Il-proċess ta’ Yorgen Fenech: x’tgħallimna dwar il-politika, in-negozju, l-NGOs u l-istituzzjonijiet?

Minn Osservatur Politiku

Il-proċess ta’ Yorgen Fenech ma kienx biss wieħed mill-aktar proċessi kriminali importanti fl-istorja riċenti ta’ Malta. Kien ukoll tieqa miftuħa fuq pajjiżna. Tieqa li permezz tagħha rajna kemm id-dinja politika, dik tan-negozju u dik istituzzjonali jistgħu jkunu qrib xulxin.

Dan ma jfissirx li kull relazzjoni bejn persuna fin-negozju u persuna fil-politika hija ħażina. Lanqas ma jfisser li kull kuntatt bejn individwi u istituzzjonijiet għandu jitqies bħala suspettuż. F’soċjeta’ demokratika, in-negozju, il-politika u l-istituzzjonijiet inevitabbilment jiltaqgħu.

Waħda mill-aktar affarijiet li ħarġu b’mod ċar kienet il-prossimità bejn Yorgen Fenech u persuni li kellhom pożizzjonijiet importanti fil-politika u fl-amministrazzjoni pubblika. Il-proċess ġab quddiemna wkoll id-dinja ta’ 17 Black, Electrogas u r-relazzjonijiet li kienu jeżistu madwarhom. Imma l-anqas ddetermina b’mod raġjonevoli li kien hemm xi rabta ta’ korruzzjoni jew li l-Electrogas kienet il-motiv għal qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Min-naħa l-oħra, hemm il-livell politiku. Dawn ir-relazzjonijiet ma jistgħux jiġu mifhuma biss bħala stejjer personali. Meta persuna fin-negozju tkun f’kuntatt mill-qrib ma’ persuni li għandhom poter politiku jew istituzzjonali, il-mistoqsija leġittima tas-soċjeta’ tkun jekk is-sistema għandhiex biżżejjed salvagwardji biex tiżgura li kulħadd jiġi trattat bl-istess mod.

Dan huwa l-qofol tal-kwistjoni.

Il-problema mhijiex biss min kien jaf lil min. Il-problema hija x’jiġri meta l-fiduċja fil-fruntieri bejn il-poter pubbliku u l-interessi privati tibda tiddgħajjef.

Hawnhekk irridu nkunu preċiżi. Mhux kull konversazzjoni hija korruzzjoni. Mhux kull ħbiberija hija kunflitt ta’ interess. Mhux kull relazzjoni tfisser abbuż ta’ poter.
Imma istituzzjonijiet moderni ma jistgħux jiddependu biss fuq il-bona fede tal-individwi. Iridu jkollhom regoli, trasparenza u kontrolli li jipprevjenu mhux biss l-abbuż, iżda anki l-perċezzjoni raġonevoli li jista’ jkun hemm trattament differenti. Għax fid-demokrazija, il-fiduċja hija kapital.

Meta ċittadin jemmen li persuna ordinarja trid tgħaddi minn bibien, proċeduri u kontrolli, filwaqt li persuna b’konnessjonijiet għandha aċċess aktar dirett u faċli, is-sistema tibda titlef il-leġittimita’ tagħha. U din hija l-lezzjoni li Malta ma tistax tinjora. U naħseb li dan hu l-ikbar fatt li ħareġ aktar milli korruzzjoni fiha nfisha.

Ghalhekk, mhux biżżejjed li jkollna istituzzjoni bl-isem ta’ regolatur, awtorita’ jew kummissjoni. Il-mistoqsija hija jekk dik l-istituzzjoni għandhiex is-saħħa, l-awtonomija u r-riżorsi biex taġixxi mingħajr pressjoni.

Wara l-verdett, il-Qorti ordnat li x-xhieda li nstemgħet matul il-proċess tintbagħat lill-Pulizija biex jiġi determinat jekk hemmx persuni oħra li jistgħu jkunu suġġetti għal proċeduri kriminali. Il-proċeduri relatati ġew ukoll marbuta mal-inkjesti eżistenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u t-tnixxija ta’ dokumenti tal-investigazzjoni. Dan ifisser li l-istorja għadha mhix magħluqa.

Imma anke lil hinn mill-proċeduri kriminali, għandna mistoqsija politika u istituzzjonali akbar: x’tip ta’ pajjiż irridu nkunu? Pajjiż fejn il-poter politiku, il-flus u l-aċċess jistgħu joħolqu networks li ftit nies biss jifhmu? Jew pajjiż fejn l-istituzzjonijiet ikunu tant b’saħħithom li ħadd ma jkollu bżonn ikun “insider” biex jingħata widen?

Din mhijiex kwistjoni ta’ partit wieħed. Mhijiex ukoll kwistjoni ta’ gvern wieħed. Hija kwistjoni ta’ kultura politika. Malta trid titgħallem li l-poter għandu jkun temporanju, l-istituzzjonijiet permanenti u r-regoli l-istess għal kulħadd.

Il-politiku għandu jkun jaf li l-kuntatt tiegħu ma’ negozjant jista’ joħloq kunflitt ta’ interess jew għall-inqas il-perċezzjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra, NGOs u l-media jistgħu wkoll ikun qed jagħmlu l-parti tagħhom u jkunu qed jaħdmu f’interess ta’ terzi li l-bniedem tat-triq ma jkunx qed jara min hu.

Ir-regolatur għandu jkun jaf li l-ħbiberija personali ma tistax tidħol bejn l-istituzzjoni u d-dmir tagħha. In-negozjant għandu jkun jaf li s-suċċess kummerċjali għandu jiġi mill-kompetittivita’, mhux mill-prossimita’ mal-poter. U ċ-ċittadin għandu jkollu d-dritt jemmen li l-liġi u l-istituzzjonijiet jaħdmu għal kulħadd. Fuq kollox, min jingħażel ma għandu jaqa’ għall-pressjoni tal-media jew interessi okkulti ta’ xi NGO.

Il-każ ta’ Yorgen Fenech għandu għalhekk jiġi mfakkar mhux biss minħabba l-verdett tiegħu. Għandu jiġi mfakkar minħabba l-mistoqsijiet li ħalla warajh. Kemm kienu viċin il-politika u n-negozju? Kemm kienet indipendenti l-amministrazzjoni? Kemm kien effettiv l-iskrutinju? Kemm kienet protetta informazzjoni sensittiva? X’rowl okkult jista’ jkollha l-media u l-NGOs? U fuq kollox, kemm kienet b’saħħitha s-sistema biex tiżgura li l-konnessjonijiet personali qatt ma jsiru aktar importanti mir-regoli? Dawn huma mistoqsijiet li ma jistgħux jingħalqu b’verdett wieħed.

Issa l-isfida hija jekk Malta hix se titgħallem. Għax istituzzjonijiet b’saħħithom ma jinbnewx meta jkun hemm kriżi. Jinbnew qabel. Jibnew b’nies integri li jagħmlu s-sewwa u mhux xi aġenda ta’ xi ħadd, kemm jekk dan ix xi ħadd ikun intrapreditur, politiku jew assoċjazzjoni reliġjuża jew tal-ambjent.

Pajjiż verament modern mhuwiex dak fejn in-nies fil-poter jafu lil kulħadd. Huwa dak fejn, anki jekk ma taf lil ħadd, taf li s-sistema se taħdem għalik.

Leave a Reply

Discover more from Rightwing Voices

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading