Il-Fiduċja fl-Ekonomija Tibda minn Finanzi Sodi u Governanza Tajba

Minn Osservatur Politiku

Il-fiduċja fl-ekonomija ma tinbeniex biss fuq rati ta’ tkabbir jew fuq kemm jinħolqu impjiegi. Tinbena wkoll fuq il-mod kif jitmexxa l-pajjiż, kif jintefqu l-flus pubbliċi u kemm in-negozji u l-investituri jistgħu jippjanaw il-futur tagħhom b’serħan il-moħħ. Ekonomija tista’ tikber għal xi żmien, iżda jekk it-tkabbir ma jkunx sostnut minn finanzi pubbliċi sodi, regoli ċari u istituzzjonijiet li jaħdmu b’responsabbilta’, il-pedamenti tagħha jibdew jiddgħajfu.
Għalhekk, il-finanzi pubbliċi u l-governanza tajba mhumiex kwistjonijiet tekniċi li jinteressaw biss lill-ekonomisti jew lill-Ministeru tal-Finanzi. Huma jolqtu direttament lil kull familja, lil kull negozju u lil kull persuna li tħallas it-taxxi. Kull deċiżjoni dwar nefqa, kull wegħda ta’ investiment u kull impenn finanzjarju tal-Gvern għandu jkollhom ġustifikazzjoni ċara: kemm se jiswew, kif se jiġu ffinanzjati u x’benefiċċju se jħallu fit-tul.
Il-finanzi pubbliċi sodi ma jfissrux li Gvern għandu jieqaf jinvesti jew li għandu jnaqqas kull nefqa. Ifissru li l-flus għandhom jintużaw skont prijoritajiet, b’responsabbilta’ u b’għarfien tal-konsegwenzi. Hemm differenza bejn dejn li jintuża biex tinbena infrastruttura li sservi lill-ġenerazzjonijiet futuri u nefqa li tħalli biss benefiċċju temporanju. It-tnejn għandhom spiża, iżda mhux neċessarjament l-istess valur għall-pajjiż.
Il-Gvern għandu d-dmir li jħares mhux biss lejn il-ħtiġijiet tal-lum, iżda wkoll lejn il-kapaċita’ ta’ Malta li tiffinanzja s-servizzi tagħha għada. Il-popolazzjoni li qed tikber, il-ħtiġijiet tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-pensjonijiet, l-enerġija u l-infrastruttura joħolqu obbligi finanzjarji li ma jistgħux jiġu injorati. Deċiżjoni li tidher faċli llum tista’ ssir piż fuq il-baġits ta’ snin oħra. Għalhekk kull impenn pubbliku għandu jiġi evalwat mhux biss skont il-popolarita’ tiegħu, iżda skont kemm il-pajjiż jiflaħ għalih u x’benefiċċju fit-tul se joħloq.
Dan iwassalna għall-importanza tal-prevedibbilta’. L-investituri, kemm Maltin kif ukoll barranin, jeħtieġu ambjent fejn ir-regoli jkunu ċari, stabbli u applikati b’mod konsistenti. Negozju ma jistax jieħu deċiżjonijiet serji dwar investiment, impjiegi jew espansjoni jekk ma jkunx jaf x’regoli se jsib quddiemu. Meta l-politika tinbidel mingħajr konsultazzjoni jew meta d-deċiżjonijiet jidhru li jiddependu miċ-ċirkostanzi jew minn min ikun involut, tinħoloq inċertezza li tista’ żżomm lura l-investiment.
Dan ma jfissirx li l-liġijiet u r-regolamenti qatt ma għandhom jinbidlu. L-ekonomija tevolvi u l-Gvern għandu jaġġorna l-politika tiegħu meta jkun hemm bżonn. Iżda l-bidliet għandhom ikunu ppjanati, spjegati u implimentati b’mod li jagħti lin-negozji żmien biex jadattaw. Il-prevedibbilta’ mhijiex privileġġ għall-investitur; hija kundizzjoni biex l-investiment ikun jista’ joħloq impjiegi, innovazzjoni u valur miżjud.
Fl-istess waqt, għandna nitkellmu dwar il-kompetizzjoni ġusta. In-negozji kollha għandhom ikunu jistgħu jikkompetu fuq il-kwalita’, l-effiċjenza, l-innovazzjoni u s-servizz li joffru. Ma għandux ikun hemm min jibbenefika minn relazzjonijiet, trattament preferenzjali jew aċċess li ma jkunx disponibbli għal oħrajn. Meta l-kompetizzjoni ma tkunx ġusta, ibatu n-negozji li jimxu mar-regoli, l-impjegati tagħhom u fl-aħħar nett il-konsumaturi.
Governanza tajba tfisser li d-deċiżjonijiet pubbliċi jittieħdu b’trasparenza, b’kriterji oġġettivi u b’kontabbilta’. Kuntratti pubbliċi għandhom jingħataw permezz ta’ proċessi ġusti u kompetittivi. L-awtoritajiet għandhom jaħdmu b’indipendenza u jkunu responsabbli għad-deċiżjonijiet tagħhom. Il-Parlament u l-pubbliku għandhom ikollhom aċċess għall-informazzjoni meħtieġa biex jifhmu kif qed jintużaw ir-riżorsi nazzjonali.
It-taxpayer għandu wkoll dritt leġittimu li jistenna valur għall-flus tiegħu. Il-flus tal-Gvern mhumiex flus bla sid. Huma ġejjin mit-taxxi u mill-kontribuzzjonijiet ta’ nies li jaħdmu, ta’ familji u ta’ negozji. Għalhekk, kull ewro li jintefaq għandu jkun jista’ jiġi ġġustifikat. Mhuwiex biżżejjed li proġett jitlesta jew li skema titħabbar. Irridu nkunu nafu jekk il-proġett laħaqx l-għan tiegħu, jekk l-ispiża kinitx raġonevoli u jekk il-benefiċċju miksub kienx proporzjonat mal-investiment.
Dan jitlob aktar minn verifika tal-kontijiet. Jeħtieġ evalwazzjoni tar-riżultati. Jekk jinbena bini pubbliku, irridu nkejlu jekk hux qed jintuża kif ippjanat. Jekk isir investiment fit-trasport, irridu naraw jekk naqqasx il-ħin tal-vjaġġ. Jekk tingħata għajnuna lin-negozji, irridu neżaminaw jekk wasslitx għal aktar produttivita’, impjiegi aħjar jew esportazzjoni. Il-kejl għandu jkun fuq dak li nkiseb, mhux biss fuq dak li ntefaq.
Bħala Oppożizzjoni, nemmen li kull impenn tal-Gvern għandu jkun suġġett għal mistoqsijiet sempliċi iżda fundamentali: nistgħu nifilħu għalih? Huwa meħtieġ? X’se jkun il-benefiċċju tiegħu għall-pajjiż? U min se jkun responsabbli jekk ir-riżultati ma jintlaħqux? Dawn il-mistoqsijiet mhumiex ostaklu għall-iżvilupp. Huma l-garanzija li l-iżvilupp ikun sostenibbli u li l-flus pubbliċi ma jinħlewx.
Malta teħtieġ ekonomija li toħloq opportunitajiet, tattira investiment u tgħin lin-negozji jikbru. Iżda dan ma jistax iseħħ mingħajr fiduċja. Fiduċja li r-regoli japplikaw għal kulħadd, li l-kompetizzjoni hija ġusta, li l-istituzzjonijiet jaħdmu b’integrita’ u li l-flus tat-taxpayer jintużaw bil-għaqal.
Il-finanzi pubbliċi sodi u l-governanza tajba mhumiex għan fihom infushom. Huma l-pedament ta’ pajjiż li jista’ jinvesti fil-futur mingħajr ma jgħabbi lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Għax ir-responsabbilta’ ta’ Gvern mhijiex biss li jwiegħed aktar, iżda li jiżgura li kull wegħda tkun tista’ titwettaq u tħalli benefiċċju li jdum.

Leave a Reply