Malta tal-2050: Se Nkunu Lesti għal Popolazzjoni li Qed Tixjieħ?

Minn Osservatur Politiku

Hemm bidliet li jseħħu bil-mod, tant bil-mod li faċli ma nindunawx bihom. Imma meta nħarsu lejn dak li jista’ jkun qed jiġri fl-Ewropa sal-2050, insibu bidla li se taffettwa kważi kull aspett tal-ħajja tagħna: ix-xogħol, il-pensjonijiet, is-saħħa, il-familja, l-ekonomija u l-finanzi pubbliċi.

Skont rapport ġdid tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-trasformazzjoni demografika, sal-2050 kważi persuna waħda minn kull tlieta fl-Unjoni Ewropea se jkollha 65 sena jew aktar. Illum din il-proporzjon hija madwar persuna waħda minn kull ħamsa. Fl-istess waqt, il-popolazzjoni tal-UE mistennija tonqos minn madwar 451.8 miljun persuna fl-2025 għal madwar 445 miljun fl-2050.

Din mhijiex sempliċement statistika demografika. Hija bidla fundamentali fis-soċjeta’ Ewropea.

L-Ewropa qed tgħix aktar. Dan fih innifsu huwa suċċess kbir taċ-ċivilta’ tagħna. Progress fil-mediċina, standards ta’ għajxien aħjar u kundizzjonijiet soċjali aħjar wasslu biex in-nies jgħixu ħajja itwal. Il-problema mhijiex li qed ngħixu aktar. Il-problema hija li qed ikollna inqas tfal biex jieħdu post il-ġenerazzjonijiet li qed jixjieħu.

Fl-2024, ir-rata tal-fertilita’ fl-Unjoni Ewropea niżlet għal 1.34 wild għal kull mara, l-inqas livell minn meta bdew jinġabru dawn id-data għall-UE fl-2001. Il-livell meqjus meħtieġ biex popolazzjoni żżomm ruħha stabbli mingħajr fatturi oħra huwa madwar 2.1.

U Malta għandha raġuni partikolari għalfejn tieħu dan is-suġġett bis-serjeta’. Fl-2024, Malta kellha l-inqas rata ta’ fertilita’ fl-Unjoni Ewropea, b’1.01 wild għal kull mara. Fl-istess sena, il-medjan tal-eta’ f’Malta kien 40 sena, u minkejja li dan għadu fost l-inqas fl-UE, il-popolazzjoni tagħna wkoll qed tixjieħ. Għal Malta, għalhekk, il-mistoqsija mhijiex jekk din il-bidla hix ġejja. Il-mistoqsija hija jekk aħniex nippreparaw għaliha.

L-ewwel sfida hija s-suq tax-xogħol. Jekk ikollna inqas nies ta’ eta’ tax-xogħol u aktar persuni rtirati, min se jagħmel ix-xogħol? Min se jħallas it-taxxi? Min se jiffinanzja l-pensjonijiet? Min se jieħu ħsieb l-anzjani?

Il-Kummissjoni Ewropea diġa’ qed tidentifika n-nuqqas ta’ ħaddiema bħala waħda mill-isfidi ewlenin li ġġib magħha l-bidla demografika.

Dan ifisser li l-mudell ekonomiku li jiddependi kontinwament fuq aktar nies fis-suq tax-xogħol ma jistax jibqa’ l-unika risposta.

Għal snin sħaħ, Malta bniet parti kbira mit-tkabbir tagħha fuq żieda fil-popolazzjoni u fuq aktar ħaddiema. Dan kellu benefiċċji ekonomiċi ċari. Imma jekk il-problema fl-Ewropa hija li se jkollna inqas persuni fl-eta’ tax-xogħol, ma nistgħux nibqgħu naħsbu li r-risposta għal kull nuqqas ta’ ħaddiema hija sempliċement li nżidu n-numru ta’ nies.
Irridu nibdew nitkellmu ħafna aktar dwar il-produttivita’. Jekk ikollna inqas ħaddiema, kull ħaddiem irid ikun jista’ joħloq aktar valur. Dan ifisser investiment fl-edukazzjoni, fit-taħriġ, fit-teknoloġija, fl-intelliġenza artifiċjali, fid-diġitalizzazzjoni u fl-innovazzjoni.

L-għan m’għandux ikun li jkollna aktar nies jaħdmu biex inżommu l-istess mudell. L-għan għandu jkun li noħolqu ekonomija li tipproduċi aktar valur b’mod aktar effiċjenti. Dan huwa l-qalba tal-bidla li Malta għandha bżonn.
Iżda l-isfida mhijiex biss ekonomika. Hija wkoll soċjali.

Popolazzjoni li qed tixjieħ tfisser aktar domanda għas-servizzi tas-saħħa, għall-kura fit-tul u għall-appoġġ soċjali. Tfisser ukoll aktar pressjoni fuq il-baġit pubbliku. Jekk in-numru ta’ pensjonanti jiżdied filwaqt li jonqos in-numru ta’ nies li jaħdmu u jħallsu kontribuzzjonijiet u taxxi, is-sostenibbilta’ tas-sistema tal-pensjonijiet issir kwistjoni dejjem aktar importanti.

U hawnhekk irridu nkunu onesti. Ma nistgħux inwegħdu kollox lil kulħadd illum u nħallu l-kont għal għada. Kull ewro li tonfoq il-Gvern illum għandu konsegwenza fuq il-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Kull deċiżjoni dwar pensjonijiet, saħħa, kura tal-anzjani u benefiċċji soċjali trid tħares mhux biss lejn il-ħtiġijiet tal-lum, iżda wkoll lejn il-kapaċita’ tal-pajjiż li jħallas għalihom għada.

Madankollu, popolazzjoni li qed tixjieħ m’għandhiex titqies biss bħala problema. L-anzjani mhumiex piż fuq is-soċjeta’. Huma parti integrali minnha. Ħafna minnhom għandhom esperjenza, għarfien u ħiliet li jistgħu jibqgħu jagħtu kontribut għal ħafna snin wara l-eta’ tradizzjonali tal-irtirar.
Għalhekk għandna nikkunsidraw ukoll kif nistgħu nżidu l-parteċipazzjoni ta’ persuni anzjani li jixtiequ jibqgħu jaħdmu, b’aktar flessibbilta’ u b’kundizzjonijiet li jirrispettaw l-eta’ u l-bżonnijiet tagħhom.

Fl-istess waqt irridu niffaċilitaw il-ħajja ta’ dawk li għandhom il-familja. Jekk irridu li l-Ewropej u l-Maltin ikollhom aktar tfal, ma nistgħux sempliċement ngħidulhom biex ikollhom aktar tfal. Irridu noħolqu ambjent fejn il-familja tkun kompatibbli max-xogħol, fejn l-akkomodazzjoni tkun aċċessibbli, fejn childcare ta’ kwalità jkun disponibbli u fejn koppja żagħżugħa ma tħossx li jkollha tagħżel bejn karriera u familja.

Din hija wkoll kwistjoni ta’ għażla. Il-politika demografika m’għandhiex tindaħal fid-deċiżjonijiet personali tan-nies. Iżda l-Istat jista’ jneħħi ostakli li jagħmlu l-ħajja tal-familji aktar diffiċli.

Għax il-bidla demografika qed iġġiegħel lill-Ewropa tistaqsi x’tip ta’ ekonomija u x’tip ta’ soċjeta’ trid tkun fil-futur. Għal Malta, din il-mistoqsija hija saħansitra aktar urġenti.
Ma nistgħux nibqgħu nibnu ekonomija li teħtieġ dejjem aktar nies, aktar konsum u aktar espansjoni biex tikber. Irridu nibnu ekonomija li tkun aktar produttiva, aktar innovattiva u aktar sostenibbli.

L-Ewropa tal-2050 mhux se tkun l-Ewropa tal-lum. Se tkun Ewropa b’aktar anzjani, inqas tfal u pressjonijiet akbar fuq is-suq tax-xogħol u fuq il-finanzi pubbliċi.

Imma l-futur mhuwiex predestinat. Jekk nibdew nippreparaw illum, nistgħu nibdlu sfida f’opportunita’. Nistgħu nibnu sistemi ta’ saħħa u kura aktar effiċjenti, nagħtu lill-ħaddiema ħiliet ġodda, ninvestu fit-teknoloġija, nappoġġjaw il-familji u noħolqu ekonomija li ma tiddependix biss fuq il-kwantita’ tan-nies iżda fuq il-kwalita’ tal-valur li noħolqu.

L-akbar żball ikun li nistennew sal-2050 biex nindunaw li kellna nibdew naħsbu dwar l-2050 ħafna qabel. Il-futur demografiku ta’ Malta mhux xi ħaġa li se jiġri lil xi ħadd ieħor. Huwa l-futur ta’ uliedna. U l-mod kif nippreparaw għalih illum se jiddetermina x’tip ta’ pajjiż se jirtu għada.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading