Il-Ħiliet li Malta Għandha Bżonn għall-Futur tax-Xogħol

Minn Osservatur Politiku
Qegħdin ngħixu fi żmien li fih id-dinja tax-xogħol qed tinbidel b’pass li ftit ġenerazzjonijiet qabel ma kienx possibbli jimmaġinawh. Teknoloġiji ġodda, intelliġenza artifiċjali, awtomazzjoni u diġitalizzazzjoni qed ibiddlu mhux biss it-tip ta’ xogħol li nagħmlu, iżda wkoll il-ħiliet li jeħtieġu l-ħaddiema biex jibqgħu kompetittivi.
Għal Malta, din mhijiex kwistjoni li nistgħu nħallu għal għada. Għandna ekonomija li għal snin ibbażat ruħha fuq tkabbir qawwi, investiment u żieda fl-impjiegi. Imma l-futur ekonomiku tagħna mhux se jiddependi biss fuq kemm għandna nies jaħdmu. Se jiddependi dejjem aktar fuq x’jafu jagħmlu dawn in-nies.
Dan ifisser li d-diskussjoni dwar il-ħiliet m’għandhiex tkun biss diskussjoni dwar l-edukazzjoni. Hija diskussjoni dwar l-ekonomija, il-produttivita’, il-pagi, il-kompetittiva’ u l-kwalita’ tal-ħajja. Il-ħaddiem ta’ għada mhux neċessarjament se jkollu bżonn aktar għarfien minn dak tal-lum. Se jkollu bżonn għarfien differenti.
Waħda mill-akbar bidliet li qed iseħħu hija l-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali. Għal xi wħud, l-AI tfisser theddida għall-impjiegi. Għal oħrajn, hija opportunita’ biex ix-xogħol isir aktar produttiv u effiċjenti. Probabbilment hemm ftit mit-tnejn.
Ċerti kompiti ripetittivi jistgħu jiġu awtomatizzati. Ċerti xogħlijiet jistgħu jinbidlu radikalment. Imma l-AI ma tfissirx neċessarjament li l-bniedem ma jibqax meħtieġ. Anzi, tista’ tagħmel il-ħiliet umani aktar importanti.
Jekk kompjuter jista’ jipproċessa ammont kbir ta’ informazzjoni f’sekondi, il-valur tal-bniedem jista’ jkun aktar fil-kapaċita’ li jinterpreta dik l-informazzjoni, jistaqsi l-mistoqsijiet it-tajba, jagħmel ġudizzju u jieħu responsabbilta’ għad-deċiżjonijiet.
Għalhekk, il-ħila li tuża t-teknoloġija se tkun importanti. Imma daqstant importanti se tkun il-ħila li tkun taf meta tafdaha u meta ma tafdahiex.
F’era fejn għandna aktar informazzjoni minn qatt qabel, waħda mill-aktar ħiliet importanti se tkun il-ħsieb kritiku. Kuljum niltaqgħu ma’ eluf ta’ informazzjoni, opinjonijiet, filmati u kummenti fuq l-internet. L-isfida mhijiex aktar li nsibu l-informazzjoni. L-isfida hija li nagħrfu liema informazzjoni hija affidabbli. Ħaddiem li jaf jaqra dejta, janalizza argument, jidentifika żball u jasal għal konklużjoni bbażata fuq evidenza se jkun dejjem aktar prezzjuż. Dan japplika għal kull settur. Tabib, accountant, inġinier, għalliem, maniġer jew uffiċjal pubbliku kollha għandhom bżonn il-kapaċita’ li janalizzaw informazzjoni u jieħdu deċiżjonijiet tajbin.
Il-ħiliet diġitali m’għadhomx lussu. Illum kważi kull xogħol għandu element diġitali. Għada dan se jkun aktar minnu.
Imma rridu mmorru lil hinn mill-ħila li nużaw kompjuter jew programm partikolari. Il-ħaddiem tal-futur għandu jkun kapaċi jitgħallem teknoloġiji ġodda malajr. Għax it-teknoloġija li nitgħallmu llum tista’ tkun skaduta fi ftit snin. Din hija waħda mill-akbar sfidi għall-edukazzjoni u t-taħriġ. Ma nistgħux nippreparaw persuna għall-impjieg tal-2035 billi ngħallmuha biss dak li nafu llum. Irridu ngħallmuha kif titgħallem.
Forsi l-aktar ħila importanti tal-futur se tkun l-adattabilita’. Għal ħafna snin, il-mudell tradizzjonali kien wieħed relattivament sempliċi: persuna tistudja, tidħol fid-dinja tax-xogħol u tibqa’ tuża l-istess għarfien għal ħafna snin. Dak il-mudell qed jispiċċa.
Persuna tista’ tibda karriera f’settur u wara għaxar snin issib li parti mill-ħiliet tagħha m’għadhomx biżżejjed. Għalhekk, it-tagħlim m’għandux jispiċċa meta wieħed jitlaq mill-iskola jew mill-universita’. Irridu kultura ta’ lifelong learning. Il-ħaddiem għandu jkollu l-opportunita’ li jitgħallem ħiliet ġodda matul il-karriera kollha tiegħu, kemm jekk permezz ta’ korsijiet, taħriġ fuq il-post tax-xogħol jew edukazzjoni vokazzjonali.
Ironikament, aktar ma t-teknoloġija ssir b’saħħitha, aktar jistgħu jsiru importanti l-ħiliet li huma diffiċli biex jiġu sostitwiti minn magna. Il-komunikazzjoni. L-empatija. Il-kollaborazzjoni. It-tmexxija. Il-kreattivita’. Il-kapaċita’ li wieħed isolvi kunflitt. Dawn mhumiex “soft skills” li jistgħu jiġu mwarrba bħala sekondarji. Huma ħiliet ekonomiċi.
Kumpanija tista’ jkollha l-aqwa teknoloġija fid-dinja, iżda jekk in-nies tagħha ma jafux jaħdmu flimkien, tikkomunikaw u jieħdu deċiżjonijiet, il-produttivita’ se tbati. Il-ħaddiem tal-futur se jkollu bżonn ikun kemm teknikament kompetenti kif ukoll umanament kapaċi.
Għal pajjiż bħal Malta, il-komunikazzjoni għandha importanza partikolari. Aħna ekonomija żgħira u miftuħa. Ħafna mill-attivita’ ekonomika tagħna tiddependi fuq relazzjonijiet ma’ pajjiżi oħra.
Il-ħila li tikkomunika b’mod ċar u professjonali, kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż u, fejn meħtieġ, b’lingwi oħra, tista’ tkun vantaġġ kompetittiv. Imma l-komunikazzjoni mhijiex biss kwistjoni ta’ lingwa. Hija l-ħila li wieħed jispjega idea, jisma’, jikkonvinċi u jadatta l-messaġġ tiegħu għal udjenzi differenti.
F’din id-diskussjoni m’għandniex ninsew il-ħiliet tekniċi u vokazzjonali. Għandna bżonn inġiniera, tekniċi, electricians, plumbers, carers, ħaddiema tas-saħħa, nies tas-sengħa u ħafna professjonijiet oħra. F’ekonomija moderna, dawn il-ħiliet jistgħu jkunu fost l-aktar prezzjużi.
Il-problema hi li għal snin twal kultant tajna l-impressjoni li s-suċċess edukattiv ifisser biss li wieħed imur l-universita’. Dan għandu jinbidel. Edukazzjoni vokazzjonali ta’ kwalita’ mhijiex it-tieni għażla. Hija parti essenzjali mill-ekonomija tal-futur.
U x’jiġri mill-ħaddiema li ma jkunux lesti? Din hija l-aktar mistoqsija soċjali importanti. Ma nistgħux nitkellmu dwar il-ħiliet tal-futur u nħallu warajna lil dawk li llum jinsabu fid-dinja tax-xogħol.
Ħafna ħaddiema ma jistgħux sempliċement jieqfu mix-xogħol għal sentejn biex jerġgħu jistudjaw. Għalhekk għandna bżonn sistemi ta’ taħriġ aktar flessibbli u aċċessibbli. Min iħaddem għandu wkoll responsabbilta’. Jekk kumpanija trid tibbenefika minn ħaddiema aktar produttivi, għandha tinvesti fil-ħiliet tagħhom. U l-Istat għandu jgħin biex joħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa.
Id-diskussjoni dwar il-ħiliet għandha twassal għal diskussjoni dwar il-produttivita’. Malta ma tistax tibqa’ tiddependi dejjem aktar fuq aktar nies biex tipproduċi aktar. Jekk irridu pagi aħjar, servizzi pubbliċi aħjar u standard ta’ għajxien ogħla, irridu ekonomija li tipproduċi aktar valur għal kull siegħa xogħol. Dan iseħħ permezz ta’ investiment fit-teknoloġija, iżda wkoll permezz ta’ investiment fil-bniedem.
L-akbar kapital li għandha Malta mhuwiex il-bini, it-toroq jew it-tagħmir. Huwa l-ħiliet tan-nies tagħha. Il-ħiliet li se jkunu l-aktar meħtieġa għada mhumiex biss dawk li nistgħu nniżżlu f’lista. Huma l-kapaċita’ li nitgħallmu, nadattaw, naħsbu b’mod kritiku, nużaw it-teknoloġija, nikkomunikaw u naħdmu ma’ ħaddieħor.
Din hija sfida għall-iskejjel, għall-universita’, għall-kulleġġi vokazzjonali, għan-negozji u għall-Gvern. U hija wkoll opportunita’ kbira.
Jekk Malta tinvesti fil-ħiliet tan-nies tagħha, tista’ tibqa’ kompetittiva mingħajr ma tiddependi biss fuq żieda fil-popolazzjoni jew fuq aktar ħaddiema. Jekk ma tagħmilx hekk, nistgħu nsibu ruħna b’ekonomija li qed tikber fin-numru iżda mhux biżżejjed fil-valur.
Għalhekk, l-edukazzjoni u t-taħriġ m’għandhomx jitqiesu bħala spiża. Huma investiment fil-produttivita’, fil-pagi u fil-futur ekonomiku tal-pajjiż.
Il-mistoqsija mhijiex jekk id-dinja tax-xogħol hux se tinbidel. Għax nafu li se tinbidel. Il-mistoqsija vera hija jekk Malta hix se tkun lesta meta tinbidel. U t-tweġiba għal dik il-mistoqsija tibda bil-mod kif qed nippreparaw lill-ħaddiema tagħna llum.
