Jekk il-finanzi pubbliċi huma b’saħħithom, għaliex il-Gvern qed jitkellem dwar l-issikkar taċ-ċinturin?

Minn Osservatur Politiku

Meta Gvern jibqa’ jgħid li l-ekonomija sejra tajjeb u li l-finanzi pubbliċi huma b’saħħithom, iżda fl-istess waqt il-Ministru għall-Finanzi jitkellem dwar il-ħtieġa li jiġu aġġustati l-prijoritajiet u li wieħed joqgħod attent fejn jonfoq, ikun hemm mistoqsija li jistħoqqilha tweġiba ċara. Jekk tassew għandna finanzi b’saħħithom, għaliex wasalna f’punt fejn il-Gvern irid jerġa’ jikkunsidra kif se juża l-flus tiegħu?
Din mhijiex mistoqsija maħsuba biex tinħoloq allarm jew biex tiġi miċħuda kull ħaġa pożittiva li tista’ tkun qed isseħħ fl-ekonomija. Hija mistoqsija dwar il-kredibbilta’, it-trasparenza u r-responsabbilta’. Għax il-qagħda finanzjarja ta’ pajjiż ma titkejjilx biss b’dak li jgħid il-Gvern dwar it-tkabbir ekonomiku, iżda wkoll bil-kapaċita’ tiegħu li jiffinanzja l-prijoritajiet tiegħu mingħajr ma jpoġġi piż dejjem akbar fuq il-futur.
Il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, qal li l-Gvern irid jaġġusta l-prijoritajiet tiegħu biex ikun jista’ jiffinanzja s-sussidji filwaqt li jżomm id-defiċit taħt it-tlieta fil-mija. Din id-dikjarazzjoni għandha sinifikat politiku u ekonomiku importanti. Jekk il-Gvern irid jagħmel għażliet ġodda dwar kif jonfoq il-flus, allura jidher ċar li r-riżorsi tiegħu mhumiex bla limitu. U jekk ir-riżorsi huma limitati, il-pajjiż għandu dritt ikun jaf għaliex wasalna f’din is-sitwazzjoni u liema prijoritajiet se jkollhom jitnaqqsu, jiġu posposti jew jitħallew barra.
Il-problema mhijiex li Ministru tal-Finanzi jitkellem b’kawtela. Fil-fatt, kawtela bħal din għandha tkun parti mir-responsabbilta’ ta’ kull min imexxi l-finanzi pubbliċi. Il-problema tqum meta l-messaġġ li jingħata lill-pubbliku jkun differenti minn dak li joħroġ meta wieħed iħares lejn il-limitazzjonijiet li l-istess Gvern qed jammetti.
Minn naħa nisimgħu dwar ekonomija li qed tikber, suq tax-xogħol b’saħħtu u finanzi li suppost jinsabu f’qagħda tajba. Min-naħa l-oħra, il-Ministru qed jispjega li l-Gvern irid joqgħod attent, jaġġusta l-prijoritajiet u jara kif se jlaħħaq mal-ispiża tas-sussidji mingħajr ma jaqbeż il-limiti tad-defiċit. Dawn iż-żewġ messaġġi mhux neċessarjament jeskludu lil xulxin, iżda flimkien iqajmu mistoqsija fundamentali: kemm huma tassew b’saħħithom il-finanzi tagħna, u kemm hemm spazju reali biex il-pajjiż jindirizza l-isfidi li ġejjin?
Ekonomija tista’ tikber u, fl-istess waqt, il-finanzi pubbliċi tagħha jibqgħu taħt pressjoni. It-tkabbir ekonomiku waħdu ma jiggarantixxix li l-Gvern għandu dħul biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż tiegħu. Lanqas ma jiggarantixxi li l-flus qed jintużaw bl-aħjar mod. Dak li jgħodd hu kemm mill-ġid li jinħoloq qed jinbidel f’servizzi aħjar, infrastruttura adegwata, produttivita’ ogħla u kwalita’ ta’ ħajja aħjar għan-nies.
Għalhekk, ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn iċ-ċifri tat-tkabbir bħala prova waħedha ta’ suċċess. Irridu naraw ukoll x’qed jiġri mid-defiċit, mid-dejn pubbliku u mill-ispejjeż rikorrenti tal-Gvern. Irridu nkunu nafu jekk it-tkabbir hux qed isaħħaħ il-kapaċita’ tal-pajjiż li jiffinanzja l-bżonnijiet tiegħu jew jekk hux qed joħloq aspettattivi li l-finanzi pubbliċi se jsibuha dejjem aktar diffiċli biex ilaħħqu magħhom.
Is-sussidji tal-enerġija huma eżempju ċar ta’ din id-dilemma. Dawn għandhom rwol importanti biex jipproteġu lill-familji u lin-negozji minn żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija. Il-poplu jagħraf kemm din il-protezzjoni hija importanti, speċjalment meta l-għoli tal-ħajja jibqa’ jnaqqas il-poter tal-akkwist tagħhom. Iżda l-importanza tas-sussidji ma teliminax il-ħtieġa li l-Gvern jispjega kif se jiffinanzjahom b’mod sostenibbli.
Jekk l-ispiża tagħhom tibqa’ għolja, il-Gvern irid jgħid minn fejn se jiġu l-flus. Se jitnaqqsu nefqiet oħra? Se jiġu posposti proġetti? Se jkun hemm inqas investiment f’oqsma importanti? Jew se jiżdied id-dejn biex tinżamm il-politika eżistenti? Dawn mhumiex dettalji tekniċi li għandhom jibqgħu magħluqa fl-uffiċċji tal-Ministeru. Huma għażliet li jolqtu direttament lill-familji, lill-ħaddiema, lin-negozji u lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Hawnhekk tidħol id-differenza bejn li wieħed jamministra l-finanzi pubbliċi u li jkollu strateġija ekonomika fit-tul. Gvern jista’ jipprova jżomm id-defiċit taħt ċertu limitu billi jnaqqas jew jipposponi xi nefqa. Iżda jekk jagħmel dan mingħajr ma jispjega liema investimenti huma essenzjali u liema nefqiet jistgħu jitnaqqsu, ikun qed isolvi problema immedjata mingħajr ma neċessarjament jindirizza l-problemi strutturali.
Il-pajjiż għandu bżonn investiment f’infrastruttura li tlaħħaq mal-bżonnijiet tal-popolazzjoni, trasport li jnaqqas il-konġestjoni, servizzi tas-saħħa u edukazzjoni ta’ kwalita’, u politika enerġetika li tnaqqas id-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja kontinwa. Dawn l-oqsma ma jistgħux jibqgħu jiġu ttrattati bħala prijoritajiet sekondarji kull darba li l-finanzi jsibu ruħhom taħt pressjoni.
Huwa għalhekk li l-Baġit li ġej għandu jkun aktar minn lista ta’ miżuri popolari. Għandu juri x’inhuma l-prijoritajiet veri tal-Gvern u kif se jiġu ffinanzjati. Għandu jispjega x’se jinżamm, x’se jinbidel u għaliex. U għandu jagħti stampa realistika tal-isfidi li qed jiffaċċja l-pajjiż, mhux biss il-messaġġ li l-ekonomija sejra tajjeb.
Jekk il-Ministru qed jgħid li wasal iż-żmien li l-Gvern jaġġusta l-prijoritajiet tiegħu, allura għandu jkun lest jispjega liema kienu l-prijoritajiet ta’ qabel, għaliex jeħtieġ li jinbidlu u x’se jkunu l-konsegwenzi għal min jiddependi fuq is-servizzi pubbliċi.
Il-mistoqsija mhijiex jekk Malta għandhiex tibqa’ tipproteġi lill-familji jew iżżomm l-ekonomija miexja. Għandha tagħmel it-tnejn. Il-mistoqsija hi jekk il-Gvern ħejjiex il-finanzi u l-pjanijiet meħtieġa biex dan ikun jista’ jsir b’mod sostenibbli.
Il-finanzi pubbliċi b’saħħithom ma jitkejlux biss bil-kliem, iżda bil-kapaċita’ li pajjiż jiffaċċja kriżi, iżomm il-protezzjoni soċjali u jinvesti fil-futur mingħajr ma jkollu jagħmel għażliet urġenti kull darba li tqum spiża mhux mistennija.
Għalhekk, meta l-Ministru jitkellem dwar aġġustament fil-prijoritajiet u dwar il-ħtieġa li l-Gvern joqgħod attent fejn jonfoq, il-pubbliku għandu dritt jistaqsi: jekk il-finanzi huma tassew b’saħħithom, għaliex qed ikollna nitkellmu dwar iċ-ċinturin?
Din hija mistoqsija li ma tistax titwarrab b’aktar slogans dwar it-tkabbir. Il-pajjiż għandu bżonn tweġibiet, pjan ċar u prijoritajiet li jirriflettu l-bżonnijiet reali tiegħu. Għax il-kejl ta’ Gvern responsabbli mhuwiex kemm jista’ jwiegħed meta l-affarijiet sejrin tajjeb, iżda kemm ikun ħejja lill-pajjiż biex jibqa’ għaddej meta r-riżorsi jsiru aktar limitati.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading