Il-Bżonn ta’ Skejjel Tekniċi sa minn Eta’ Żgħira

Minn Osservatur Politiku
Waħda mill-akbar sfidi li qed tiffaċċja Malta llum mhijiex biss kif inkomplu nkabbru l-ekonomija, iżda kif niżguraw li jkollna n-nies bil-ħiliet meħtieġa biex isostnuha. Għal snin twal il-pajjiż iffoka fuq il-ħolqien tal-impjiegi u fuq it-tkabbir ekonomiku. Illum, iżda, il-mistoqsija nbidlet. M’għadhiex jekk hemmx xogħol, iżda jekk għandniex biżżejjed persuni mħarrġa biex jagħmluh.
Kważi kull settur tal-ekonomija qed jesperjenza l-istess diffikulta. Il-manifattura qed tfittex tekniċi u inġiniera. Is-settur diġitali għandu bżonn programmaturi, esperti taċ-ċibersigurta’ u analisti tad-data. Il-kostruzzjoni qed tfittex nies bi kwalifiki tekniċi. Is-saħħa għandha nuqqas ta’ infermiera, carers u professjonisti oħra. L-industrija marittima, l-avjazzjoni, is-servizzi finanzjarji u l-industriji kreattivi kollha qed ifittxu ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati.
Il-problema mhijiex biss in-nuqqas ta’ ħaddiema. Hija n-nuqqas ta’ ħaddiema bil-ħiliet it-tajba. Dan iqajjem mistoqsija fundamentali. Is-sistema edukattiva tagħna qed tipprepara liż-żgħażagħ għar-realtajiet tas-suq tax-xogħol tal-lum u ta’ għada?
Għandna nirrikonoxxu li f’dawn l-aħħar snin saru investimenti importanti fl-edukazzjoni. Kibru l-opportunitajiet fit-tagħlim vokazzjonali, żdiedu l-korsijiet tekniċi u żviluppaw istituzzjonijiet li joffru taħriġ f’oqsma differenti. Dawn huma passi fid-direzzjoni t-tajba. Imma dawn il-korsijiet qed jibdew minn etajiet avvanzati.
Madankollu, il-bidliet fl-ekonomija qed iseħħu b’pass ferm aktar mgħaġġel minn dak li bih qed jinbidel il-mod kif nippreparaw lill-istudenti. Għandna bżonn nibdew ngħallmu dawn il-ħiliet minn etajiet iċken.
L-intelliġenza artifiċjali, l-awtomazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda qed ibiddlu l-mod kif jaħdmu kważi l-professjonijiet kollha. Ħafna mill-impjiegi li se jkunu l-aktar mitluba fi żmien għaxar snin għadhom lanqas biss jeżistu fil-forma li nafu llum. Dan ifisser li l-edukazzjoni ma tistax tibqa’ tiffoka biss fuq il-konoxxenza. Trid tgħallem ukoll il-kapaċita’ li wieħed jitgħallem kontinwament.
Il-ħaddiem tal-futur mhux se jitgħallem professjoni waħda għal ħajtu kollha. Ikollu jadatta, jitħarreġ mill-ġdid u jaġġorna l-ħiliet tiegħu diversi drabi matul il-karriera tiegħu. Dan jagħmel it-tagħlim tul il-ħajja essenzjali.
Aspett ieħor importanti huwa r-relazzjoni bejn l-iskejjel u l-industrija.
Spiss nisimgħu lil min jimpjega jgħidu li gradwat ikollu kwalifiki akkademiċi tajbin iżda jkun nieqes mill-esperjenza prattika. Min-naħa l-oħra, studenti jgħidu li jispiċċaw il-kors tagħhom mingħajr ma jkunu jafu tassew x’jistennihom fid-dinja tax-xogħol. Din il-qasma trid tonqos.
L-industrija għandha tkun involuta aktar fit-tfassil tal-kurrikuli. Il-programmi edukattivi għandhom jiġu aġġornati b’mod regolari skont il-ħtiġijiet reali tas-suq. Apprentistat, placements u kollaborazzjoni diretta mal-kumpaniji għandhom isiru parti naturali mill-esperjenza edukattiva. Għandna naraw li tfal li jridu jitgħallmu sengħa minn eta’ żgħira jkunu mħeġġa u jkollhom skejjel apposta għalihom.
Pajjiżi li rnexxielhom inaqqsu d-distakk bejn l-edukazzjoni u x-xogħol investew ħafna fis-sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali u tekniku. F’Malta għad hemm ċertu preġudizzju li jqis l-edukazzjoni akkademika bħala superjuri għal dik vokazzjonali. Din hija mentalita’ li għandha tinbidel.
Tekniku tajjeb, electrician kwalifikat, machinist, welder, plumber jew operatur ta’ magni avvanzati huma professjonijiet ta’ valur kbir. Mingħajrhom, ħafna fabbriki u industriji sempliċement ma jistgħux joperaw.
L-istess jgħodd għall-industrija tal-manifattura. Għal ħafna snin kienet is-sinsla tal-ekonomija Maltija u għadha timpjega eluf ta’ persuni. Illum il-manifattura m’għadhiex dik ta’ qabel. Fabbriki moderni jużaw robots, sistemi diġitali u produzzjoni ta’ preċiżjoni għolja. Dan jitlob ħaddiema b’livell tekniku ferm ogħla.
Meta dawn il-ħiliet ma jkunux disponibbli lokalment, il-kumpaniji jkollhom ifittxuhom barra minn Malta. Dan wassal biex ħafna negozji jiddependu dejjem aktar fuq ħaddiema barranin. Dawn taw kontribut importanti lill-ekonomija, iżda ma jistgħux ikunu s-soluzzjoni permanenti għal kull nuqqas ta’ ħiliet. L-ewwel prijorita’ għandha tibqa’ dejjem li nippreparaw liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin għall-opportunitajiet li toffri l-ekonomija.
Hemm ukoll il-kwistjoni tal-orjentazzjoni tal-karriera. Ħafna studenti jagħżlu kors mingħajr ma jkunu jafu x’inhi d-domanda reali fis-suq tax-xogħol. Għalhekk hemm bżonn aktar gwida professjonali, ibbażata fuq data u analiżi tas-suq, biex iż-żgħażagħ jagħmlu għażliet aktar infurmati.
Il-ħiliet li qed ifittxu min jimpjega mhumiex biss tekniċi. Qed jikber ukoll il-bżonn ta’ ħaddiema li jafu jaħdmu f’tim, isolvu problemi, jikkomunikaw tajjeb, jadattaw għall-bidla u jieħdu inizjattiva. Dawn l-hekk imsejħa “soft skills” qed isiru importanti daqs il-kwalifiki tekniċi. L-edukazzjoni trid tagħti importanza wkoll lil dawn il-ħiliet.
Fl-istess ħin irridu nħarsu ‘l quddiem. L-ekonomija Maltija trid tkompli tattira investiment ta’ kwalita’ għolja. Iżda investitur se jħares mhux biss lejn it-taxxi jew l-infrastruttura. Se jistaqsi wkoll: hemm biżżejjed talent disponibbli? Jekk it-tweġiba tkun le, ikun aktar diffiċli nattiraw industriji ġodda.
Għalhekk l-edukazzjoni mhijiex biss politika soċjali. Hija politika ekonomika.
Kull ewro investit fit-taħriġ u fl-iżvilupp tal-ħiliet huwa investiment fil-produttivita’, fil-pagi u fil-kompetittivita’ tal-pajjiż. Il-futur ekonomiku ta’ Malta mhux se jiddependi biss minn kemm ikollna nies jaħdmu, iżda minn kemm dawk in-nies ikunu kapaċi joħolqu valur. Dan huwa l-pass li jmiss fl-iżvilupp ekonomiku tagħna.
Jekk irridu ekonomija aktar b’saħħitha, pagi aħjar u kwalita’ ta’ ħajja ogħla, irridu nibdew billi nsaħħu l-ħiliet tan-nies tagħna sa minn eta’ żgħira.
L-industrija, l-edukazzjoni u l-Gvern għandhom jaħdmu flimkien fuq viżjoni waħda. Mhux biex inwieġbu għan-nuqqasijiet tal-lum biss, iżda biex nippreparaw għall-ħtiġijiet ta’ għada. Għax l-aktar riżorsa importanti li għandu pajjiż żgħir bħal Malta mhijiex l-art, il-bini jew il-kapital. Huma n-nies tiegħu. U jekk ninvestu fil-ħiliet tagħhom illum, inkunu qed ninvestu fil-prosperita’ ta’ Malta għal ħafna snin li ġejjin.
