L-Isfida Nazzjonali tal-Iskart: Wasal iż-Żmien għal Sistema li Taħdem

Minn Osservatur Politiku
Kull darba li nimxu fit-toroq u naraw il-boroż tal-iskart ħdejn il-bins, kontenituri mimlijin sax-xifer jew skart imxerred fuq il-bankini, għandna t-tendenza li naraw biss il-problema tal-ġurnata. Imma l-problema tal-iskart f’Malta hija ħafna akbar minn dak li jidher quddiem għajnejna.
Illum qed niffaċċjaw problema li tolqot l-ambjent, is-saħħa pubblika, il-kwalita’ tal-ħajja u anke l-finanzi pubbliċi. U l-aħbarijiet tal-aħħar jiem reġgħu wrew kemm din il-problema għadha magħna. Fis-Swieqi, residenti reġgħu lmentaw dwar bins mimlijin, boroż suwed mal-art u fdalijiet tal-ikel fit-toroq, minkejja li l-problema ilha tiġi rrappurtata għal snin.
Dan għandu jġiegħelna nistaqsu mistoqsija sempliċi: wara tant snin ta’ diskussjoni, investiment u wegħdiet, għaliex għadna ma sibniex soluzzjoni sostenibbli għall-iskart?
Il-problema mhijiex biss li xi ħadd ħalla borża barra. Dik hija parti mill-problema, iżda mhux il-problema kollha. Il-verità hi li Malta tipproduċi ammont kbir ta’ skart għal pajjiż daqshekk żgħir. Skont il-Kummissjoni Ewropea, fl-2024 Malta ġġenerat 621 kilogramma ta’ skart muniċipali għal kull persuna, fost l-ogħla livelli fl-Unjoni Ewropea. Ir-rata ta’ riċiklaġġ kienet biss 16.7%, filwaqt li fl-2023 madwar 74% tal-iskart muniċipali spiċċa fil-landfills.
Dawn mhumiex sempliċement statistika. Huma riflessjoni ta’ mudell ekonomiku u soċjali li għandu bżonn jinbidel.
Jekk il-popolazzjoni qed tikber, jekk in-numru ta’ turisti qed jiżdied, jekk il-konsum qed jiżdied u jekk l-attivita’ ekonomika qed tespandi, allura huwa ovvju li l-ammont ta’ skart se jiżdied ukoll. Għalhekk ma nistgħux nibqgħu nippjanaw is-sistema tal-iskart bħallikieku Malta tal-lum għadha l-Malta ta’ għoxrin sena ilu.
Din hija kwistjoni ta’ ppjanar. U l-ippjanar irid jibda mill-fatt li l-iskart mhuwiex xi ħaġa li sempliċement tisparixxi meta jinġabar.
Il-borża li noħorġu mill-bieb tagħna trid tinġabar, tiġi trasportata, magħżula, trattata u eventwalment tintrema jew tiġi riċiklata. Kull pass għandu spiża. Kull ineffiċjenza għandha spiża. U fl-aħħar mill-aħħar, parti kbira minn din l-ispiża titħallas mill-poplu.
Għalhekk nemmen li l-problema tal-iskart għandha tiġi kkunsidrata wkoll bħala kwistjoni ta’ valur għall-flus. Kemm qed nonfqu fuq il-ġbir? Kemm qed nonfqu fuq it-trattament? Kemm qed nonfqu fuq infrastruttura? Kemm qed nonfqu fuq l-infurzar? U, fuq kollox, x’riżultat qed niksbu għal dak kollu li qed nonfqu? Ma jistax ikun li l-investiment jiżdied iżda r-riżultati jibqgħu lura.
Dan huwa proprju dak li għandu jinkwieta lil kull min jimpurtah mill-finanzi pubbliċi. Il-Kummissjoni Ewropea nnifisha osservat li minkejja investimenti akbar fl-infrastruttura tal-immaniġġjar tal-iskart u inizjattivi ta’ riċiklaġġ u użu mill-ġdid, dawn il-miżuri għadhom ma wasslux għal titjib li jista’ jitkejjel biżżejjed fil-prestazzjoni tas-settur.
Allura għandna problema ta’ governanza wkoll. Għax governanza tajba mhijiex biss li tniedi skema jew tibni faċilita’. Governanza tajba tfisser li wieħed jara jekk il-politika tatx ir-riżultat li kien mistenni. Jekk ma tatux, irridu nifhmu għaliex.
Il-problema tal-iskart għandha wkoll dimensjoni ta’ responsabilita’ individwali. Ma nistgħux nitfgħu kollox fuq il-Gvern, il-Kunsilli jew WasteServ. Iċ-ċittadin għandu wkoll responsabbilta’. Min jitfa’ l-iskart b’mod illegali qed jagħmel ħsara lill-komunita’ kollha. Imma lanqas ma nistgħu nużaw l-imġiba ħażina ta’ xi individwi biex naħbu nuqqasijiet fis-sistema.
Jekk persuna tagħmel dak li hu ħażin, għandha tiġi infurzata l-liġi. F’każ riċenti fir-Rabat, il-Malta Ranger Unit irrapporta persuna li nqabdet taħraq skart illegalment, u ttieħdet azzjoni mill-awtoritajiet. Il-ħruq illegali tal-iskart huwa reat u jista’ jwassal għal multa minima ta’ €1,200.
Dan huwa eżempju ta’ kif l-infurzar għandu jaħdem. Imma l-infurzar għandu jkun kontinwu u kredibbli, mhux episodiku. Il-kultura trid tinbidel. Għandna bżonn sistema fejn min jarmi l-iskart illegalment ikun jaf li hemm ċans reali li jinqabad. Għandna bżonn aktar sorveljanza f’żoni problematiċi, aktar koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet u, fejn meħtieġ, teknoloġija li tgħin fl-identifikazzjoni ta’ min jabbuża.
Fl-istess ħin, irridu nħarsu lejn il-mod kif qed niġbru l-iskart. Sistema tajba għandha tkun ibbażata fuq il-ħtiġijiet reali tal-komunitajiet. Jekk lokalita’ għandha popolazzjoni kbira, numru sostanzjali ta’ short lets, attivita’ kummerċjali qawwija jew numru kbir ta’ ristoranti, ma jistax ikun li jkollha eżattament l-istess arranġamenti bħal lokalita’ kompletament differenti. Il-pjan irid ikun ibbażat fuq id-data.
U hemm punt ieħor li ma nistgħux ninjoraw: il-popolazzjoni. Malta qed tinbidel. Aktar nies ifissru aktar konsum u aktar konsum ifisser aktar skart. It-tkabbir ekonomiku għandu jkun akkumpanjat minn tkabbir fil-kapaċita’ infrastrutturali. Ma nistgħux inkomplu nżidu l-attivita’ ekonomika mingħajr ma nsaħħu s-sistemi li jżommu l-pajjiż nadif u funzjonali. Inkella nkunu qed ngħidu li rridu t-tkabbir iżda ninsew l-ispiża tiegħu.
L-iskart għandu wkoll jiġi kkunsidrat bħala riżorsa. F’ekonomija moderna, dak li llum insejħulu “skart” jista’ f’ħafna każijiet ikun materjal li jista’ jerġa’ jintuża, jiġi riċiklat jew jidħol f’ċiklu ekonomiku ġdid.
Dan ifisser li l-politika tal-iskart għandha tkun marbuta mal-ekonomija ċirkolari. Inqas skart. Aktar riċiklaġġ. Aktar użu mill-ġdid. Inqas dipendenza fuq landfill. Użu aktar effiċjenti tar-riżorsi. Dan mhux biss tajjeb għall-ambjent. Jista’ jkun ukoll tajjeb għall-ekonomija.
Iżda biex dan iseħħ, irridu nkunu lesti nagħmlu l-bidliet li forsi ma jkunux dejjem popolari.
Il-pubbliku jrid ikun parti mis-soluzzjoni. In-negozji jridu jkollhom responsabbiltajiet ċari. Il-Kunsilli Lokali għandhom jingħataw l-għodod meħtieġa. L-awtoritajiet għandhom jinfurzaw. U l-Gvern għandu jippjana fit-tul.
Fuq kollox, irridu nieqfu nħarsu lejn l-iskart bħala problema li trid tiġi indirizzata biss meta l-bins ifuru.
Dak huwa l-istess mudell li rajna f’ħafna oqsma oħra: nistennew li tinqala’ l-problema u mbagħad infittxu soluzzjoni. Imma pajjiż serju ma jistax jitmexxa hekk.
Jekk nafu kemm qed tikber il-popolazzjoni, kemm qed jiżdied it-turiżmu u kemm qed tikber l-attivita’ ekonomika, nistgħu wkoll nipprevedu li l-ammont ta’ skart se jiżdied. Għalhekk irridu nippjanaw illum għal Malta ta’ għada.
Il-problema tal-iskart hija test ta’ kemm aħna kapaċi nimxu minn politika ta’ reazzjoni għal politika ta’ prevenzjoni. U hija wkoll test ta’ governanza.
Gvern li jkun irid jitqies serju għandu jkun kapaċi jgħidilna mhux biss kemm qed jinvesti fl-iskart, iżda x’qed jikseb għal dak l-investiment. Għandu jkun kapaċi jistabbilixxi miri ċari għar-riċiklaġġ, għat-tnaqqis tal-landfill, għall-ġbir u għall-infurzar. U għandu jkun lest jagħti rendikont lill-poplu dwar jekk dawk il-miri jkunux intlaħqu.
Għax l-indafa tat-toroq tagħna mhijiex biss kwistjoni estetika. Hija kwistjoni ta’ kwalita’ tal-ħajja. Hija kwistjoni ta’ saħħa pubblika. Hija kwistjoni ambjentali. Hija kwistjoni ekonomika. U hija kwistjoni ta’ rispett lejn il-komunita’.
Malta ma tistax tibqa’ tipproduċi aktar skart milli għandha l-kapaċita’ li timmaniġġja b’mod sostenibbli. Wasal iż-żmien li l-iskart ma nibqgħux narawh bħala xi ħaġa li rridu nneħħu minn quddiem għajnejna. Irridu narawh bħala sfida nazzjonali li teħtieġ ppjanar, investiment, dixxiplina u responsabbilta’. Għax pajjiż nadif ma jinbeniex bil-kliem. Jinbena b’sistema li taħdem.
