Malta Qed Tinbidel: Min Se Jiggwida l-Bidla Demografika?

Minn Osservatur Politiku
Malta qed tinbidel. Mhux biss qed jinbnew toroq, bini u żoni residenzjali ġodda. Qed tinbidel ukoll il-kompożizzjoni tal-popolazzjoni tagħna, u din il-bidla qed isseħħ b’pass li għandu jġiegħel lil kull min imexxi l-pajjiż jieqaf u jistaqsi: fejn sejrin, u aħna lesti għal dak li ġej?
Il-bidla demografika mhijiex sempliċement kwistjoni ta’ kemm għandna nies jgħixu f’Malta. Hija dwar min huma dawn in-nies, kemm għandhom żmien, fejn jgħixu, fejn jaħdmu, x’servizzi għandhom bżonn u x’kontribut jistgħu jagħtu lill-ekonomija u lis-soċjeta’. Għal pajjiż żgħir bħal Malta, din hija kwistjoni li ma nistgħux inħallu għal għada.
Għal snin twal, Malta kellha tkabbir demografiku relattivament bil-mod. Illum is-sitwazzjoni hija differenti. It-tkabbir tal-popolazzjoni f’dawn l-aħħar snin kien immexxi fil-biċċa l-kbira mill-migrazzjoni. Dan għen lill-ekonomija tespandi, ipprovda ħaddiema f’diversi setturi u għen lil ħafna negozji jkomplu joperaw.
Imma popolazzjoni akbar tfisser ukoll domanda akbar. Aktar nies ifissru aktar djar, aktar toroq, aktar karozzi, aktar ilma, aktar enerġija, aktar skart, aktar trasport, aktar skejjel u aktar servizzi tas-saħħa. Jekk il-popolazzjoni tikber aktar malajr mill-kapaċita’ tal-pajjiż li jżid l-infrastruttura u s-servizzi, il-pressjoni tinħass fil-ħajja ta’ kuljum.
It-traffiku jiżdied. Il-kirjiet jogħlew. L-ispazju pubbliku jonqos. Is-servizzi jkunu taħt pressjoni. Għalhekk, ma nistgħux inħarsu biss lejn il-figura tal-popolazzjoni. Irridu nħarsu lejn il-kapaċita’ tal-pajjiż li jlaħħaq magħha.
Il-migrazzjoni għandha wkoll dimensjoni ekonomika importanti. Ħafna mill-ħaddiema barranin li ġew Malta qed jagħmlu xogħol essenzjali fl-ekonomija tagħna. Huma preżenti fis-saħħa, fil-kostruzzjoni, fit-turiżmu, fl-ospitalita’, fil-kura, fit-trasport, fis-servizzi u f’ħafna setturi oħra. Ma nistgħux nitkellmu dwar it-tkabbir ekonomiku ta’ Malta mingħajr ma nirrikonoxxu dan il-kontribut.
Imma ekonomija li tiddependi dejjem aktar fuq żieda fil-ħaddiema biex tikber għandha tistaqsi wkoll mistoqsija oħra: qed inkabbru l-produttivita’ tagħna biżżejjed? Jekk it-tweġiba tkun le, nistgħu nsibu ruħna f’mudell fejn biex noħolqu aktar attivita’ ekonomika jkollna bżonn kontinwament aktar nies. Dan mhuwiex mudell li jista’ jkompli bla limitu fuq gżira żgħira.
Wieħed mill-ewwel postijiet fejn tinħass il-bidla demografika huwa s-suq tal-akkomodazzjoni. Aktar nies ifissru domanda akbar għall-akkomodazzjoni. Meta l-provvista ma tlaħħaqx mad-domanda, il-prezzijiet u l-kirjiet ikunu taħt pressjoni. Dan jaffettwa mhux biss lill-familji bi dħul baxx.
Anke żgħażagħ li jaħdmu full-time jistgħu jsibuha diffiċli biex jixtru dar tagħhom. Koppji żgħażagħ jistgħu jkollhom jistennew aktar. Familji jistgħu jkollhom jonfqu proporzjon akbar tad-dħul tagħhom fuq il-kera. Għalhekk, il-politika demografika ma tistax tiġi separata mill-politika tal-akkomodazzjoni. Jekk irridu nżidu l-popolazzjoni, irridu nkunu nafu fejn se jgħixu n-nies. U rridu nistaqsu wkoll x’tip ta’ pajjiż irridu nibnu.
Il-popolazzjoni li qed tikber qed tagħmel pressjoni fuq infrastruttura li f’ċerti oqsma diġa’ qed issibha diffiċli biex tlaħħaq. It-toroq tagħna qed iġorru aktar traffiku. Is-sistema tat-trasport pubbliku trid taqdi aktar nies. Il-konsum tal-enerġija qed jiżdied. Is-sistema tal-ilma u d-drenaġġ trid tlaħħaq ma’ domanda akbar.
Anke l-ippjanar urban irid jinbidel. Ma nistgħux nibqgħu nibnu appartament wara l-ieħor u mbagħad nistaqsu fejn se npoġġu l-karozzi, l-iskejjel, il-ġonna, il-faċilitajiet sportivi u s-servizzi meħtieġa mill-komunita’. L-iżvilupp ma jistax jitkejjel biss bil-kwantita’ ta’ bini li jinbena. Għandu jitkejjel ukoll bil-kwalita’ tal-ħajja li joħloq.
Hemm dimensjoni oħra tal-bidla demografika li kultant ma tingħatax biżżejjed attenzjoni: li l-popolazzjoni qed tixjieħ. Anke jekk Malta qed tirreġistra żieda fil-popolazzjoni minħabba l-migrazzjoni, għandna wkoll popolazzjoni Maltija li qed tixjieħ.
Dan ifisser domanda akbar għall-kura tas-saħħa, għall-kura fit-tul u għall-pensjonijiet. Is-sistema tas-saħħa tagħna trid tkun ippreparata għal popolazzjoni li mhux biss qed tikber, iżda li f’ċerti segmenti tagħha qed tixjieħ.
Il-mistoqsija mhijiex jekk irridux ngħinu lill-anzjani tagħna. Naturalment irridu. Il-mistoqsija hija jekk illum hux qed ninvestu biżżejjed biex inkunu nistgħu nipprovdu dik il-kura għada.
Bidla fil-popolazzjoni tfisser ukoll bidla fil-ħtiġijiet tas-servizzi pubbliċi. Jekk għandna aktar tfal, għandna bżonn aktar għalliema u faċilitajiet edukattivi. Jekk għandna aktar anzjani, għandna bżonn aktar servizzi ta’ kura u saħħa. Jekk għandna aktar ħaddiema barranin, irridu nsaħħu wkoll il-kapaċita’ tal-istituzzjonijiet biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni u l-komunikazzjoni.
Dan kollu għandu spiża. U għalhekk il-politika demografika għandha tkun marbuta direttament mal-politika fiskali. Ma nistgħux inħarsu lejn it-tkabbir tal-popolazzjoni bħala mezz biex inżidu d-dħul mit-taxxi mingħajr ma nqisu wkoll l-ispiża tal-infrastruttura u tas-servizzi li dik il-popolazzjoni teħtieġ.
Din twassalna għall-aktar mistoqsija importanti. Irridu aktar nies, jew irridu ekonomija aktar produttiva? Jekk l-għan tagħna huwa biss li nżidu l-popolazzjoni biex ikollna aktar ħaddiema u aktar konsum, inkunu qed niffukaw fuq in-numru. Imma jekk irridu kwalita’ ta’ ħajja aħjar, irridu niffukaw fuq il-valur. Aktar produttivita’. Aktar innovazzjoni. Aktar investiment fit-teknoloġija. Aktar ħiliet. Pagi aħjar. Ekonomija b’saħħitha m’għandhiex tkun tiddependi biss fuq kemm għandha nies jaħdmu, iżda fuq kemm valur joħloq kull ħaddiem.
Il-bidla demografika mhijiex problema li għandha soluzzjoni waħda. Jeħtieġ politika ta’ akkomodazzjoni aktar serja, investiment fl-infrastruttura, trasport pubbliku aħjar, ippjanar urban aktar responsabbli, servizzi tas-saħħa li jħarsu lejn il-futur u sistema edukattiva li tipprepara lin-nies għall-ekonomija li ġejja.
Jeħtieġ ukoll diskussjoni onesta dwar il-migrazzjoni: kemm nies għandna bżonn, f’liema setturi, kif niżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u kif niżguraw integrazzjoni effettiva.
Fuq kollox, għandna bżonn viżjoni. Ma nistgħux nibqgħu nwieġbu għall-bidla demografika wara li sseħħ. Jekk nafu li l-popolazzjoni qed tikber, irridu nkunu qed nippjanaw l-iskejjel, l-isptarijiet, it-toroq, it-trasport u l-akkomodazzjoni qabel ma l-pressjoni ssir kriżi.
Pajjiż ma jistax jippjana l-futur tiegħu billi jħares biss lejn il-popolazzjoni tal-lum. Irridu nistaqsu kemm se nkunu, kif se nkunu qed ngħixu, x’xogħol se nkunu qed nagħmlu u x’servizzi se jkollna bżonn għaxar, għoxrin u tletin sena oħra.
Malta qed tinbidel. Il-mistoqsija mhijiex jekk il-bidla hix se sseħħ. Il-mistoqsija hija jekk aħniex se nkunu aħna li niggwidawha, jew jekk hix se tkun hi li tiggwida lil Malta. U pajjiż li għandu viżjoni ma jibżax mill-bidla. Jippjana għaliha.
