Il-Familja Maltija Taħt Pressjoni: Għandna Ħin Għal Xulxin?

Minn Osservatur Politiku
Hemm affarijiet li jinbidlu bil-mod, kważi mingħajr ma nindunaw. U hemm oħrajn li, wara ftit snin, iġegħluna nħarsu lura u nistaqsu kif wasalna sa hawn. Fost dawn hemm il-mod kif qed tinbidel il-familja Maltija.
Għal ġenerazzjonijiet sħaħ, il-familja kienet fil-qalba tal-ħajja Maltija. Kienet il-post fejn wieħed isib l-imħabba, is-sigurta’, l-għajnuna u s-sens ta’ appartenenza. Kienet ukoll il-qafas li fih trabbew it-tfal, fejn in-nanniet kienu parti mill-ħajja ta’ kuljum u fejn ir-responsabbiltajiet kienu jinqasmu bejn il-membri tal-familja.
Illum dan kollu għadu jeżisti, iżda l-familja Maltija qed tgħix taħt pressjonijiet li ma kinux jeżistu bl-istess qawwa fil-passat.
L-ewwel pressjoni hija dik ekonomika. Il-ħajja saret għalja u d-dħul ta’ familja, anke meta ż-żewġ ġenituri jaħdmu, mhux dejjem ikun biżżejjed biex wieħed jgħix bil-kumdita’ li jixtieq. Il-kera jew il-pagament ta’ dar, il-karozza, l-ikel, l-edukazzjoni, il-kontijiet u l-ispejjeż ta’ kuljum jieħdu parti kbira mill-paga.
Għal koppja żagħżugħa li trid tibda familja, il-problema tad-djar saret waħda mill-akbar ostakli. Dar li darba kienet meqjusa bħala pass naturali fil-ħajja issa tista’ tidher bħala mira li wieħed ma jafx meta se jilħaqha.
Dan għandu konsegwenzi li jmorru lil hinn mill-proprjeta’. Meta ż-żgħażagħ jipposponu l-indipendenza tagħhom minħabba l-ispiża tad-djar, ħafna drabi jipposponu wkoll il-pjanijiet tagħhom li jibnu familja. U meta familja żagħżugħa jkollha parti kbira mid-dħul tagħha marbuta mad-dar, jibqa’ inqas spazju għal tfal, għal tfaddil u għal ħajja aktar bilanċjata.
Imbagħad hemm il-pressjoni tax-xogħol. Illum, f’ħafna familji, iż-żewġ ġenituri jridu jaħdmu. Dan mhux biss minħabba ambizzjoni professjonali iżda ħafna drabi minħabba neċessita’ ekonomika. Il-ġurnata tibda kmieni u tispiċċa tard. It-tfal iridu jitwasslu l-iskola, jittieħdu għal attivitajiet, isir ix-xiri, jitħejja l-ikel u jsiru l-ħafna affarijiet żgħar li jżommu familja għaddejja. U fost dan kollu, fejn jibqa’ l-ħin għall-familja? Din hija mistoqsija li għandha tinkwetana aktar milli forsi nindunaw.
Aħna nitkellmu ħafna dwar il-kwalita’ tal-ħajja. Imma l-kwalita’ tal-ħajja mhijiex biss kemm għandna flus jew kemm għandna oġġetti. Hija wkoll kemm għandna ħin għal xulxin. Tifel jista’ jkollu kamra sabiħa, telefon modern u kull opportunita’ edukattiva, iżda xorta jista’ jħoss in-nuqqas ta’ dak li hu l-aktar importanti: il-preżenza tal-ġenituri.
Il-problema mhijiex li l-ġenituri ma jħobbux lil uliedhom. Il-problema hija li s-soċjeta’ moderna ħafna drabi qed tagħmilha aktar diffiċli għalihom biex ikollhom il-ħin li jixtiequ jqattgħu magħhom. Hemm ukoll pressjoni oħra, aktar sottili: il-bidla fil-mod kif ngħixu.
Il-familji Maltin illum huma iżgħar. Il-mudell tal-familja estiża, fejn diversi ġenerazzjonijiet kienu jgħixu qrib ħafna ta’ xulxin, qed jonqos. In-nanniet għad għandhom rwol importanti, iżda ħafna minnhom ukoll qed ikollhom ħajja aktar attiva u kultant ikunu għadhom jaħdmu.
Fl-istess ħin, il-mobilita’ tal-ħajja moderna tfisser li wlied jistgħu jgħixu f’raħal differenti, f’belt differenti jew saħansitra barra minn Malta. Dan kollu jfisser li n-netwerk tradizzjonali ta’ għajnuna li kellha familja Maltija qed jinbidel.
Ma nistgħux ninjoraw lanqas il-pressjoni diġitali. It-teknoloġija tatna għodod straordinarji biex nikkomunikaw, iżda xi kultant qed tnaqqas il-kwalita’ tal-komunikazzjoni tagħna. F’ħafna djar, il-familja tista’ tkun kollha fl-istess kamra iżda kull persuna tkun mgħaddsa fl-iskrin tagħha. Il-konverżazzjoni tinbidel f’messaġġ. Il-ħin flimkien jinbidel f’preżenza fiżika mingħajr attenzjoni vera.
Il-familja ma tissaħħaħx sempliċement għax in-nies ikunu fl-istess post. Tissaħħaħ meta n-nies jisimgħu lil xulxin, jitkellmu, jaqsmu l-problemi u jagħtu importanza lil xulxin.
Imbagħad għandna sfida oħra: il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.
Pajjiż jista’ jkun kburi b’ekonomija li tikber, b’aktar impjiegi u b’aktar attivita’ ekonomika. Imma għandna nistaqsu wkoll: x’qed jiġri lill-ħajja tal-familji wara li jintemm il-ħin tax-xogħol?
Jekk il-ġenituri jkunu dejjem għajjenin, jekk it-tfal ikunu dejjem għaddejjin minn attivita’ għal oħra, u jekk il-ħajja ssir ġirja kontinwa minn obbligu għal ieħor, inkunu qed nitilfu xi ħaġa importanti.
Għalhekk il-politika favur il-familja ma tistax tkun biss kwistjoni ta’ benefiċċji jew għajnuniet finanzjarji. Dawn jistgħu jkunu importanti, iżda ma jkunux biżżejjed.
Familja teħtieġ dar li tista’ taffordja. Teħtieġ xogħol stabbli. Teħtieġ servizzi ta’ childcare aċċessibbli. Teħtieġ edukazzjoni tajba. Teħtieġ ambjent sigur. Teħtieġ spazji pubbliċi fejn it-tfal jistgħu jilagħbu u l-ġenituri jistgħu jiltaqgħu. U fuq kollox, teħtieġ ħin.
Irridu nistaqsu wkoll x’tip ta’ pajjiż irridu nibnu għall-ġenerazzjoni li ġejja. Jekk Malta tkompli tikber biss fil-popolazzjoni, fil-bini, fit-traffiku u fl-attivita’ ekonomika, iżda ma toħloqx kundizzjonijiet aħjar għall-ħajja tal-familji, allura jkollna tkabbir mingħajr kwalita’ tal-ħajja.
Il-familja mhijiex ostaklu għall-progress. Il-familja hija waħda mill-aktar indikaturi importanti ta’ jekk il-progress hux qed jilħaq lill-bniedem.
Pajjiż b’saħħtu mhuwiex biss pajjiż li għandu ekonomija b’saħħitha. Huwa pajjiż fejn familja tista’ tgħix b’dinjita’, fejn koppja żagħżugħa tista’ taspira għal dar, fejn il-ġenituri jistgħu jqattgħu ħin ma’ wliedhom u fejn persuna anzjana ma tħossx li saret piż.
Il-familja Maltija qed tinbidel. Dan ma jfissirx li qed tisparixxi. Imma jfisser li rridu nagħtuha l-attenzjoni li jistħoqqilha.
Jekk irridu Malta aħjar għada, irridu nibdew billi nistaqsu kif qed ngħixu llum.
Għax il-futur ta’ Malta ma jiddependix biss minn kemm nibnu, kemm nipproduċu jew kemm nikbru. Jiddependi wkoll minn kemm inkunu kapaċi nżommu ħajja dik l-aktar komunita’ bażika u importanti li għandna: il-familja.
