Il-Ġenerazzjoni li Se Tmexxi l-Malta ta’ Għada

Minn Osservatur Politiku
Kull ġenerazzjoni temmen li dawk li jiġu warajha huma differenti. Ġenituri jħarsu lejn uliedhom u jgħidu li l-affarijiet inbidlu. Nanniet iħarsu lejn in-neputijiet u jistaqsu kif jista’ jkun li d-dinja li jafu huma nbidlet daqshekk. U forsi għandhom raġun.
Il-ġenerazzjonijiet il-ġodda qed jikbru f’dinja differenti ħafna minn dik li trabbew fiha l-ġenerazzjonijiet ta’ qabilhom. It-teknoloġija, il-midja soċjali, l-edukazzjoni, ix-xogħol, il-familja, il-mod kif nikkomunikaw u anke l-mod kif inħarsu lejn il-ħajja kollha nbidlu.
Imma hemm mistoqsija aktar interessanti: dawn il-ġenerazzjonijiet verament huma differenti, jew sempliċement qed jgħixu fi żminijiet differenti? Forsi t-tweġiba tinsab xi mkien fin-nofs.
Għal ħafna żgħażagħ tal-lum, it-teknoloġija mhijiex xi ħaġa li daħlet f’ħajjithom. Hija parti minn ħajjithom mill-bidu. Telefon intelliġenti, internet, midja soċjali, intelliġenza artifiċjali u komunikazzjoni immedjata huma meqjusa bħala affarijiet naturali.
Għall-ġenerazzjonijiet ta’ qabel, biex tikkomunika ma’ xi ħadd li kien barra minn Malta seta’ kien jeħtieġ telefonata għalja jew ittra li tieħu jiem biex tasal. Illum messaġġ jasal f’sekondi. Din mhijiex sempliċi bidla teknoloġika. Hija bidla fil-mod kif naħsbu, nitgħallmu u nibnu relazzjonijiet.
Iż-żagħżugħ tal-lum għandu aċċess għal ammont ta’ informazzjoni li ebda ġenerazzjoni qabel ma kellha. Iżda l-istess teknoloġija li tagħtih informazzjoni tista’ wkoll tgħarraqlu moħħu b’informazzjoni żejda, opinjonijiet, pressjoni soċjali u paragun kontinwu ma’ ħaddieħor. Għalhekk, li jkollok aktar informazzjoni ma jfissirx awtomatikament li tkun aktar infurmat.
Il-mod kif iż-żgħażagħ iħarsu lejn ix-xogħol ukoll qed jinbidel. Għal ħafna mill-ġenerazzjonijiet ta’ qabel, il-karriera kienet relattivament ċara: tidħol f’xogħol, tibqa’ fih għal ħafna snin u tipprova tasal għal pożizzjoni aħjar.
Illum il-kunċett ta’ karriera huwa ħafna aktar flessibbli. Ħafna żgħażagħ ma jridux biss salarju. Qed ifittxu wkoll bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali, ambjent tax-xogħol tajjeb, opportunitajiet ta’ tagħlim u sens ta’ skop.
Dan kultant jiġi interpretat bħala nuqqas ta’ ambizzjoni. Imma jista’ jkun ukoll li sempliċement qed jinbidlu l-prijoritajiet. Jekk ġenerazzjoni kibret f’dinja fejn il-produttivita’ tista’ tkun għolja iżda l-istress u l-pressjoni wkoll ikunu għoljin, huwa naturali li tibda tistaqsi jekk is-suċċess għandux jitkejjel biss minn kemm taqla’ jew minn kemm taħdem.
Fejn jidher l-aktar ċar li ż-żminijiet inbidlu huwa fil-proġett tal-ħajja. Għal ġenerazzjonijiet preċedenti, ix-xiri ta’ dar kien meqjus bħala pass naturali lejn l-indipendenza. Illum, għal ħafna żgħażagħ, is-suq tal-proprjeta’ għamel dik il-ħolma ferm aktar diffiċli. Il-prezzijiet tal-proprjeta’, il-kera, l-ispiża tal-ħajja u l-inċertezza ekonomika jistgħu jfissru li żagħżugħ jibqa’ jgħix mal-ġenituri tiegħu għal aktar snin.
Xi kultant din tiġi interpretata bħala nuqqas ta’ indipendenza. Imma forsi mhux ġust li niġġudikaw ġenerazzjoni ġdida bl-istess kejl ta’ ġenerazzjoni li għexet f’ċirkostanzi ekonomiċi kompletament differenti. Il-mistoqsija għandha tkun jekk is-soċjeta’ tagħna hijiex qed tagħti liż-żgħażagħ l-istess opportunitajiet li kellhom dawk ta’ qabilhom.
Anke l-familja qed tgħaddi minn trasformazzjoni. In-nies qed jiżżewġu aktar tard, qed ikollhom it-tfal aktar tard u f’ħafna każijiet qed ikollhom inqas tfal. Dan mhux bilfors ifisser li ż-żgħażagħ ma jridux familja. Jista’ jfisser li l-kundizzjonijiet biex tinbena familja nbidlu.
Meta koppja tkun qed tħabbat wiċċha ma’ spejjeż għoljin ta’ akkomodazzjoni, xogħol intensiv, nuqqas ta’ ħin u inċertezza dwar il-futur, id-deċiżjoni li jkollha t-tfal issir aktar kumplessa. Għalhekk, jekk irridu nifhmu d-demografija ta’ Malta, ma nistgħux sempliċement ngħidu li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda huma differenti. Irridu nistaqsu għaliex huma differenti.
Hemm ukoll bidliet fil-valuri. Iż-żgħażagħ tal-lum huma esposti għal ideat, kulturi u perspettivi minn madwar id-dinja kollha. L-internet naqqas il-fruntieri kulturali u għamel possibbli li persuna f’Malta tkun f’kuntatt kontinwu ma’ dak li qed jiġri f’Londra, New York, Tokyo jew Sydney. Dan jista’ jwessa’ l-orizzonti.
Imma jista’ joħloq ukoll kunflitt bejn il-valuri li wiret persuna mill-familja u l-komunita’ tagħha u dawk li ssib fuq l-iskrins tagħha kuljum. Hawnhekk għandha rwol importanti l-edukazzjoni. Mhux l-edukazzjoni bħala memorja ta’ fatti, iżda bħala l-kapaċita’ li taħseb, tistaqsi, tiddistingwi bejn informazzjoni u manipulazzjoni u tifhem perspettivi differenti.
Minkejja dawn il-bidliet kollha, hemm affarijiet fundamentali li jibqgħu l-istess. Il-bniedem għadu jfittex l-imħabba, il-familja, il-ħbiberija, is-sigurta’ u sens ta’ appartenenza.
Żagħżugħ tal-lum jista’ jkun qed juża smartphone minflok ittra, iżda xorta jrid ikun mifhum. Jista’ jaħdem permezz ta’ kompjuter minflok f’uffiċċju tradizzjonali, iżda xorta jrid rispett u rikonoxximent. Jista’ jikkomunika ma’ mijiet ta’ nies online, iżda xorta jista’ jħossu waħdu. Dan jurina li forsi l-bniedem ma nbidilx daqs kemm naħsbu. Inbidlet id-dinja li qed jgħix fiha.
X’għandha tagħmel is-soċjetà? Il-kompitu tagħna mhuwiex li niġġudikaw lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda skont il-passat. Lanqas m’għandna naċċettaw kull bidla sempliċement għax hija ġdida. Għandna nagħmlu xi ħaġa aktar diffiċli: nisimgħu.
Il-ġenerazzjonijiet differenti għandhom x’jitgħallmu minn xulxin. Il-ġenerazzjonijiet ta’ qabel għandhom esperjenza, għerf u għarfien li ma jistgħux jinkisbu minn search engine. Il-ġenerazzjonijiet il-ġodda għandhom ideat, enerġija u perspettivi li jistgħu jgħinu lis-soċjeta’ tevolvi.
L-għan m’għandux ikun li ġenerazzjoni tirbaħ fuq oħra. Għandu jkun li l-aħjar ta’ kull ġenerazzjoni jgħaddi għall-oħra.
Dan għandu jkun ukoll punt importanti fil-politika. Jekk irridu pajjiż li jħares lejn il-futur, irridu nistaqsu x’Malta qed nibnu għaż-żgħażagħ tagħna. Qed nagħtuhom edukazzjoni li tippreparahom għax-xogħol ta’ għada? Qed nagħtuhom ċans ikollhom dar? Qed noħolqu ekonomija li tippermettilhom jgħixu b’dinjita’? Qed ninvestu fil-ħiliet tagħhom? Qed nippjanaw infrastruttura, trasport, saħħa u ambjent li jkunu jistgħu jservuhom? U fuq kollox, qed nagħtuhom raġuni biex jibqgħu jagħżlu lil Malta bħala pajjiż fejn jgħixu u jibnu l-futur tagħhom?
Dawn mhumiex mistoqsijiet dwar iż-żgħażagħ biss. Huma mistoqsijiet dwar il-pajjiż kollu. Għax kull ġenerazzjoni tgħix fi żmienha. Il-ġenerazzjoni tal-lum mhijiex aħjar jew agħar minn dawk ta’ qabel. Hija ffurmata minn realtajiet differenti, opportunitajiet differenti u sfidi differenti.
Għalhekk, minflok ma nistaqsu jekk il-ġenerazzjonijiet il-ġodda humiex differenti, forsi għandna nistaqsu jekk aħniex nifhmuhom biżżejjed biex nibnu magħhom il-pajjiż tal-futur. Għax il-ġenerazzjoni li ġejja mhijiex biss il-ġenerazzjoni li se tgħix fil-Malta ta’ għada. Hija l-ġenerazzjoni li se jkollha tmexxiha.
