It-tmexxija tal-U.E. mhix turi sinjali li hija għandha xi rieda favur il-paċi bejn l-Ukrajna u r-Russja

Minn Edwin Vassallo

Jidher li l-industrija tal-armi li fil-preżent fid-dinja hija l-aktar industrija li qed turi li sejra tajjeb, qed issib sostenn minn ħafna politiċi li huma favur ir-riħa tal-gwerra.

Dan huwa fatt.

L-uniku politiku li s’issa qed juri impenn għall-waqfien tal-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja huwa Trump fl-Istati Uniti u l-ħabib tiegħu Orban tal-Ungerija fl-U.E.

Dawn huma fatti.

Kieku dawk il politiċi inklużi tagħna (Malta) li tant jgħidu li huma favur il-paċi jieqfu jissupplixxu l-armi, kieku dawn il-gwerer waqfu.

Dan huwa fatt.

Sakemm hemm politiċi li jimpurtahom aktar mill-argument tal-ġustifikazzjoni tal-gwerra milli mill-ħafna ħajjiet li qed jintilfu f’dawn il-gwerer, kieku dawn il-gwerer waqfu.

Dan huwa fatt ukoll.

L-opinjoni tiegħi hija li ladarba għandna tant politiċi li jridu l-gwerra, kemm dik bejn l-Ukrajna u r-Russja u bejn il-Ħamas u l-Iżrael, allura jidher ghalija li dawn huma gwerer li qed isiru għall-flus.

Li kieku l-mexxejja tal-U.E verament iridu l-paċi akkost ta’ kollox, kieku ma kinux jieħdu deċiżjoni biex lil Orban isikktuh, biex jumiljawh talli ħa decizjoni li jitkellem ma’ dawk involuti fil-gwerra u jistaqsi dwar il-possibiltà ta’ waqfien mill-ġlied.

Fil-fehma tiegħi jidher iżda li t-tmexxija tal-U.E. jimpurtaha aktar mill-argumenti tal-ġeopolitika biex jirbħu aktar l-argument tal-ġustifikazzjoni tal-gwerra u l-mewt li din iġġib magħha milli li jippruvaw jagħmlu minn kollox biex jiġġustifikaw il-paċi.

L-Istati Uniti u n-NATO saħħnu l-qiegħa kemm felħu biex jaraw li bħal gwerer oħra din tibda u tibqa’ sejra. Bħal gwerer oħra, fi ftit snin oħra nkunu nsejna għaliex bdiet. Bħal gwerer oħra dawn il-gwerer bdew għaliex ir-ras iebsa tal-politiċi riedet tidher tirbaħ argument.

X’ħasra li l-politiċi tagħna wkoll jidhru li huma favur tmexxija fl-U.E. li hija favur il gwerra u mhux il-paċi.

Min jgħid mod u jagħmel il-kuntrarju.

X’diżonestà ta’ politika li tkun favur il-kultura tal-mewt.

Jien bħala Nisrani fil-politika ma nista’ nkun qatt favur il-kultura tal-mewt. Jien favur il-kultura tal-ħajja, tal-paċi, tal-onestà tal-kelma, tal-irġulija, u mhux illum tiffirma trattat għall-paċi u meta jaqbillek tinsieh.

Il-mewt ta’ ħafna u ħafna familji, trabi, tfal, żgħażagħ, missirijiet u ommijiet, anzjani, suldati, kienet il-ħlas għar-ras iebsa tal-politiċi li jridu dejjem jidhru sbieħ. Madankollu, ħadd minnhom ma ħallas għall-gwerra bħall-familji li qed jgħixu f’nofs il-gwerra.

L-opinjoni tiegħi, bħalma ma waqt il-pandemija kien hemm min talab sehmu, l-istess qed jiġri f’dawn il-gwerer. Hemm min qiegħed ibill idejh.

Din hija l-kultura tal-mewt, ta’ ulied id-dlam li huma għaqlin aktar min ulied id-dawl.

X’ħasra tant familji li qegħdin ibatu.

Ħasra għall-proġett politiku tal-U.E. li qed jisfa korrott, u li minflok għall-paċi qed jonfoħ il-ġlied u l-gwerer.

3 thoughts on “It-tmexxija tal-U.E. mhix turi sinjali li hija għandha xi rieda favur il-paċi bejn l-Ukrajna u r-Russja”

  1. Fis-7 ta’ Ottubru ngħalqu sena mill-attakk sorpriża ta’ Hamas fuq Israel. Nispera li ma jkunx hemm xi sorpriża oħra f’dik il ġurnata. Ma nkunx sorpriż jekk ikun hemm xi attakk mill-Iran jew fuq l-Iran.

  2. 7th October huwa il-birthday ta’ Putin u ftit ġimgħat wara, fil-21 ta’ Ottubru jiġi il-birthday ta’ Netanyahu.

  3. Proset sur Vassallo! Hafna politici tabbing biss biex jibghatu ulied haddiehor biex imutu-: imma mhux uliedhom!

Leave a Reply