu.

Għax il-ġimgħa terġa’ tibda nhar it-Tnejn. Ix-xogħol jerġa’ jibda. It-traffiku jerġa’ jimtela. Il-laqgħat, l-iskola, l-impenji u l-problemi jerġgħu jieħdu posthom. Imma qabel ma jibda kollox mill-ġdid, forsi għandna bżonn ġurnata waħda biex niftakru għal min qed nagħmlu dan kollu.

Il-Ħadd jista’ ma jkunx perfett. Imma forsi għad għandu valur. U forsi, f’Malta li qed tiġri dejjem aktar malajr, għandna bżonn nerġgħu nitgħallmu nieqfu ftit. Mhux għax il-passat kien aħjar. Imma għax il-ħin li nqattgħu flimkien illum jista’ jkun l-aktar wirt prezzjuż li nħallu lil uliedna għada.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading