It-Teknoloġija għas-Servizz tal-Bniedem

Minn Osservatur Politiku
Kull ġenerazzjoni tgħaddi minn bidliet teknoloġiċi li jbiddlu l-mod kif ngħixu, naħdmu u nikkomunikaw. Iżda ftit teknoloġiji kellhom il-potenzjal li jittrasformaw is-soċjeta’ daqs l-intelliġenza artifiċjali, l-awtomazzjoni u d-diġitalizzazzjoni li qed nesperjenzaw illum.
Il-kwistjoni għalhekk mhijiex jekk għandniex nadottaw it-teknoloġija. Dan diġa’ qed jiġri. Il-mistoqsija vera hija kif se nużawha u għal min se sservi.
It-teknoloġija għandha tagħmel il-ħajja tal-bniedem aħjar, ix-xogħol aktar produttiv u s-servizzi aktar effiċjenti. M’għandhiex twassal għal ekonomija fejn il-bniedem isir sempliċement komponent li jista’ jiġi sostitwit meta magna tkun irħas.
F’ħafna każijiet, it-teknoloġija diġa’ qed turi kemm
’ tkun ta’ benefiċċju. Tista’ tnaqqas xogħol ripetittiv. Tista’ tgħin lill-ħaddiem janalizza informazzjoni f’inqas ħin. Tista’ ttejjeb is-servizzi tas-saħħa, tnaqqas l-iżbalji, tagħmel it-trasport aktar effiċjenti u tgħin lill-intrapriżi żgħar jikkompetu f’suq internazzjonali.
F’industrija, magna tista’ tagħmel xogħol perikoluż li qabel kien jagħmlu bniedem. Fi sptar, sistemi diġitali jistgħu jgħinu lit-tobba janalizzaw ammonti kbar ta’ informazzjoni. F’uffiċċju, l-intelliġenza artifiċjali tista’ tnaqqas sigħat ta’ xogħol amministrattiv. Dan huwa l-mod kif għandna nħarsu lejn it-teknoloġija: bħala għodda biex tkabbar il-kapaċita’ tal-bniedem. Ir-riskju jibda meta l-għan ma jibqax li t-teknoloġija tgħin lill-ħaddiem, iżda li sempliċement tneħħi lill-ħaddiem.
Id-dibattitu dwar l-intelliġenza artifiċjali ħafna drabi hu bejn żewġ estremi. Fuq naħa hemm min jemmen li l-AI se teqred miljuni ta’ impjiegi. Fuq l-oħra hemm min jgħid li se toħloq opportunitajiet ġodda u li m’għandniex għalfejn ninkwetaw. Ir-realta’ hija aktar kumplessa. L-AI tista’ taffettwa l-impjiegi permezz tal-awtomazzjoni ta’ kompiti, il-ħolqien ta’ kompiti u professjonijiet ġodda, u ż-żieda fil-produttivita’. F’ħafna każijiet, l-AI tista’ tikkomplementa x-xogħol tal-bniedem aktar milli tissostitwih.
Dan jagħtina direzzjoni importanti. M’għandniex nistaqsu biss: “Kemm-il impjieg se tispiċċa l-AI?” Għandna nistaqsu wkoll: “Kif nistgħu nagħmlu l-ħaddiema kapaċi jaħdmu flimkien mat-teknoloġija?”
Hawn tidħol l-edukazzjoni. Jekk it-teknoloġija qed tinbidel malajr, il-ħiliet tagħna jridu jinbidlu magħha. Ma jfissirx li kulħadd irid isir programmatur jew espert fl-AI. Dak li se jkollhom bżonn ħafna aktar nies huwa l-abbilta’ li jużaw, janalizzaw u jinterpretaw id-data, flimkien ma’ ħiliet maniġerjali, kreattivita’, innovazzjoni u soluzzjoni tal-problemi. Dan għandu jkun ċentrali fil-politika edukattiva tagħna.
It-tagħlim ma jistax jibqa’ meqjus bħala xi ħaġa li tispiċċa mal-ewwel kwalifika jew mal-ewwel impjieg. F’ekonomija li tinbidel kontinwament, it-tagħlim tul il-ħajja jsir investiment essenzjali. Il-Gvern għandu jinvesti aktar fir-reskilling u l-upskilling, speċjalment għal dawk il-ħaddiema li l-impjiegi tagħhom jistgħu jinbidlu b’mod sinifikanti minħabba l-awtomazzjoni. L-istess għandu jgħodd għall-intrapriżi żgħar u medji. M’għandniex noħolqu ekonomija fejn kumpaniji kbar ikunu jistgħu jadottaw teknoloġiji ġodda filwaqt li negozji żgħar jibqgħu lura minħabba nuqqas ta’ riżorsi jew ħiliet.
Hemm dimensjoni oħra li ma nistgħux ninjoraw. Il-bniedem mhuwiex magna. Xogħol tajjeb mhux biss dak li jipproduċi aktar f’inqas ħin. Xogħol għandu wkoll dimensjoni umana: dinjita’, kuntatt personali, kreattivita’, responsabbilta’ u relazzjonijiet.
Għalliem ma jagħtix biss informazzjoni. Infermier ma jagħtix biss servizz. Tabib ma jipprovdix biss dijanjosi. Maniġer ma jieħux biss deċiżjonijiet ibbażati fuq data.
Hemm empatija, ġudizzju, esperjenza u responsabbilta’. Dawn huma kwalitajiet li t-teknoloġija tista’ tgħin bihom, iżda ma għandhiex neċessarjament tieħu posthom. Għalhekk irridu noqogħdu attenti li l-kejl tal-effiċjenza ma jsirx l-uniku kejl tal-valur. Jekk nistgħu nagħmlu servizz aktar effiċjenti permezz tat-teknoloġija, għandna nagħmluh. Imma jekk fl-istess ħin inneħħu l-kuntatt uman li jagħmel dak is-servizz aħjar, jista’ jkun li nkunu ffrankajna flus iżda tlifna xi ħaġa aktar importanti.
Din mhijiex sfida li tista’ titħalla biss f’idejn is-suq. Il-Gvern għandu responsabbilta’ li joħloq ambjent fejn l-innovazzjoni tkun inkoraġġita, iżda fejn il-ħaddiem ikun protett. Dan ifisser investiment fl-edukazzjoni, taħriġ kontinwu, infrastruttura diġitali u aċċess ugwali għat-teknoloġija. Ifisser ukoll regoli ċari dwar il-privatezza, it-trasparenza u l-użu responsabbli tal-AI fuq il-post tax-xogħol.
Dan għandu jkun parti minn viżjoni ekonomika usa’. Malta ma tistax taspira biss li tadotta t-teknoloġija li joħolqu oħrajn. Irridu nkunu pajjiż li jiżviluppa talent, innovazzjoni u prodotti ġodda.
Il-mistoqsija dwar it-teknoloġija hija wkoll mistoqsija dwar it-tip ta’ soċjeta’ li rridu nibnu. Irridu ekonomija fejn il-progress teknoloġiku jippermetti lill-bniedem jaħdem aħjar, jaqla’ aħjar u jgħix aħjar. Irridu kumpaniji li jużaw l-AI biex jagħtu aktar valur lill-ħaddiema tagħhom, mhux biex jarawhom biss bħala spiża li trid titnaqqas. Irridu Gvern li jara d-diġitalizzazzjoni bħala investiment fil-produttivita’, iżda fl-istess ħin bħala investiment fin-nies. U fuq kollox, irridu nifhmu li l-progress ma jitkejjilx biss bil-qawwa tal-magni tagħna, iżda bil-kwalita’ tal-ħajja li dawn jgħinuna nibnu.
It-teknoloġija hija waħda mill-aktar għodod qawwija li għandna għad-dispożizzjoni tagħna. Jista’ jkollha rwol enormi biex tgħolli l-produttivita’, toħloq opportunitajiet ġodda u tagħmel l-ekonomija aktar kompetittiva.
Imma għandna nagħmlu għażla ċara. Il-bniedem għandu jibqa’ fiċ-ċentru tal-progress. Għax l-għan tal-ekonomija ma għandux ikun li jkollna l-aktar teknoloġija avvanzata. L-għan għandu jkun li nużaw l-aktar teknoloġija avvanzata biex nibnu ħajja aħjar għall-bniedem. U meta nagħmlu din l-għażla, it-teknoloġija ma ssirx theddida għall-ħaddiem. Issir l-akbar alleata tiegħu.
