Meta n-Network Ma Jiflaħx għal Malta li Qed Tikber fil-Popolazzjoni Tagħha

Minn Osservatur Politiku
Kien hemm żmien meta qtugħ tad-dawl f’Malta kien meqjus bħala inkonvenjent. Illum, wara dak li qed nesperjenzaw, irridu nibdew nistaqsu mistoqsija ħafna aktar serja: x’jiġri meta s-sistema tal-elettriku tal-pajjiż ma tkunx kapaċi tlaħħaq mad-domanda?
Il-ħsara mhijiex biss li kamra tispiċċa mingħajr arja kundizzjonata jew li apparat elettriku jieqaf jaħdem. Meta mijiet ta’ toroq u għexieren ta’ eluf ta’ persuni jispiċċaw fid-dlam minħabba li n-network tal-elettriku ma jiflaħx għad-domanda, inkunu qed niffaċċjaw problema ta’ infrastruttura nazzjonali. U din il-problema għandha tiġi diskussa bħala tali.
Is-sħana estrema ma ġietx Malta mingħajr twissija. Il-bidla fil-klima u t-temperaturi dejjem aktar għoljin huma realta’ li l-pajjiżi kollha qed ikollhom jaddattaw għaliha. F’pajjiż sħun bħal Malta, huwa naturali li meta t-temperatura titla’ b’mod qawwi, tiżdied ukoll id-domanda għall-elettriku, partikolarment minħabba l-użu tal-air conditioners.
Għalhekk il-mistoqsija mhijiex għaliex in-nies użaw aktar elettriku. Il-mistoqsija hija għaliex is-sistema ma kinitx lesta għalih.
Pajjiż li jippjana l-infrastruttura tiegħu għandu jkun jaf liema huma l-ogħla livelli ta’ domanda li jista’ jiffaċċja u għandu jibni l-kapaċita’ meħtieġa biex jiflaħ għalihom. Dan huwa l-aktar element bażiku tal-ippjanar. Ma nistgħux nistennew li s-sistema tfalli biex imbagħad niskopru li d-domanda kienet għolja wisq.
Il-problema tal-elettriku ma tistax tiġi mifhuma biss bħala kwistjoni teknika. Hija kwistjoni ekonomika, soċjali u ta’ governanza. Meta negozju jibqa’ mingħajr elettriku għal sigħat, jista’ jitlef bejgħ, prodotti, xogħol u klijenti. Meta lukanda jew ristorant jispiċċaw mingħajr elettriku, l-impatt jista’ jkun dirett fuq l-esperjenza tat-turisti. Meta familja jkollha tfal jew anzjani d-dar f’temperaturi għoljin, il-qtugħ tad-dawl jista’ jsir kwistjoni ta’ kumdita’ u sigurta’.
U meta l-qtugħ jaffettwa żoni kbar fl-istess ħin, l-ekonomija kollha tħossu. Għalhekk ma nistgħux nibqgħu nitkellmu dwar il-qtugħ tad-dawl bħala xi ħaġa inevitabbli li tiġri meta jkun hemm mewġa ta’ sħana. Il-mistoqsija għandha tkun: għaliex ma konniex ippreparati?
Il-Gvern għandu jkun ċar dwar l-investiment li sar fin-network tal-elettriku matul dawn l-aħħar snin. Kemm intefqu flus? Fejn intefqu? Liema partijiet tan-network ġew imsaħħa? Liema sub-stations ġew modernizzati? Kemm żdiedet il-kapaċita’? U fuq kollox, x’kapaċita’ addizzjonali hija meħtieġa biex Malta tkun tista’ tlaħħaq mad-domanda tal-futur?
Dawn mhumiex mistoqsijiet partiġġjani. Huma mistoqsijiet ta’ responsabbilta’. Għax jekk il-popolazzjoni ta’ Malta qed tikber, jekk qed jinbnew aktar appartamenti, jekk in-negozji qed jiżdiedu u jekk l-użu tal-air conditioning qed isir aktar mifrux, allura d-domanda għall-elettriku se tkompli tikber. Dan ma għandux ikun sorpriża għal ħadd.
L-istess jgħodd għall-vetturi elettriċi. Hekk kif aktar nies jaqilbu għall-mobbilta’ elettrika, id-domanda għall-enerġija se tkun qed tinbidel ukoll. Jekk irridu sistema moderna ta’ trasport, aktar diġitalizzazzjoni u ekonomija li tiddependi dejjem aktar fuq it-teknoloġija, irridu network tal-elettriku li jkun kapaċi jappoġġja dawn l-iżviluppi. Ma jistax ikollna ekonomija tas-seklu wieħed u għoxrin b’infrastruttura li tippjana biss għall-bżonnijiet tal-bieraħ.
Hawnhekk tidħol il-kwistjoni tal-investiment. Mhux kull nefqa hija investiment. U mhux kull investiment huwa neċessarjament investiment tajjeb. L-investiment pubbliku għandu jagħti riżultat. Meta l-Gvern jonfoq miljuni fuq l-infrastruttura tal-enerġija, il-poplu għandu jkollu d-dritt jistaqsi jekk dak l-investiment hux qed jagħti r-riżultat mistenni. Jekk wara snin ta’ investiment, network ikompli jfalli meta t-temperatura titla’, allura rridu nifhmu x’ma marx tajjeb.
Ma nistgħux sempliċement inħabbru aktar miljuni u nistennew li l-problema tisparixxi. Irridu pjan. Pjan li jħares lejn l-enerġija mhux biss għal din is-sena jew għas-sena d-dieħla, iżda għall-għaxar, ħmistax u għoxrin sena li ġejjin. Dan għandu jkun parti minn viżjoni nazzjonali usa’.
Malta qed tiffaċċja bidliet kbar. Il-popolazzjoni qed tikber. L-ekonomija qed tinbidel. It-turiżmu qed jikber. Il-konsum tal-enerġija qed jiżdied. It-teknoloġija qed issir aktar importanti. U l-klima qed tagħmel pressjoni ġdida fuq l-infrastruttura tagħna. Dawn kollha għandhom jiġu kkunsidrati flimkien.
Ma jagħmilx sens li nippjanaw l-akkomodazzjoni mingħajr ma nikkunsidraw l-elettriku. Ma jagħmilx sens li nippjanaw aktar żvilupp mingħajr ma nistaqsu jekk in-network jistax jiflaħ għalih. Ma jagħmilx sens li nippromwovu vetturi elettriċi mingħajr ma nsaħħu s-sistema li trid tiċċarġjahom.
Il-pajjiż irid jibda jaħseb bħala sistema waħda. Dan huwa fejn il-governanza tajba ssir importanti. Governanza tajba tfisser li l-Gvern ma jistenniex il-kriżi biex jieħu azzjoni. Tfisser li l-awtoritajiet għandhom id-dejta, jagħmlu projections, jidentifikaw ir-riskji u jinvestu qabel ma l-problema ssir emerġenza.
Għax l-elettriku mhuwiex lussu. Huwa infrastruttura essenzjali. L-isptarijiet jiddependu fuqu. Il-fabbriki jiddependu fuqu. In-negozji jiddependu fuqu. Il-komunikazzjoni moderna tiddependi fuqu. Id-djar tagħna jiddependu fuqu.
F’soċjetà moderna, l-elettriku huwa parti mill-pedament tal-ħajja ekonomika u soċjali. Għalhekk, meta s-sistema tfalli, irridu nkunu kapaċi nidentifikaw mhux biss x’ġara, iżda għaliex ġara.
Kien hemm biżżejjed kapaċita’ ta’ ġenerazzjoni? Il-problema kienet fin-network tad-distribuzzjoni? Kien hemm sub-stations li ma setgħux ilaħħqu? Kien hemm problemi ta’ manutenzjoni? L-investiment li sar kien biżżejjed? U jekk kien hemm twissijiet minn qabel, dawn ittieħdu bis-serjetà? Dawn huma l-mistoqsijiet li pajjiż serju għandu jagħmel wara avveniment bħal dan.
Ma għandniex nibżgħu mill-fatt li nammettu li xi ħaġa ma ħadmitx. Dak mhuwiex sinjal ta’ dgħufija. Is-sinjal ta’ dgħufija jkun jekk, wara li s-sistema tfalli, ma nitgħallmu xejn.
Il-Gvern għandu wkoll ikun trasparenti dwar kemm qed jiswa l-falliment. Kemm jiswew il-kumpensazzjonijiet, jekk ikun hemm? Kemm jiswew l-interventi ta’ emerġenza? Kemm jintilfu sigħat ta’ xogħol? Kemm jiswew in-negozji? U kemm jispiċċaw jonfqu familji u kumpaniji biex jipproteġu ruħhom kontra qtugħ ripetut? Dawn huma spejjeż ekonomiċi reali, anke jekk mhux dejjem jidhru fil-Budget.
Għax din mhijiex biss storja dwar qtugħ tad-dawl. Hija storja dwar kif pajjiż jippjana għall-futur.
Jekk nafu li s-sħana se tkun aktar intensa, irridu nħejju ruħna. Jekk nafu li l-popolazzjoni qed tikber, irridu nippjanaw għall-kapaċita’ addizzjonali. Jekk nafu li l-ekonomija se tkun aktar dipendenti fuq l-elettriku, irridu ninvestu fin-network. U jekk nafu dawn l-affarijiet kollha, ma nistgħux nibqgħu nġibu ruħna bħallikieku kull sajf sħun huwa avveniment mhux mistenni.
Malta għandha bżonn sistema tal-enerġija li ma taħdimx biss meta kollox ikun normali. Għandha bżonn sistema li tibqa’ affidabbli meta d-domanda tkun fl-ogħla livell tagħha. Dan huwa dak li ċ-ċittadin għandu dritt jistenna.
Il-poplu ma jistax ikun mitlub iħallas aktar, jiġi mħeġġeġ juża teknoloġija ġdida u jaċċetta bidliet fl-ekonomija, filwaqt li l-infrastruttura bażika tal-pajjiż ma tkunx kapaċi tlaħħaq.
L-investiment fl-enerġija għandu jkun investiment fil-kompetittivita’, fis-sigurta’ u fil-kwalita’ tal-ħajja. U l-ewwel pass huwa li nammettu li l-problema ma bdietx meta qabdet is-sħana. Il-problema tibda ħafna qabel, meta pajjiż ma jippjanax biżżejjed għall-futur.
Gvern responsabbli ma jistenniex li jinqata’ d-dawl biex jistaqsi kemm għandna bżonn kapaċita’. Jippjanawha qabel. Għax meta s-sħana titla’, m’għandniex inkunu qed niskopru kemm hi dgħajfa s-sistema. Għandna nkunu qed nuru kemm hi b’saħħitha.
